5 minute read
1. Min aħna u l-viżjoni tagħna
1.2.2 Djar fil-Komunità
‘Żerniq’ Is‑ Siġġiewi (Miftuħa fil‑11 ta’ Frar 1997). Persuni b’diżabilità intelletwali; ‘Akkwarell’ Il‑Qawra (Miftuħa fil‑21 ta’ Novembru 2012). Persuni b’diżabilità fiżika; ‘Dar Pirotta’ Birkirkara (Miftuħa fil‑2007 mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta u mill‑ 1 ta’ Jannar 2014 waqgħet taħt ir‑responsabbiltà tad‑Dar tal‑ Providenza). Persuni b’diżabilità intellettwali; ‘Shalom’ Iż‑Żurrieq (Miftuħa fit‑8 ta’ April 2016). Persuni b’diżabilità intellettwali: 1.3 Id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza Id‑Direttur tad‑Dar huwa Fr Martin Micallef. Huwa kien innominat Direttur tad‑Dar mill‑Arċisqof Pawl Cremona O.P. wara li l‑predeċessur tiegħu, Mons. Lawrence Gatt kien maħtur il‑Kanċillier tal‑Kurja Arċiveskovili. Fr Martin Micallef beda l‑ħidma tiegħu bħala d‑Direttur il‑ġdid tad‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Ottubru 2008.
1.4 Liċenzja għall-Operat
Fis‑sena 2020, id‑djar residenzjali kollha li tmexxi d‑Dar tal‑Providenza kellhom il‑liċenzja tagħhom imġedda mill‑Awtorità tal‑Istandards għall‑Kura Soċjali.
02
Il-Pandemija tal-COVID-19
2. IL-PANDEMIJA TAL-COVID-19 Il‑pandemija tal‑COVID‑19 li oriġinat fil‑Belt ta’ Wuhan iċ‑Ċina f’Diċembru tal‑2019 malajr infirxet b’mod allarmanti f’kull naħa tad‑dinja inkluż Malta. Lejn l‑aħħar ta’ Frar u l‑bidu ta’ Marzu, l‑Awtoritajiet tas‑Saħħa Maltin bdew jippreparaw għall‑eventwalità li din l‑imxija tidħol f’Malta. Fil‑fatt l‑ewwel każijiet f’Malta ġew irrappurtati fis‑7 ta’ Marzu 2020. L‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa (WHO) iddikjarat l‑imxija bħala pandemija fil‑11 ta’ Marzu 2020.
2.1 Pjan ta’ Kontingenza Fit‑3 ta’ Marzu 2020, il‑Bord tad‑Dar tal‑Providenza ddiskuta x’miżuri tista’ tieħu d‑Dar biex nissalvagwardjaw is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti u l‑ħaddiema tad‑Dar minn din l‑imxija. It‑Tlieta 11 ta’ Marzu 2020 ħejjejna pjan ta’ kontinġenza biex ikun implimentat b’mod immedjat. Dan il‑pjan intbagħat lill‑Awtorità għall‑Kura tal‑Ħarsien Soċjali (SCSA) għall‑kunsiderazzjoni tagħhom. Dan il‑pjan beda jiġi implimentat minnufih.
Fost l‑aktar miżuri diffiċli li kellna nieħdu kienet dik li l‑familjari u l‑ħbieb ma jitħallewx jibqgħu jiġu jarawhom jew joħorġuhom. Għal dan il‑għan f’Mejju għamilna bieb bil‑perspex fil‑carpark tad‑Dar minn fejn il‑familjari u l‑ħbieb setgħu jaraw lir‑residenti b’appuntament. Minħabba l‑kuntatt limitat tar‑residenti mal‑familjari u l‑ħbieb, id‑Dar tal‑Providenza investiet fi smartphones għal kull dar fil‑komunità u f’kull appartament fis‑Siġġiewi biex ir‑residenti setgħu jżommu kuntatt mal‑familjari u ħbieb waqt il‑pandemija. Il‑miżuri li ttieħdu biex nipproteġu s‑saħħa tar‑residenti fissru investiment ta’ iktar minn €150,000.
2.2 Ilbies Protettiv
Id‑Dar għamlet investiment sostanzjali f’tagħmir protettiv (PPE) għall‑ħaddiema li jaħdmu f’kuntatt mar‑residenti, kif ukoll maskri, termometri u diżinfettanti. Fil‑fatt din is‑sena kien hemm żieda akbar fil‑frekwenza tat‑tindif u d‑diżinfettar fil‑postijiet li jintużaw l‑aktar ta’ spiss mir‑residenti u l‑ħaddiema.
