13 minute read

2. Il-Pandemija tal-COVID-19

03

Ir-Residenti

3. IR-RESIDENTI Id‑Dar tal‑Providenza taħdem biex tipprovdi servizzi residenzjali individwalizzati, kemm fit‑tul kif ukoll għal żmien qasir (respite), lil persuni b’diżabilità b’rispett sħiħ lejn id‑drittijiet u d‑dinjità tagħhom. Matul din is‑sena r‑residenti tad‑Dar komplew jingħataw is‑sapport kollu meħtieġ biex jgħixu ħajja mimlija kemm jista’ jkun. Għaldaqstant barra sapport li jwieġeb għall‑ bżonnijiet ta’ kull persuna, id‑Dar toffri wkoll servizzi oħra addizzjonali biex jgħinu r‑residenti. 3.1 Is‑Servizz tal‑Fiżjoterapija Din is‑sena x‑xogħol tal‑fiżjoterapija kompla jkun ikkordinat mill‑fiżjoterapista prinċipali, żewġ fiżjoterapisti full‑time u waħda‑part‑ time u żewġ. Physiotherapy aides.

Xogħol importanti ieħor kien l‑assessjar ta’ diversi residenti li kellhom bżonn siġġu tar‑roti speċjalizzat li jkun adattat għall‑ bżonnijiet tagħhom. Dan l‑assessjar wassal biex illum dawn il‑persuni għandhom siġġu tar‑roti adattat għalihom. 3.2 Servizz ta’ Podjatrija

Wara intervent mis‑Segretarju Parlamentari għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabilità l‑Onor. Silvio Parnis, id‑Dar reġgħet bdiet tingħata s‑servizz ta’ podjatrija għar‑residenti fuq bażi regolari minn podjatra impjegata mal‑Gvern wara li dan is‑servizz kien twaqqaf għal xi żmien.

3.3 Servizz ta’ Speech Language Pathologist

Il‑Gvern joffri lid‑Dar is‑servizz ta’ speech language pathologist. Dan is‑servizz jgħin fost oħrajn biex nagħmlu passaporti ta’ komunikazzjoni għal uħud mir‑residenti kif ukoll biex ikunu assessjati dwar il‑livell ta’ ikel li jistgħu jieklu.

3.4 is‑Servizz ta’ High Support

Bil‑għajnuna tal‑Aġenzija Sapport, residenta tad‑Dar li għandha bżonn servizz ta’ High Support, id‑Dar qed tirċievi minn din l‑Aġenzija ħlas għal 80 siegħa ta’ sapport. Permezz ta’ din l‑għajnuna finanzjarja, d‑Dar timpjega żewġ Support Workers biex jagħmlu dan ix‑xogħol.

3.5 Rikreazzjoni

Kemm it‑tim tal‑ Ability Promoters kif ukoll is‑ support workers li jaħdmu fil‑flettijiet jorganizzaw attivitajiet regolari fid‑Dar b’mod speċjali nhar ta’ Ħadd u fil‑festi pubbliċi. Jiġu organizzati wkoll attivitajiet barra mid‑Dar li jwieġbu għall‑gosti tar‑residenti.

Minħabba l‑pandemija, minn Marzu sal‑ aħħar tas‑sena l‑attivitajiet varji barra mid‑ Dar li s‑soltu jipparteċipaw fihom ir‑residenti kellhom jitħassru kollha. Minkejja dan, sar sforz kbir biex ikunu organizzati aktar attivitajiet fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Kuljum kienu organizzati ħarġiet għar‑ residenti bil‑vannijiet tad‑Dar f’postijiet differenti fejn ir‑residenti ma jiġux f’kuntatt ma’ nies minħabba l‑pandemija. Xi attivitajiet li ġew organizzati din is‑sena kienu fost oħrajn, il‑karnival (qabel il‑pandemija), Street Music u drama. 3.6 Workshops u attivitajiet oħra

Numru ta’ residenti komplew jagħtu sehemhom fil‑workshops tal‑bolol, tal‑ agrikoltura kif ukoll tal‑crafts.

