3 minute read

Introduzzjoni mid-Direttur

Next Article
3. Ir-Residenti

3. Ir-Residenti

Is‑sena 2020 kienet sena partikolari għal kulħadd u mhux inqas għad‑Dar tal‑Providenza. Il‑pandemija tal‑COVID‑19 ġabet lid‑dinja għarkopptejha u ħolqot tbatija żejda lil nies f’diversi setturi tas‑soċjetà fosthom il‑persuni b’diżabilità. Id‑Dar tal‑Providenza sa mill‑ewwel ġranet ta’ Marzu kellha tidħol għall‑isfida li timplimenta pjan ta’ kontinġenza sabiex tissalvagwardja s‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti, il‑ħaddiema u anke l‑volontiera. Għaldaqstant id‑Dar kellha tidħol għal spejjeż addizzjonali ta’ aktar minn €150,000 biex timplimenta dawn il‑miżuri skont id‑direttivi tal‑Awtoritajiet tas‑Saħħa u tal‑Awtorità għall‑Ħarsien tal‑Istandards Soċjali.

Wieħed mill‑ewwel miżuri diffiċli li kellna nieħdu kien li r‑residenti ma jkomplux jiltaqgħu mal‑familjari u ħbieb. Għaldaqstant ipprovdejna smart phone f’kull flett u dar residenzjali biex ir‑residenti jkunu jistgħu jibqgħu f’kuntatt mal‑familji u l‑ħbieb għall‑inqas b’mod virtwali. Aktar tard il‑familjari u l‑ħbieb bdew jiltaqgħu u jaraw lil xulxin ukoll minn wara l‑ perspex. Id‑Dar ħolqot ukoll numru akbar ta’ attivitajiet biex kemm jista’ jkun jagħmlu tajjeb għan‑nuqqas ta’ attivitajiet li ssoltu kienu jattendu għalihom fil‑komunità.

Minkejja l‑pandemija nistgħu ngħidu li l‑Providenza t’Alla ma naqsitniex. Kellna somma rekord mogħtija lilna mill‑poplu Malti u Għawdxi fil‑Festa ta’ Ġenerożità nhar l‑ewwel tas‑sena. Għalkemm tlifna ħafna inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi fosthom il‑Maratona tal‑Volleyball u fl‑ewwel xhur tal‑pandemija l‑finanzi naqsu drastikament, mix‑xahar ta’ Lulju ’l quddiem id‑donazzjonijiet reġgħu bdew deħlin. Grazzi wkoll għal numru ta’ wirtiet imħollija lilna minn benefatturi li mietu, kif ukoll b’għotja ta’ miljun ewro mill‑Gvern stajna nagħlqu s‑sena finanzjarja b’wiċċ il‑ġid.

Minkejja l‑limitazzjonijiet finanzjarji li kellna din is‑sena xorta ma qgħadniex lura milli nagħmlu ċerti proġetti fosthom pereżempju: • Lestejna x‑xogħol fuq il‑ħames dar fil‑komunità li hemm fil‑Balluta; • Għamilna rinovar sħiħ inkluż installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq; • Xogħol ta’ manutenzjoni kull fejn kien meħtieġ; • Installajna kċina ġdida f’Dar Pirotta f’Birkirkara. • Investiment uman b’mod speċjali ta’ professjonisti. • Tlesta x‑xogħol ta’ Infrastruttura ġdida għall‑IT bl‑appoġġ tal‑MITA. • Ingħata tarmak ġdid ħdejn Villa Papa Luciani.

Fil‑bidu ta’ din is‑sena kien iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għall‑ħaddiema kollha li jkopri l‑perjodu 2020 sa 2023.

Din is‑sena d‑Dar tilfet is‑servizz imprezzabbli tas‑Sorijiet tal‑Karità. Il‑Kongregazzjoni ħasset li minħabba l‑età tas‑sorijiet wasal iż‑żmien li jtemmu l‑ħidma tagħhom fid‑Dar tal‑Providenza, wara servizz kontinwu ta’ ħamsa u ħamsin sena. Id‑Dar dejjem tibqa’ grata lejn is‑Sorijiet tal‑Karità. Tlifna wkoll madwar 11‑il resident li sfortunatement mietu din is‑sena b’kundizzjonijiet differenti kif ukoll żewġ volontiera fosthom Fr Lino Cardona SJ li kien ilu jagħti s‑servizz spiritwali tiegħu lid‑Dar tista’ tgħid sa mill‑ewwel snin tat‑twaqqif tad‑Dar.

Nagħlaq dan il‑messaġġ tiegħi billi nirringrazzja lill‑Bord u lill‑Management li minkejja li jien kelli nagħmel xi xhur indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa l‑ħidma tad‑Dar baqgħet għaddejja bħas‑soltu għall‑ġid tar‑residenti. Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lill‑ħaddiema tagħna li daħlu għall‑isifda li jissalvagwardjaw is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti u tal‑kollegi. Għaldaqstant kien xieraq ħafna li l‑Bord tad‑Dar din is‑sena b’mod unanimu qabel li jirrikonoxxi dan, bl‑għoti tal‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi. Grazzi wkoll tmur lill‑volontiera tagħna kif ukoll lill‑benefatturi kollha.

Id‑Dar tibqa’ impenjata li tkompli tirrealizza l‑ħolma li beda Dun Mikiel Azzopardi aktar minn ħamsa u ħamsin sena ilu.

Fr Martin Micallef

Direttur

KONTENUT

Introduzzjoni mid-Direttur...................................................................3

1. Min aħna u l-viżjoni tagħna ......................................................... 7 2. Il-Pandemija tal-COVID-19..........................................................13 3. Ir-Residenti ......................................................................................23

4. Il-Bord tad-Dar tal-Providenza ............................................... 36

5. Tmiem il-ħidma tas-Sorijiet tal-Karità fid-Dar tal-Providenza................................................................ 39

6. Proġetti ġodda.............................................................................. 43 7. Il-Ħaddiema....................................................................................49

8. Il-Volontiera.................................................................................... 55

9. Attivitajiet u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi................................ 61 10. Konferenzi u Laqgħat..................................................................72 11. Żjarat lid-Dar tal-Providenza ....................................................73 12. Finanzi tad-Dar ............................................................................. 79

13. Is-Sit Elettroniku u paġna tal-Facebook .............................80 14. Rappurtaġġ tal-Midja .................................................................. 81 15. Salvagwardja (Safeguarding).................................................. 82 16. Premju Soċjetà Ġusta................................................................. 83 17. Premju Mons. Mikiel Azzopardi............................................... 85 18. Konklużjoni......................................................................................87

Annual Report abridged version in english ............................... 89

This article is from: