2 minute read
Programmi mit-Tnejn sal-Ġimgħa
X’TISTA’ TARA FUQ IT-TV?
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa Programmi ta’ varjetà Sketches mad-Dulli
Advertisement
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-7:50 u fil-11:35 fuq ONE Doża żgħira ta’ kuljum mill-komiku Dulli. Mela familja stiednet lit-tabib jinvista l-omm li kienet ma tiflaħx. Il-bint u l-missier ma ridux jidħlu fil-kamra mat-tabib għax beżgħu. Lit-tabib qalulu biex jagħmel dak li tista’ sabiex tfejjaqha, flus mhux problema. Inkwetati bis-sitwazzjoni tal-omm, kienu qegħdin b’ħerqa biex jaraw il-verdett tat-tabib. It-tabib mar fl-aħħar kamra u wara ftit irritorna. “Għandi bżonn fidiferru” qalilhom. Dawk inkwetati u mħassbin marru jġibulu li ried. It-tabib reġa’ mar fl-aħħar kamra, iżda ma damx biex reġa’ rritorna u talabhom martell. Dawk b’biża’ kbir ġabulu li ried u t-tabib ħaffef għall-kamra. Din id-darba rritorna għall-iskarpell iżda dawn ma felħux aktar. Staqsuh x’jambih l-iskarpell. Dak weġibom li ried jiftaħha! Ma kinitx kelma, dawk bjadu. “Naħseb belgħet iċ-ċavetta” qalilhom it-tabib! Dawk bdew iwaħħlu f’xulxin għat-traskuraġni tagħhom iżda kien hawn li t-tabib fehem bl-iżball. “Naħseb is-seratura belgħet iċ-ċavetta... l-omm għadni lanqas rajtha għax ma stajtx niftaħ il-bieb!”... Id-Dulli jivvintahom!
Gadgets Shorts
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fid-8:45 u fil-17:05 fuq TVM Rachel u Ian jippreżentaw doża żgħira ta’ Gadgets ta’ kuljum. It-tnejn jirrispondu mistoqsijiet diversi fuq l-aħħar aħbarijiet mid-dinja tat-teknoloġija.
Teftif
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-12:50 fuq ONE Doża żgħira ta’ kif tista’ ssajjar kuljum! Waħda mir-riċetti sempliċi kienet tikkonsisti minn 568ml ħalib u saħħnu fuq in-nar. Għandek bżonn 2 mgħaref trab tal-custurd u dewweb it-trab fi ftit ħalib. Ħawwad mal-ħalib jaħraq. Aqbad nofs pakkett gallettini taċ-ċikkulata u kissirhom. Ġo vażżetti żgħar itfa’ l-gallettini mkissrin u l-krema talcusturd! Dewweb 50 gramma ċikkulata skura tat-tidwib, żid 25 gramma krema friska u ħawwad dawn it-tnejn flimkien. Żid it-taħlita ma’ dik tal-ġar u żejjen bi ftit gallettini li jifdal.
Espresso
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-13:00 fuq ONE Wayne Aquilina għal sajf ieħor iżomm l-appuntament tiegħu mal-espressini!
Noli
It-Tnejn, it-Tlieta u l-Ġimgħa fis-19:15 fuq TVM F’dan il-programm qed niltaqgħu ma’ għadd ta’ personalitajiet mid-djar tagħhom. Timmaġinah lill-Ministru Carmelo Abela qassis? Iva hekk kien ser isir! Dan qalu hu stess waqt intervista li kellu fil-programm televiżiv Noli. “Kont qed naħseb biex nibda l-ewwel sena s-Seminarju imma mbagħad ma bdejtx” jgħid Carmelo lil Angie. Angie staqsietu jekk kienx kwiet u hu weġibha, “L-iskola kont dejjem magħruf bħala wieħed minn dawk il-kwieti. Fil-fatt meta wħud minn sħabi tal-iskola saru jafu li ser noħroġ għall-elezzjoni, jekk kienu qed jistennewha m’għand kulħadd, ma kinux qed jistennewha mingħandi”. Carmelo jikxef ħafna aktar sigrieti waqt l-intervista li għamlitlu Angie Laus.
Primetime Preview
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-12:45, fl-16:00 u fis-19:15 fuq ONE Owen Bonnici b’verżjoni sajfija ta’ Primetime. F’dan ilprogramm Owen waqt li għaddej mit-toroq ta’ Malta ser ikun qed jilgħab mal-telespettaturi l-logħba popolari Kontra 30 sekonda bil-maqlub.
Bejnietna
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-18:10 fuq NET Dulcima, Stef u Marco Calleja jilqgħu lit-telespettaturi kuljum bi programm frisk Bejnietna. Fil-programm ikun hemm mistiedna personalitajiet distinti fejn insiru nafu affarijiet ħelwin fuqhom. Skoprejna li f’għeluq l-anniversarju, Peppi ta ġiżirana lil Mandy iżda hu ried funtana! L-idea ta’ din il-funtana għall-ewwel ma tantx għoġbitha lil Mandy imma kellha taċċetta. Fid-dar tagħhom issa għandhom funtana ġol-bitħa! Iżda mill-ewwel bdew l-intoppi hekk kif il-plakka waħlet u ma riditx tinqala’! Imnalla kien Xandru, it-tifel tagħhom, li sabilhom soluzzjoni!
Vitalità
It-Tnejn u l-Ġimgħa fis-18:15 fuq TVM Programm prodott mill-Kunsill Malti tal-Volontarjat dwar temi ta’ saħħa, l-anzjani, arti, ambjent, kura tal-annimali u żgħażagħ.
Magħkom
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq NET Programm ta’ ġrajjiet kurrenti preżentat minn diversi preżentaturi u b’mistiedna differenti kuljum. Il-programm jixxandar kuljum, mit-Tnejn sal-Ħamis fit-20.20 u nhar ta’ Ġimgħa jixxandar bl-Ingliż fid-20.50