3.6.1 Iċ-Ċentru Agrikolu San Isidoru

Fil‑ workshop tal‑agrikoltura San Isidoru, ir‑residenti flimkien mal‑Ability Promoters u volontiera, ikabbru jew jipproċessaw prodotti tal‑biedja. Dawn il‑prodotti jkunu jistgħu jinxtraw mill‑pubbliku, jew mid‑Dar tal‑ Providenza jew waqt xi wirjiet agrikoli li r‑residenti li jaħdmu f’dan iċ‑Ċentru jkunu mistiedna għalihom. 3.6.2 Il-Workshop tal-bolol

F’dan il‑ workshop ir‑residenti jisseparaw bolol użati skont il‑kategoriji biex imbagħad dawn jinbiegħu lill‑ ħwienet tal‑bolol.

3.6.3 Workshop ta’ xogħlijiet artistiċi

Numru ta’ residenti għandhom l‑opportunità li jiżviluppaw il‑kreattività tagħhom f’ workshops ta’ tpinġija u xogħlijiet oħra artistiċi.

3.6.4 Sessjonjiet tat-tisjir

Numru ta’ residenti bl‑appoġġ ta’ Ability promoters jingħataw l‑opportunità wkoll li jsajru, iħejju il‑mejda tal‑ikel, jieklu flimkien u jagħmlu l‑ħasil u t‑tindif ta’ wara. Dan jgħinhom ikabbru l‑ħiliet għall‑ indipendenza tagħhom.

3.6.5 Sessjonijiet tal-mużika u drama

Attività li r‑residenti jipparteċipaw bi ħġarhom għaliha hija dik tas‑sessjonjiet tal‑mużika fejn ir‑residenti jisimgħu u jipparteċipaw f’daqq ta’ strumenti. Fil‑Music Room speċjalizzata r‑residenti jkollhom sessjonjiet ta’ mużika fi gruppi żgħar kif ukoll individwali. Din is‑sena minkejja l‑pandemija xorta sibna l‑mod kif filwaqt li nassiguraw is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑ residenti u l‑ħaddiema, inkomplu nużaw id‑drama li toffri opportunitajiet mill‑aqwa biex ir‑residenti jesprimu lilhom infushom filwaqt li jiżviluppaw u jaqsmu mal‑oħrajn it‑talenti artistiċi tagħhom. Ta’ kull sena, id‑Dar tal‑Providenza ittella’ produzzjoni teatrali fi żmien il‑Milied bis‑sehem tal‑ ħaddiema u r‑residenti. Din is‑sena fil‑festi tal‑Milied ir‑residenti flimkien mal‑Ability promoters tellgħu produzzjoni bl‑isem; ‘Dar tal‑Providenza goes Disney’ kif ukoll kummiedja bl‑isem ‘Ċuqq Paqq Pumm’. Minħabba r‑restrizzjonijiet imposti mill‑Awtoritajiet tas‑Saħħa dawn il‑produzzjonijiet ġew imtella’ diversi drabi biex ir‑residenti jibqgħu fil‑bubble tagħhom. Din is‑sena ma stajniex nistiednu l‑pubbliku biex jattendi għall‑kummiedja tal‑Milied, madankollu din il‑produzzjoni kienet irrekordjata biex tkun tista’ titgawda xorta mill‑pubbliku fuq il‑mezzi soċjali jew minn fuq il‑televixin. Fil‑fatt il‑kummiedja kienet imxandra fuq Xejk TV.

3.6.6 Sessjonijiet tar-rugby

Din is‑sena wkoll, The Brain Foundation kompliet toffri lir‑residenti li jixtiequ, sessjonijiet ta’ rugby adattat għalihom kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Bejn Marzu u Ġunju din l‑attività saret b’mod virtwali fil‑ kamra tal‑konferenzi tad‑Dar.

3.6.7 Sessjonijiet ta’ ibburdjar

Il‑Jarhead Young Sailor Foundation toffri opportunità lir‑residenti biex imorru jbaħħru fuq dgħajsa tal‑ qlugħ. 3.7 Mobilità

Ir‑residenti tad‑Dar, ikunu mħeġġa u mgħejuna biex jieħdu sehem f’attivitajiet li jgħinuhom jibqgħu attivi. Dan kien jinkludi mobilità fil‑ flett fuq bażi regolari flimkien ma’ attivitajiet li jiġu organizzati apposta bħal passiġġati, żfin u moviment waqt is‑ sessjonijiet tal‑mużika u l‑Hammett Baths.