Id‑Dar investiet ukoll f’ammont sostanzjali ta’ maskri protettivi (surgical masks). Il‑ħajjatin tad‑Dar bdew iħitu wkoll maskri bi tliet saffi ta’ drapp biex jintużaw mill‑ħaddiema. Dawn il‑maskri setgħu jerġgħu jintużaw wara li jkunu maħsula. Kull ħaddiem tad‑Dar ingħata erba’ maskri. Matul is‑sena kellna donazzjonjiet ta’ maskri minn diversi Aġenziji tal‑Gvern jew entitajiet oħra. F’Diċembru, d‑Dar ordnat maskri bl‑istemma tad‑Dar tal‑Providenza biex nagħtuhom bħala kumpliment lill‑ħaddiema. Paul’s Arcade tana wkoll numru ta’ maskri bl‑istemma tad‑ Dar biex jintużaw waqt il‑maratona Festa ta’ Ġenerożità 2021.
2.3 Trasport b’xejn għall‑ħaddiema
Id‑Dar ipprovdiet ukoll trasport sigur għall‑ ħaddiema li ma jsuqux biex ma jużawx it‑trasport pubbliku. Dan kien possibbli permezz tax‑xufiera tad‑Dar imma wkoll permezz ta’ servizz ta’ trasport privat li ħallset għalih id‑Dar.
2.4 Swab Tests tar‑residenti u l‑ħaddiema
In‑nersis tad‑Dar tal‑Providenza ingħataw taħriġ dwar kif jieħdu s‑swab tests. Wara dan it‑taħriġ beda t‑teħid regolari ta’ swab tests tar‑residenti u l‑ħaddiema minn dawn in‑ nersis stess. 2.5 Teleworking
Sar ukoll investiment f’sistemi teknoloġiċi biex ix‑xogħol amministrattiv ikun jista’ jitwettaq b’mod ta’ teleworking.
2.6 Kuntatt kontinwu mal‑SCSA
Sa mill‑bidu tal‑pandemija, id‑Dar tal‑ Providenza żammet kuntatt kontinwu mal‑SCSA kif ukoll implimentat id‑ direttivi maħruġa minnha dwar miżuri ta’ mitigazzjoni.
2.7 Il‑ħajja ta’ kuljum tar‑residenti
Bla dubju, ‑ il‑pandemija affettwat il‑mod ta’ ħajja ta’ kulħadd u mhux inqas tar‑residenti. Aktar ’l quddiem f’dan ir‑rapport nelenkaw aktar fid‑dettall x’għamilna biex kemm jista’ jkun, minkejja ħafna restrizzjoni, ir‑residenti setgħu xorta jgawdu mill‑aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli fiċ‑ċirkustanzi. 2.8 Funerali fid‑Dar tal‑Providenza
Bejn Marzu u Ġunju ingħalqu l‑knejjes u ma setgħux jiġu ċċelebrati quddies tal‑funerali. F’dan il‑perjodu mietu żewġ residenti li l‑funeral tagħhom kien jinkludi biss talb u d‑difna fiċ‑ċimiterju. Fil‑perjodu ta’ wara saru tliet funerali fil‑kappella tad‑Dar tal‑ Providenza skont id‑direttivi imposti mill‑ Awtoritajiet tas‑Saħħa.
2.9 Diffikultajiet finanzjarji megħluba bil‑providenza.
Mit‑tieni ġimgħa ta’ Marzu kellhom jitħassru l‑parti l‑kbira tal‑attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Fix‑xhur ta’ wara, minħabba l‑inċertezza ekonomika u l‑fatt li ħafna nies spiċċaw bla xogħol jew b’paga mnaqqsa, bdew jonqsu wkoll id‑donazzjonijiet. Kellna nħassru wkoll il‑Maratona tal‑Volleyball u numru ta’ inizzjattivi żgħar oħra li kellna ppjanati għal din is‑sena. Fil‑fatt saru biss numru żgħir ta’ inizjattivi li huma elenkati aktar ’l quddiem f’dan ir‑rapport.
Quddiem dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑Dar għamlet talba formali lill‑Gvern biex jgħinna finanzjarjament u fil‑fatt il‑Gvern permezz ta’ fond speċjali li nħoloq apposta għall‑Għaqdiet Volontarji tana miljun ewro biex jagħmlu tajjeb għan‑nuqqas ta’ fondi.
F’din is‑sena diffiċli però, ma naqsitx is‑ solidarjetà minn entitajiet u l‑poplu Malti. Nistgħu ngħidu li minn Lulju ’l quddiem id‑ Dar esperjenzat providenza kbira minn kull lat fosthom f’donazzjonijiet finanzjari biex stajna nagħlqu s‑sena bla telf finanzjaru.