18 minute read
3. Ir-Residenti
06
Proġetti ġodda
6. PROĠETTI ĠODDA
6.1 Xogħol fuq dar oħra fil‑Komunità (Il‑Balluta) Din is‑sena d‑Dar ħadmet biex jitkompla x‑xogħol fuq dar oħra fil‑komunità, din id‑darba fil‑Balluta. Sa tmiem din is‑sena id‑dar tista’ tgħid li kienet lesta minn kollox. Id‑dar hi mistennija li tinfetaħ is‑sena li ġejja (2021). 6.2 Proġett ta’ Wi‑Fi Network
Din is‑sena ntemmet il‑ħidma biex jitlesta proġett infrastrutturali għat‑Teknoloġija tal‑Informatika għad‑Dar tal‑Providenza fis‑ Siġġiewi. Ix‑xogħol fuq dan il‑proġett tlesta lejn l‑aħħar tas‑sena 2019 u kien inawgurat mill‑E.T. il‑President ta’ Malta, Dott George Vella nhar it‑Tlieta 10 ta’ Marzu 2020. Dan il‑proġett, li fost oħrajn ta aċċess għal Wi‑Fi b’xejn kullimkien fid‑Dar tal‑Providenza, kien finanzjat mill‑MITA. 6.3 Rinovar tas‑sala tal‑konferenzi
Sar xogħol ta’ rinovar fis‑sala tal‑konferenzi f’Villa Monsinjur Gonzi. Ix‑xogħol kien jinvolvi żebgħa, twaħħil ta’ tapit u purtieri ġodda, bieb tal‑emerġenza u televixin kbir li ngħata lid‑Dar minn benefattur.
6.4 Xogħol ta’ manutenzjoni fil‑propjetà tad‑Dar f’Għawdex
Sar xogħol estensiv ta’ manutenzjoni f’dar Narciża f’Għawdex. Din id‑dar fix‑Xagħra li hija propjetà tad‑Dar tal‑Providenza kellha bżonn kbir ta’ manutenzjoni bħal tikħil żebgħa, u membrane ġdid għas‑saqaf, fost oħrajn. Id‑Dar tintuża l‑aktar meta r‑residenti jitilgħu Għawdex. Fr Michael Galea, ‑ id‑ Direttur tal‑Fondazzjoni Arka, din is‑sena beda jieħu ħsieb it‑tindif ta’ din id‑dar bil‑ għajnuna ta’ volontiera.
6.5 Xogħol ta’ rinovar ta’ ‘Żerniq’
Lejn l‑aħħar ta’ Diċembru 2020 tlesta x‑xogħol estensiv ta’ rinovar ta’ ‘Żerniq’ li hija waħda mid‑djar fil‑komunità mmexxija mid‑Dar tal‑Providenza. Dan il‑proġett kien finanzjat mill‑Marigold Foundation. Fid‑dar ġie installat lift ġdid, twaħħlet kċina ġdida kif ukoll sistema moderna ta’ fire alarm. Inbidlu wkoll it‑twieqi kollha ta’ barra u saru wkoll bibien fireproof u żewġt ikmamar tal‑banju ġodda. Waqt li kien qed isir dan ix‑xogħol ir‑residenti marru jgħixu fil‑ guest house Dun Mikiel fid‑Dar tal‑ Providenza, is‑Siġġiewi. 6.6 Tibdil ta’ Tarmak
Il‑kumpanija Bitmac din is‑sena offriet li tagħti kisja tarmak ġdid fid‑Dar tal‑ Providenza is‑Siġġiewi fil‑parti li mill‑ Amministrazzjoni twassal sa ħdejn Villa Papa Luciani u l‑belvedere. Qabel sar dan ix‑xogħol saru xi kanen taħt l‑art biex jekk ’l quddiem ikun hemm bżonn jgħaddu xi servizzi ma jkunx hemm għalfejn jitkisser it‑tarmak.
6.7 Xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ
Post kbir bħalma hu d‑Dar tal‑Providenza flimkien mal‑apparat li nużaw irid manutenzjoni kontinwa kif ukoll teħid ta’ inizjattivi biex kemm jista’ jkun il‑post ikun l‑isbaħ possibbli. Dan ix‑xogħol isir primarjament mill‑ħaddiema tal‑maintenance tad‑Dar.
07
Il-Ħaddiema
7. IL-ĦADDIEMA Biex tkun tista’ twettaq ħidmietha sewwa id‑Dar sal‑31 ta’ Diċembru 2020 kellha 301 impjegat/a li minnhom 220 huma nisa u 81 irġiel (żieda ta’ 15‑il persuna aktar mis‑sena ta’ qabel). Minn dawn 229 jaħdmu fuq bażi full time u 73 fuq bażi part‑time. Minn dawn 220 huma nisa filwaqt li 82 huma rġiel.
Full time Part time
Direttur * 1
Direttur Spiritwali *
1 Amministratur 1 Koordinatur tas‑servizzi * 1 Senior Support Workers 11 Support Workers 101 58 Night Supervisor Social Worker 2 1
Ability Promoter Ners (1)* Skrivani 20 3 2 9 2
Ħaddiema fil‑kċina 7
Community Workers Scheme * 1
Ħaddiema fil‑ laundry
9 Xogħol ta’ tindif 29 1 Xogħol ta’ manutenzjoni 8 IT officer 1 L‑Fiżjoterapisti 6 1 Physiotherapy Aid 2 Ħajjata 3 Xufiera u sigurtà 12 3 Stores 3
Total 231 70
* Dawn il‑ħaddiema huma sekondati minn entitajiet Governattivi jew mill‑iskema ta’ Ħaddiema fil‑Komunità. Id‑Direttur u d‑Direttur Spiritwali huma mħallsa mill‑ Kurja tal‑Arċisqof.
Din is‑sena impjegajna 14‑il persuna fuq bażi full time u 28 persuna fuq bażi part time. Kien hemm 20 li rriżenjaw filwaqt li 5 rtiraw. 7.1 Ħidma mal‑Union tal‑Ħaddiema u Ftehim Kollettiv Ġdid
Id‑Dar tal‑Providenza temmen u tagħti d‑dritt li l‑ħaddiema jkunu membri ta’ Union li tiddefendi l‑interessi tagħhom fuq il‑post tax‑xogħol. Il‑General Workers Union hija union li tirrappreżenta l‑maġġoranza tal‑ħaddiema tad‑Dar tal‑ Providenza u għaldaqstant id‑Dar tagħraf lil din il‑Union bħala l‑unika rappreżentant bi dritt li tiftiehem dwar u f’isem il‑ħaddiema kollha.
Fis‑27 ta’ Jannar 2020 ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn id‑Dar tal‑Providenza u l‑General Workers Union (GWU). Il‑ ftehim, li jkopri l‑perjodu bejn l‑2020 u l‑2023, jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għall‑ħaddiema kollha, fosthom family friendly measures kif ukoll struttura ġdida tal‑gradi u progressions għall‑gradi kollha. Qed jitjiebu wkoll is‑salarji kif ukoll diversi kundizzjonijiet oħrajn.