Din is‑sena barra mix‑xhur ta’ bejn Marzu u Ġunju (minħabba li l‑Awtoritajiet tas‑ Saħħa ipprojbixxew l‑użu tal‑pixxini minħabba l‑pandemja) numru sabiħ ta’ residenti komplew jagħmlu użu mill‑pixxina terapewtika li għandna fid‑Dar. L‑użu tal‑ idroterapija huwa servizz ieħor li qed ikompli jtejjeb il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti. L‑idroterapija toffri opportunità ta’ mobilità kif ukoll attivitajiet sportivi. Daqstant ieħor hija importanti s‑sensazzjoni sabiħa ta’ rilassament li persuna tħoss fl‑ilma sħun anke jekk ikun diffiċli għaliha li tagħmel eżerċizzju.

Xi residenti jużaw ukoll is‑Soft Room, fejn huma jkunu jistgħu jagħmlu attività li jridu f’ambjent sikur u bla periklu. Attività oħra li qegħda tgħin lir–residenti biex isiru iktar attivi hija dik fil‑kmamar multisensorjali, fejn jiġu stimulati s‑sensi b’modi differenti. Dan ix‑xogħol isir bl‑għajnuna tal‑Ability Promoters fuq il‑pariri tal‑Occupational Therapist. Dawn il‑kmamar jiġu użati wkoll għal xi residenti biex jirrilassaw, speċjalment għal dawk li għandhom imġieba diffiċli ħafna.

Bħal kull sena oħra ġew organizzati wkoll attivitajiet regolari fil‑gym u attivitajiet sportivi oħra li jinkoraġġixxu l‑mobilità.

Dan ix-xogħol isir bl-għajnuna tal-Ability Promoters fuq il-pariri tal-Occupational Therapist.‘‘

3.8 Involviment barra mid‑Dar Ħamsa u erbgħin resident jattendu ċ‑Ċentri ta’ Matul il‑Jum għall‑Adulti mmexxija mill‑Aġenzija Sapport. Dawn iċ‑Ċentri huma dawk ta’ Vajrita f’Marsaskala, Ħal Far, Raħal Ġdid, l‑Imtarfa u Santa Venera. Resident ieħor jattendi ċ‑Ċentru tar‑Riżorsi San Miguel f’Pembroke waqt li oħra tattendi ċ‑Ċentru tar‑Riżorsi tal‑Wardija.

Minħabba l‑pandemija biex nassiguraw is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti, minn Marzu sal‑aħħar tas‑sena ma attendewx f’dawn iċ‑ċentri iżda baqgħu f’kuntatt permezz ta’ video calls li bdew isiru b’mod regolari. 3.9 L‑Informatika

Id‑Dar għandha ICT Lab fejn ir‑ residenti tad‑Dar jitħarrġu biex jagħmlu l‑aħjar użu mid‑dinja tal‑ informatika u b’hekk ikollhom, kif inhu dritt tagħhom, aċċess indaqs għall‑ informazzjoni u l‑komunikazzjoni li toffrilhom it‑teknoloġija tal‑informatika llum. Dan il‑laboratorju, hu armat b’teknoloġija assistiva bħal ma huma touch screens, keyboards, mouses speċjali u software apposta li jagħmluha eħfef għall‑persuni b’diżabilità differenti biex jużaw il‑kompjuter. 3.10 Is‑Salon tax‑xagħar

Matul din is‑sena r‑residenti kemm irġiel kif ukoll nisa komplew jagħmlu ‑ mis‑salon tad‑ Dar. Dan però ma jeskludix il‑fatt li numru żgħir ta’ residenti jagħmlu użu skont ix‑xewqa tagħhom mill‑ hairdresser personali tagħhom billi jżuru l‑ħanut tagħha jew tiġi żżurhom hi fir‑residenza.

3.11 Attivitajiet Spiritwali u SPRED

Għal dawn l‑aħħar 15‑il sena, id‑Dar tal‑ Providenza affiljat ruħha mal‑Aġenzija SPRED (SPecial REligious Development ‑ Żvillupp Reliġuż Speċjali) ta’ Glasgow, l‑Iskozja. SPRED għandu l‑bażi tiegħu f’Chicago, l‑Amerika. Dan l‑affiljament qed ikun ta’ benefiċċju kbir biex ir‑residenti b’diżabilità intellettwali jiġu mgħejuna jikbru wkoll fil‑fidi tagħhom. Għal dawn il‑laqgħat ta’ katekeżi kull resident li jipparteċipa għandu katekist ajjutant minn barra d‑Dar tal‑Providenza.

Din is‑sena kienet waħda partikolari minħabba l‑pandemija. Fil‑fatt f’din s‑sena ta’ SPRED Ottubru 2019 – Ġunju 2020 ilħaqna għamilna tliet laqgħat ta’ SPRED peress li f’Marzu kellna nieqfu minħabba l‑pandemija. Meta rġajna ftaħna stajna nagħmlu l‑laqgħat bin‑normalità l‑ġdida (mhux propju laqgħat ta’ SPRED kif suppost). Bil‑prekawzjonijiet kollha meħtieġa stajna nagħmlu żewġ laqgħat li jagħmlu parti mis‑sena ta’ SPRED 2020‑ 2021. Naturalment għal dawn il‑laqgħat attendew dawk ir‑residenti li l‑katekisti tagħhom dehrilhom li jistgħu jiltaqgħu magħhom f’dawn iċ‑ċirkostanzi. Matul dan il‑perjodu Ottubru 2019 – Ġunju 2020 kull resident ħa sehem ukoll f’żewġ quddisiet tal‑Familja SPRED bl‑ akkompanjament tal‑ħbieb tagħhom, il‑ katekisti ajjutanti. L‑istess hawnhekk kellna nieqfu minħabba l‑pandemIja.

Ġew ippubblikati wkoll żewġ ħarġiet bil‑Malti tal‑Fuljett SPRED: tal‑Milied u tal‑Għid. Sar il‑koordinament u l‑andament tal‑għaxar gruppi fi SPRED. Dawn il‑laqgħat isiru mit‑ Tnejn sal‑Ġimgħa filgħodu u f’xi jiem isiru filgħaxija wkoll. Kull grupp jikkonsisti f’sitt residenti flimkien mal‑kumpanni tagħhom u żewġ katekisti li jmexxu. Sar kuntatt ta’ tħejjija u taħriġ kontinwu għall‑katekisti kollha: laqgħat ta’ formazzjoni, enrichment u rtir. F’Settembru tas‑sena 2020 sar it‑ tiġdid tal‑Impenn għas‑sena l‑ġdida mill‑ katekisti u l‑kumpanni kollha iżda minħabba l‑pandemija kellu jsir bil‑posta.

3.11.1 Quddies

Kuljum issir quddiesa li għaliha jattendu numru sostanzjali ta’ residenti u li matulha jsir talb komunitarju primarjament għall‑benefatturi mejtin tad‑Dar. Ikollna wkoll quddies speċjali f’okkażjonijiet partikolari bħall‑funerali ta’ residenti. Kompla jsir il‑koordinament ta’ xi gruppi ta’ residenti biex jieħdu sehem nhar ta’ Ħadd fil‑quddies fil‑parroċċi tal‑qrib fejn hemm ħbieb tagħhom ta’ SPRED li jakkumpanjawhom. Saru wkoll l‑Eżerċizzi Spiritwali ta’ qabel il‑Milied u qabel l‑Għid kemm bil‑Malti kif ukoll bl‑Ingliż ħlief tal‑Ingliż ta’ qabel l‑Għid minħabba l‑pandemija. Fil‑bidu tal‑pandemija (Marzu sa nofs Ġunju) waqaf il‑quddies ta’ kuljum. Fil‑ pandemija saru ċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Inkurunazzjoni tal‑Madonna u Corpus Christi bil‑prekawzjonijiet kollha meħtieġa. Reġa’ beda wkoll il‑quddies ta’ kuljum bl‑attendenza ta’ numru żgħir ta’ residenti minn tliet flettijiet differenti b’kemm tippermetti l‑kappella u l‑prekawzjonijiet l‑oħra meħtieġa. 3.11.2 Tqarbin

Sar it‑tqarbin fil‑flettijiet ta’ dawk ir‑residenti li ma tantx jistgħu jieħdu sehem regolari fil‑quddiesa ta’ kuljum.

3.12 Imwiet ta’ residenti

Din is‑sena kellna l‑mewt ta’ 11‑il resident, erba’ nisa u seba’ rġiel. Ma kellna l‑ebda mewt kawża tal‑ COVID‑19. 3.13 Is-Servizz ta’ Respite

Din is‑sena d‑Dar ospitat 76 persuna għal perjodi differenti ta’ respite. Dawn varjaw minn ħin qasir ta’ ftit siegħat biex il‑familja tattendi għal xi tieġ jew funeral kif ukoll għal perjodi itwal ta’ ġranet jew ġimgħat fejn il‑familja siefret jew ħadet żmien ta’ mistrieħ. Numru ta’ persuni għamlu użu mir‑ respite għal‑perjodu twil ta’ xahar jew iżjed ħafna drabi minħabba mard serju ta’ xi ħadd mill‑ġenituri. Id‑Dar tal‑Providenza temmen li dan l‑appoġġ hu neċessarju biex l‑ulied jew familjari b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl‑ambjent tal‑familja tagħhom.

Fil-pandemija saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna u Corpus Christi bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa. ‘‘ ‘‘

04

Il-Bord tad-Dar tal-Providenza

4. IL-BORD TAD-DAR TAL-PROVIDENZA Il‑Bord tad‑Dar tal‑Providenza twaqqaf mill‑Arċisqof Pawlu Cremona OP f’Marzu tal‑2011. Iċ‑ Chairperson ta’ dan il‑Bord huwa Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar. Is‑Sur Lawrence Zammit huwa l‑Viċi Chairperson u s‑Sinjura Elvia George hija s‑segretarja tal‑Bord. Dr Joe Bugeja, is‑Sur Jesmond Saliba, Dr Roberta Sammut u s‑Sur Emmanuel Zammit huma l‑membri l‑oħra tal‑Bord. Matul din is‑sena l‑Bord iltaqa’ għaxar darbiet. Minn Marzu ’l quddiem il‑laqgħat saru b’mod virtwali minħabba l‑pandemija. 4.1 Bord għad‑dħul ta’ residenti ġodda

Id‑dħul ta’ residenti ġodda jkun deċiż minn bord apposta mwaqqaf mill‑Bord tad‑Dar. Dan il‑bord hu magħmul mid‑Direttur tad‑ Dar bħala Chairperson, Dr Roberta Sammut u Dr George Grech.

Din is‑sena dan il‑bord iltaqa’ darba biss u daħħalna disa’ residenti ġodda erbgħa nisa u ħamest irġiel. Minn dawn: • Żewġ residenti daħlu minħabba emergenza • Erba’ residenti kienu ġew aċċettati mill‑ bord tad‑dħul fl‑2019 • Tliet residenti kienu aċċettati mill‑bord tad‑dħul din is‑sena.

4.2 Il‑Management 4.3 Preżentazzjoni tar‑Rapport ta’ Ħidma lill‑Arċisqof

Nhar il‑Ħamis 9 ta’ Lulju, il‑Bord u l‑Management tad‑Dar kellhom laqgħa mal‑ Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna fl‑Uffiċċju tiegħu l‑Kurja, il‑ Furjana fejn l‑Amministratur tad‑Dar, Nadine Camilleri Cassano ppreżentatlu r‑Rapport ta’ Ħidma għas‑sena 2019. Hija spjegat lill‑Arċisqof li għalkemm ir‑rapport kien isir kull sena, din kienet l‑ewwel darba li ġie stampat bil‑Malti u b’verżjoni iqsar bl‑Ingliż fi ktejjeb li jinkludi ritratti bil‑kulur. Għall‑ewwel darba wkoll il‑pubbliku seta’ jara dan ir‑rapport fuq il‑ website tad‑Dar tal‑Providenza. Preżenti kien hemm ukoll Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija.