Il‑ftehim ġie ffirmat mid‑Direttur tad‑ Dar, Fr Martin Micallef, mis‑Sinjura Riccarda Darmanin, Segretarju tat‑ Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal‑GWU, mis‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar tal‑ Providenza, is‑Sur Paul Micallef, Assistent Segretarju tal‑istess Taqsima tal‑GWU u s‑Sur Frans Micallef, Shop Steward tal‑ ħaddiema. Preżenti għall‑iffirmar kien hemm is‑Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Dan il‑ftehim ġie spjegat lill‑ħaddiema tad‑Dar tal‑Providenza u approvat f’laqgħa li nżammet ftit ġranet qabel. Il‑ftehim kien approvat ukoll mill‑Kumitat Finanzjarju Djoċesan, ippresedut mill‑Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna. Wara l‑iffirmar ta’ dan il‑Ftehim, Fr Martin irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin‑negozjar tat‑tielet Ftehim Kollettiv għall‑ħaddiema li sar f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l‑kundizzjonijiet u s‑salarji tal‑ħaddiema kollha tad‑Dar tal‑Providenza. Huwa żied jgħid li r‑rieda li nżidu l‑pagi għall‑ ħaddiema ma jirriflettix biss sens ta’ ġustizzja imma wkoll apprezzament għall‑impenn u d‑dedikazzjoni kbira tal‑ħaddiema tad‑Dar. Is‑Sinjura Darmanin f’isem it‑Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal‑GWU uriet is‑sodisfazzjon tagħha għall‑mod kif saru n‑negozjati fejn kien hemm rieda tajba mill‑partijiet konċernati u b’hekk kienu konkluzi għas‑sodisfazzjon tal‑partijiet kollha. Matul din is‑sena, id‑Dar tal‑Providenza żammet relazzjonijiet eċċellenti mal‑Union.
7.2 Taħriġ u formazzjoni għall‑ ħaddiema
Din is‑sena minħabba l‑pandemija ma kienx possibbli li jsir taħriġ għall‑ħaddiema. L‑ uniku taħriġ li seta’ jsir kien kors tal‑ewwel għajnuna li sar f’Jannar. Din is‑sena kellna ppjanati madwar tmien korsijiet ta’ taħriġ li kellhom jitħassru fosthom kors dwar imġieba diffiċli li kien ser issir bejn it‑18 u 29 ta’ Mejju 2020 minn Profs Tony Osgood, espert Ingliż fuq dan is‑suġġett u kors dwar it‑terapija fl‑ ilma minn Dr Maria Cristina Gualtieri.
Minn Lulju ’l quddiem id‑Dar reġgħet bdiet toffri s‑servizz ta’ sapport psikoloġiku għall‑ ħaddiema bħala grupp minn żewġ psikologi. Dawn kienu Dr Nicholas Briffa u s‑Sinjura Dorianne Coleiro.
7.3 Premju Inizjattiva fuq il‑Post tax‑ Xogħol
Din is‑sena d‑Dar tal‑Providenza reġgħet nediet il‑Premju Inizjattiva fuq il‑Post tax‑ Xogħol u l‑Premju Inizjattiva fuq il‑Post tax‑Xogħol bħala Grupp. In‑nominati għal dawn il‑Premjijiet kienu kif ġej: Premju għall‑ Inizjattiva fuq il‑Post tax‑Xogħol: Rita Attard, Rita Buhagiar, Ritienne Briffa, Maryrose Camilleri, Maria Lourdes D’Amato, Christine Farrugia, Fr Trevor Fairclough. Premju għall‑Inizjattiva fuq il‑Post tax‑Xogħol bħala Grupp: Il‑Ħaddiema ta’ Żerniq u l‑Ħaddiema ta’ Flett Sant’Antnin. Ir‑rebbieħa tal‑Premju għall‑Inizjattiva fuq il‑Post tax‑Xogħol intrebaħ minn Fr Trevor Fairclough (Direttur Spiritwali) u Rita Attard (Senior Support Worker) filwaqt li l‑Premju għall‑Inizjattiva fuq il‑Post tax‑Xogħol bħala Grupp intrebaħ mill‑ħaddiema ta’ Flett Sant’Antnin.
7.4 Rikonoxximent lill‑ħaddiema li ilhom numru ta’ snin jaħdmu mad‑ Dar tal‑Providenza.
Ingħata wkoll rikonoxximent lil dawk il‑ ħaddiema li ilhom numru ta’ snin jaħdmu mad‑Dar tal‑Providenza. Dawn kienu: Maryrose Camilleri (35 sena), Nathalie Mifsud (30 sena) Mary Borg, Charles Borg, Anna Mifsud, Michelle Farrugia, Maryrose Attard, Antoinette Vella u Celestino Bugeja (25 sena). 7.5 Rikonoxximent lill‑ħaddiema li rtiraw.
Seba’ ħaddiema oħra ingħataw rikonoxximent fl‑okkażjoni tal‑irtirar tagħhom. Dawn kienu: Rita Attard, Samuel Bezzina, Rose Marie Buhagiar, Maria Lourdes D’Amato, Doris Grima, Emmanuel Psaila u Joyce Sacco.
7.6 Nominata għall‑Premju Nazzjonali Ħaddiem tas‑Sena 2020
Din is‑sena, id‑Dar tal‑Providenza nnominat lill‑Amministratur tad‑Dar, Nadine Camilleri Cassano għall‑Premju Nazzjonali Ħaddiem tas‑Sena 2020 bħala rikonoxximent tal‑ħidma tagħha.
08
Il-Volontiera
8. IL-VOLONTIERA Id‑Dar għandha numru sabiħ ta’ volontiera li jagħtu s‑sehem sħiħ tagħhom biex jgħinu lid‑Dar tkompli taqdi l‑missjoni tagħha. Ħafna minnhom jiġu d‑Dar fuq bażi regolari waqt li oħrajn jagħmlu xi xogħol abbinat ma’ xi attività partikolari. Din is‑sena minħabba l‑pandemija x‑xogħol tal‑volontiera kien limitat ħafna biex nassiguraw is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti u l‑ħaddiema.
8.1 Volontiera regolari
Id‑Dar għandha numru ta’ volontiera li jaħdmu direttament mar‑residenti jew fi flett jew billi jimpenjaw ruħhom li joħorġu xi residenti passiġġata fil‑ġonna tad‑Dar, fiċ‑Ċentru Agrikolu jew f’attivitajiet differenti fid‑Dar jew barra mid‑Dar. Numru ta’ volontiera jgħinu fil‑kċina, fil‑ laundry, fis‑sezzjoni tal‑ħjata, fil‑maintenance, fl‑ istores fost oħrajn. In‑numru ta’ volontiera reġistrati huwa ta’ 220. Din is‑sena minħabba l‑pandemija kellna nirrestrinġu ħafna l‑ħidma ta’ dawn il‑volontiera volontiera b’mod speċjali dawk li jaħdmu direttament mar‑ residenti. 8.2 Volontiera oħra
Id‑Dar toffri wkoll opportunitajiet qosra ta’ volontarjat lil studenti, individwi u gruppi li jkunu jixtiequ jgħinu fil‑ħidma tagħna. Din is‑sena minħabba l‑pandemija kellna nillimitaw ħafna il‑parteċipazzjoni ta’ dawn il‑volontiera.
8.3 Volontiera tad‑Dar tal‑Providenza nominati għall‑Premju Nazzjonali Voluntier tas‑Sena 2020
Dr George Grech u s‑Sur Jesmond Saliba din is‑sena kienu nnominati mid‑Dar għall‑ Premju Nazzjonali Voluntier tas‑Sena 2020 organizzat mill‑Kunsill Malti għas‑Settur tal‑Volontarjat. B’sodisfazzjon għalina, Dr George Grech kien magħżul bħala r‑rebbieħ ta’ dan il‑Premju prestiġjuż. Il‑preżentazzjoni saret waqt attività apposta fil‑Kamra tal‑ Kummerċ li ġiet organizzata mill‑istess Kunsill taħt il‑patroċinju tal‑President ta’ Malta, Dr George Vella fil‑preżenza tas‑ Segretarju Parlamentari għall‑Isport, ir‑ Rikreazzjoni u l‑Għaqdiet Volontarji l‑Onor. Clifton Grima, u ċ‑Chairperson tal‑Kunsill Malti għas‑Settur tal‑Volontarjat Dr Noel Camilleri.
Dr George Grech beda l‑involviment tiegħu mad‑Dar tal‑Providenza iktar minn 15‑il sena ilu. Dr Grech jagħti servizz mediku b’xejn lir‑residenti tad‑Dar u kien il‑moħħ wara l‑proġett ta’ pixxina terapewtika fl‑istess Dar.
8.4 Imwiet ta’ Volontiera
Din is‑sena d‑Dar tal‑Providenza tilfet żewġ volontiera, is‑Sur John Paris u Fr Lino Cardona SJ.
Is‑Sur John Paris miet nhar il‑Ħamis 24 ta’ Awwissu 2020 wara marda twila. John flimkien ma’ martu Ġemma ilhom jagħmlu xogħol volontarju fid‑Dar tal‑ Providenza sa mis‑sena 2012. John kien jagħmel xogħol volontarju fis‑sezzjoni tal‑manutenzjoni tad‑Dar tal‑Providenza. Kif xi ħadd jitlob l‑għajnuna għal xi tiswijiet tara lil John ġej bil‑kaxxa tal‑ għodda u b’dik it‑tbissima fuq wiċċu biex jara x’hemm bżonn isir. Meta jkun hemm xi attività kbira jew ħarġa mar‑resident, lil John dejjem issibu hemm flimkien ma’ martu biex jagħtu daqqa t’id f’dak kollu li jkun hemm bżonn. Għal dawn l‑aħħar snin fuq inizzjattiva tagħhom bdew jorganizzaw ħarġa ta’ ġurnata għar‑residenti b’mod regolari fil‑post li għandhom l‑iscouts fil‑bajja tar‑Rinella, il‑Kalkara. Meta kont titkellem ma’ John tinduna kemm kellu għal qalbu d‑Dar tal‑Providenza u kemm dan ix‑xogħol volontarju kien jagħmlu minn qalbu b’ġenerożità kbira mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Għal John u Ġemma id‑Dar tal‑Providenza kienet it‑tieni familja tagħhom. Is‑sena l‑oħra John flimkien ma’ martu Ġemma kienu nominati għall‑ Premju Anzjanità Attiva.
Fr Lino Cardona SJ, volontier tad‑Dar tal‑Providenza għal bosta snin, miet għall‑ għarrieda nhar il‑Ħamis 29 ta’ Ottubru 2020 kaġun tal‑COVID‑19 fl‑età ta’ 76 sena. Fr Lino kienu ilu jagħti s‑servizz volontarju tiegħu lid‑Dar tal‑Providenza sa mis‑sajf tal‑1975 meta darba Dun Mikiel Azzopardi l‑fundatur tad‑Dar, talbu joqgħod minfloku biex jieħu ftit btala barra minn Malta fix‑ xahar ta’ Awwissu. Minn dak iż‑żmien baqa’ jiġi d‑Dar tal‑Providenza jqaddes kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Ħadd u jgħin fejn ikun hemm bżonn. Fis‑2011 kien irċieva l‑Premju Dun Mikiel mid‑Dar tal‑Providenza bħala rikonoxximent għall‑ħidma volontarja tiegħu fid‑Dar. Huwa kien qrib ħafna Dun Mikiel Azzopardi fl‑aħħar żmien ta’ ħajtu u kellu sehem attiv fil‑preparamenti għall‑funeral u d‑difna tiegħu.
F’Settembru tal‑2020 Fr Lino kien intervistat fuq 103 FM fl‑okkażjoni ta’ għeluq il‑55 sena mit‑twaqqif tad‑Dar. Huwa rrakkonta mill‑ ġdid l‑istorja ta’ kif Dun Mikiel Azzopardi, il‑ fundatur tad‑Dar, irċieva l‑ewwel donazzjoni ġeneruża li wasslet għall‑bidu tad‑Dar tal‑ Providenza. Huwa qal li Dun Mikiel kien jiddeskrivi din l‑ewwel donazzjoni bħala miraklu li baqa’ jirrepeti ruħu. Fr Lino qal li jiftakar lil Dun Mikiel jiddeskrivi l‑ewwel donazzjoni bħala “l‑ewwel miraklu ”. Huwa temm l‑intervista billi qal li ħafna bbenefikaw minn meta fetħet id‑Dar tal‑Providenza, u għalih din id‑Dar hija t‑teżor tal‑Knisja ta’ Malta.
09
Attivitajiet u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi
9. ATTIVITAJIET U INIZJATTIVI TA’ ĠBIR TA’ FONDI
9.1 Festa ta’ Ġenerożità nhar l‑Ewwel tas‑Sena
Fl‑ewwel tas‑sena 2020, waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid‑Dar tal‑ Providenza biex jinġabru fondi għad‑Dar, inġabret is‑somma rekord ta’ €1,365,556. Bosta kienu dawk li marru s‑Siġġiewi biex jagħmlu d‑donazzjoni tagħhom taħt it‑tinda li ttellgħet fil‑parkeġġ imma ħafna kienu wkoll dawk li ċemplu biex jagħmlu d‑donazzjoni tagħhom. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid‑Dar f’isem il‑komunità.
Filgħodu, l‑Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑ Providenza li għaliha attenda s‑Segretarju Parlamentari għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis. Fl‑omelija tiegħu l‑Arċisqof qal: “Għandna nħallu lil Alla jħares lejna għax b’hekk il‑ħarsa tagħna lejn xulxin issir il‑ ħarsa ta’ Alla ħierġa mill‑qalb.” Huwa kompla jgħid, “kemm hija ħaġa sabiħa li l‑Maltin u l‑Għawdxin jibdew is‑sena ’l ġdida jgħinu lil xulxin b’atti ta’ solidarjetà anke fiċ‑ċrieki qrib tagħna. Hemm ħafna modi oħra ta’ faqar minbarra l‑finanzi, waħda minnhom hija s‑solitudni fejn bniedem iħossu waħdu u mwarrab mis‑soċjetà.” L‑Arċisqof Scicluna appella biex il‑poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jappoġġja in‑nisġa ta’ djar li d‑Dar tal‑ Providenza għandha f’diversi lokalitajiet biex persuni b’diżabilià jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil‑qalb tal‑komunità.
Fl‑okkażjoni tas‑sena li fiha l‑Knisja se tkun qed tfakkar il‑mitt sena mit‑twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II fit‑18 ta’ Mejju 1920, matul il‑ġurnata fil‑kappella kienet esposta għall‑ qima u t‑talb tal‑pubbliku relikwa b’garża bid‑demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit‑13 ta’ Mejju 1981. Din ir‑relikwa rregalatha lid‑Dar Sr Marija Bambina Bugeja, soru Maltija li kienet assistiet lill‑Papa waqt li kien rikoverat fil‑ Policlinico Gemelli.
Bosta żaru l‑wirja tax‑xogħlijiet tal‑arti mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin li ttellgħet fis‑Sala San Pawl. L‑irkant ta’ dawn ix‑xogħlijiet, li b’kollox kienu madwar mitt biċċa, din id‑darba se jsir f’April li ġej f’data li titħabbar aktar tard. Il‑Festa ta’ Ġenerożità kienet imxandra fuq TVM2, One TV u NET TV. Bosta personalitajiet distinti attendew biex jagħtu l‑appoġġ tagħhom lil din l‑inizjattiva.
9.2 Kunċert annwali mill‑Friends of Providence House NSW.
Il‑Friends of Providence House f’Sydney l‑Awstralja ġabru $14,500AUD b’risq Id‑Dar tal‑Providenza waqt il‑verżjoni Awstraljana tal‑‘Festa ta’ Ġenerożità li saret fil‑La Vallette Social Centre fi Blacktown nhar il‑Ħadd, 23 ta’ Frar 2020.
Mistiedna speċjali għall‑kunċert kienu Ms Antoinette Caruana, President tal‑La Vallette Social Centre u l‑isponsor ewlieni tal‑FOPH, is‑Sur George Vella ta’ Breakaway Travel, Blacktown flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal‑komunità Maltija f’Sydney. Bħas‑soltu, il‑ kunċert kien organizzat tajjeb ħafna u mimli b’varjetà. 9.3 Coffee Morning mill‑Ħbieb tad‑Dar tal‑Providenza
Nhar l‑24 ta’ Frar 2020 kien organizzat Coffee Morning mill‑Ħbieb tad‑Dar tal‑Providenza b’risq id‑Dar.
9.4 Sparatura b’risq id‑Dar organizzata mix‑Shooting Range ta’ Ħal Far
Il‑Ħadd l‑1 ta’ Marzu, il‑kumitat tax‑Shooting Range ta’ Ħal Far organizza sparatura b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Id‑Direttur kien preżenti u qassam it‑trofej lir‑rebbieħa filwaqt li rċieva d‑donazzjoni miġbura. 9.5 Kampanja “Sabiħ li tagħti” biex ittaffi l‑effett negattiv tal‑pandemija fuq il‑finanzi tad‑Dar.
F’Lulju, id‑Dar tal‑Providenza nediet kampanja bl‑isem ta’ “Sabiħ li tagħti” biex tiġbor fondi bil‑għan li tkun tista’ tibqa’ tagħti s‑servizzi professjonali lir‑residenti tagħha. Din l‑inizjattiva kienet xprunata hekk kif minn Marzu minħabba l‑pandemija mhux biss naqsu drastikament id‑donazzjonijiet li hi tiddependi fuqhom iżda żdiedu bil‑qawwi l‑ispejjeż biex titħares is‑saħħa tal‑ħaddiema u r‑residenti. Fit‑tnedija ta’ din il‑kampanja, l‑amministratur tad‑Dar, Nadine Camilleri Cassano spjegat kif intlaqat l‑operat tad‑Dar minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19 u kif affettwat lir‑residenti. Is‑Sur Manuel Zammit u s‑Sur Jesmond Saliba, żewġ membri tal‑ Bord tad‑Dar spjegaw l‑effett tal‑pandemija fuq il‑finanzi tad‑Dar meta tqis li l‑attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bħall‑Maratona tal‑Volleyball kellhom jitħassru. Għaldaqstant is‑Sur Saliba ħabbar li għal dan il‑għan kienet qed titnieda l‑inizjattiva “Sabiħ Li Tagħti”, li tmur lil hinn mill‑Maratona tal‑Volleyball, imma li ser tkun il‑kappa li taħtha ser ikunu qegħdin jinġabru l‑isforzi kollha ta’ ġbir ta’ fondi tul ix‑xhur li ġejjin, bil‑għan li d‑Dar tinżamm ħajja. Il‑benefatturi tad‑Dar issa jistgħu jagħmlu donazzjoni b’modi varji fuq www. sabihlitaghti.org. Il‑Professur Charmaine Gauci kienet il‑mistiedna speċjali għal din it‑tnedija.
9.6 Fine Dining organizzata minn Infinitely Xara
€17,390 inġabru minn ikla b’risq id‑Dar tal‑ Providenza organizzata minn Infinitely Xara Co. Ltd tal‑familja Zammit Tabona. F’dawn l‑aħħar erba’ snin li ilha tiġi organizzata din l‑ikla gastronomika nġabru ’l fuq minn €98,000.
Din is‑sena, din l‑attività saret nhar l‑Erbgħa 15 ta’ Lulju 2020 madwar il‑pixxina tax‑ Xara Lodge, fl‑isfond mill‑isbaħ tal‑Belt Medjevali tal‑Imdina. Minħabba l‑pandemija n‑numru ta’ dawk li attendew kien limitat għal ftit aktar minn 80 ruħ. Għal din l‑esperjenza gastronomika kien hemm ukoll rappreżentanti ta’ għadd ta’ kumpaniji stabbiliti, li kienu ġenerużi fl‑għotjiet tagħhom lid‑Dar tal‑Providenza. Waqt din l‑okkażjoni, il‑Grupp ħabbar li se jkompli jagħti l‑appoġġ tiegħu lid‑Dar tal‑ Providenza billi l‑outlets kollha ta’ Infinitely Xara, jiġifieri il‑Lukanda Xara Palace, ix‑Xara Lodge Terrace, il‑pixxina tax‑Xara Lodge, ir‑ Restorant de Mondion u t‑Trattoria AD 1530 se jaċċettaw il‑vawċers maħruġa mill‑Gvern u 10% tal‑valur tal‑istess vawċers se jingħataw lid‑Dar tal‑Providenza.
9.7 BBQ mill‑ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb
Kull sena f’Lulju, il‑ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb jorganizzaw BBQ b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Din is‑sena minħabba l‑pandemija dan il‑BBQ ma setax isir minħabba r‑restrizzjonijiet imposti mill‑ Awtoritajiet tas‑Saħħa. Minkejja dan dawk li s‑soltu kienu jattendu xorta kkontribwew biex setgħet tinġabar is‑somma sabiħa ta’ €5,730. Din is‑somma kienet ippreżentata lill‑Amministratur tad‑Dar, Nadine Camilleri Cassano mis‑sur Vella Petroni u s‑Sinjura Xuereb.
9.8 Id‑Djarju tad‑Dar
Din is‑sena d‑Dar reġgħet ippreparat djarju f’forma ta’ ktejjeb żgħir li jista’ jinżamm fil‑ but għas‑sena 2021. Dan id‑Djarju jinkludi l‑ħinijiet tal‑quddies kollu li jsir fil‑knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex kemm fil‑Ħdud kif ukoll fil‑ġranet l‑oħra. Kif ukoll lista tal‑ festi parrokkjali kollha fiż‑żewġ gżejjer għas‑ sena 2021.
Dan id‑djarju tqassam b’xejn lil kull dar f’Malta u Għawdex bejn Settembru u Ottubru 2020, flimkien ma’ envelop bl‑indirizz tad‑ Dar biex min irid jagħti donazzjoni lid‑Dar permezz tal‑posta.
Fil‑ġimgħat ta’ qabel beda jitqassam dan id‑ Djarju għadd kbir ta’ volontiera minħabba l‑pandemija taw daqqa t’id fl‑ippakkjar ta’ dawn id‑djarji f’ envelopes apposta minn djarhom stess. Fost dawk il‑persuni li offrew din l‑għajnuna kien hemm ħamsin impjegat tal‑Kurja tal‑Arċisqof li għamlu dan bħala parti mir‑Responsabilità Soċjali Korporattiva tagħhom. Dawn l‑impjegati ġabru wkoll €800 bħala donazzjoni għad‑Dar tal‑Providenza. Minħabba l‑pandemija kull impjegat għamel dan ix‑xogħol volontarju mill‑uffiċċju tiegħu. Ir‑ritratt bil‑kulur tal‑qoxra kien ritratt tas‑ Salib tal‑Għolja fir‑rebbiegħa meħud minn Fr Martin Micallef. Il‑MAPFRE MSV Life plc u GasanMamo Insurance sponsorjaw l‑istampar tad‑djarju. Din is‑sena l‑Maltapost reġgħet qassmet dan id‑Djarju b’xejn. Mill‑envelopes kannella li ntbagħtu mad‑djarji biex wieħed jista’ jibgħat fihom donazzjoni kellna dħul ta’ €205.490.