Ix‑xogħol ta’ kuljum jitmexxa mit‑tim tal‑ management li jikkonsisti fid‑Direttur, Fr Martin Micallef, l‑Amministratur, is‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, is‑Service Co‑ ordinator, is‑Sinjorina Remona Cuschieri, id‑Direttur Spiritwali tad‑Dar, Fr Trevor Fairclough u l‑Kap tal‑Fiżjoterapisti, is‑ Sinjura Margaret Vella. Dan it‑tim jiltaqa’ b’mod regolari kull ħmistax. Matul din is‑sena t‑tim iltaqa’ 23 darba.

05

Tmiem il-ħidma tas-Sorijiet tal-Karità fid-Dar tal-Providenza

5. TMIEM IL-ĦIDMA TAS-SORIJIET TAL-KARITÀ FID-DAR TAL- PROVIDENZA Kif konna avżati lejn tmiem is‑sena 2019, il‑Kongregazzjoni tas‑Sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret magħrufa aħjar bħala s‑ Sorijiet tal‑Karità ddeċidiet li kien wasal iż‑żmien li l‑ħidma tas‑sorijiet fid‑ Dar tal‑Providenza tieqaf wara servizz ta’ 52 sena. Il‑Komunità tas‑Sorijiet fid‑Dar tal‑ Providenza temmet uffiċċjalment il‑ħidma tagħha fil‑bidu ta’ Lulju 2020.

Meta Dun Mikiel Azzopardi, il‑fundatur tad‑Dar, kien qed joqrob biex jiftaħ il‑ bibien tad‑Dar tal‑Providenza kien avviċina numru ta’ kongregazzjonijiet barranin u lokali biex jgħinu f’din il‑ħidma ta’ karità nisranija favur il‑persuni b’diżabilità. Dak iż‑żmien bosta minnhom kienu litteralment moħbija mis‑soċjetà jew mibgħuta fid‑djar tal‑anzjani jew l‑isptar mentali li żgur ma kinux ambjenti adatti għalihom. Kienet din il‑kongregazzjoni biss li aċċettat li tgħin sa mill‑bidu f’din il‑ħidma ġdida li kellha l‑għan li toffri ambjent jixbah lil ta’ familja lill‑persuni b’diżabilità li kellhom bżonn servizz residenzjali. Is‑sorijiet tal‑Karità flimkien ma’ Dun Mikiel għenu biex mix‑xejn bnew servizzi tal‑ogħla livell li d‑Dar għadha tgawdi minnhom sal‑lum.

Għalkemm in‑nuqqas tas‑sorijiet fostna se jinħass, fl‑istess ħin hi ħaġa mill‑isbaħ li l‑ħidma li nbdiet mis‑sorijiet u l‑fundatur tista’ tibqa’ għaddejja. Il‑preżenza tas‑sorijiet fid‑Dar tal‑Providenza kienet rigal għar‑ residenti, il‑ħaddiema u l‑volontiera tad‑Dar. Is‑sorijiet kienu dejjem hemm għal kulħadd 24 siegħa kuljum. Bosta minnhom taw ukoll servizz għal snin twal. Ta’ min isemmi lil Sr Gesuina Mangion li kienet ilha sservi fid‑Dar għal dawn l‑aħħar 41 sena, lil Sr Lorenza Borg li serviet għal dawn l‑aħħar 13‑ il sena, lil Sr Bernarda Buhagiar u Sr Bertha Bezzina li servew ukoll għal 20 sena sħaħ. Id‑Direttur kiteb ittra ta’ ringrazzjament lil Sr Natalie Abela, id‑delegata tal‑Provinċjali f’Malta liema kopja ntbagħtet ukoll‑lill‑Casa Madre tal‑Kongregazzjoni f’Ruma biex tkun arkivjata. Is‑sens qawwi ta’ servizz tagħhom kif ukoll tas‑sorijiet kollha li ħadmu f’din id‑Dar minn żmien għal żmien se jibqa’ ta’ eżempju kbir għal kull min jaħdem fid‑Dar.

This article is from: