8 minute read
Ħad-Dingli tul il-pandemija tal-coronavirus Mario Micallef
Ħad-Dingli tul il-pandemija tal-coronavirus
Marzu 2020 jibqa’ mnizżżel fl-istorja bħala x-xahar li biddel ħajjitna ta’ taħt fuq. L-awtoritajiet kienu ilhom jippreparaw għall-possibilità li l-coronavirus jidħol Malta, bit-tħejjijiet intensifikaw meta bdew jiżdiedu l-każi barra minn Malta speċjalment fl-Italja. Madankollu, min-nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu meta ġie konfermat l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta bdew jiddaħħlu numru ta’ miżuri bil-għan li jrażżnu t-tixrid tal-imxija fil-pajjiż. MARIO MICALLEF jagħti ħarsa lejn l-effetti tal-pandemija fuq ir-raħal tagħna, il-ħajja fix-xhur li għaddew, u kif il-parroċċa adattat il-ħidma tagħha biex tibqa’ viċin tan-nies.
Advertisement
Ir-raħal siket aktar
L-effett tal-coronavirus fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti ta’ Ħad-Dingli tista’ tgħid li kien l-istess bħal dak tarresidenti fil-kumplament tal-lokalitajiet f’Malta. Mit-tieni ġimgħa ta’ Marzu, bir-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ irrutina tal-ħajja nbidlet kompletament. Ħafna mill-affarijiet li kienu jżommuna okkupati għamlu pawsa twila għal diversi ġimgħat.
Mill-Ħamis 12 ta’ Marzu filgħaxija twaqqfet iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-Knisja Arċipretali. L-aħħar quddiesa ċċelebrata għall-pubbliku fil-parroċċa kienet dakinhar fis-7.30 a.m. L-Isqfijiet taw lill-insara dispensa mill-obbligu tal-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Dan kollu sar fil-kuntest tad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex ma jiltaqgħux ġemgħat ta’ nies u biex l-anzjani u persuni vulnerabbli kemm jista’ jkun jevitaw li joħorġu minn darhom. Mit-12 ta’ Marzu wkoll ma fetħux l-oqsma tadduttrina; kemm il-M.U.S.E.U.M. tas-subien kif ukoll tal-bniet.
Iż-żewġ skejjel pubbliċi fil-lokalità li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ San Nikola: l-iskola primarja u l-iskola sekondarja, għalqu l-bibien tagħhom għall-istudenti min-nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu. Issena skolastika fl-iskejjel waqfet ħesrem hemmhekk, bl-istudenti baqgħu jirċievu l-edukazzjoni bitteknoloġija tal-informazzjoni. L-istess ġara fis-sekondarja tal-Kulleġġ Savio mmexxi mis-Salesjani ta’ Don Bosco. Naturalment, l-ordni għall-għeluq tal-iskejjel affettwat tfal u żgħażagħ Dinglin li kienu jattendu fi skejjel u istituzzjonijiet edukattivi barra r-raħal bħall-Junior College, il-Higher Secondary, l-MCAST, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Università. Attivitajiet sportivi bħat-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan id-Dingli Swallows Youth Nursery ġie sospiż. Bl-istess mod ġie affettwat l-operat tal-oratorju Salesjan Dar Dun Bosco, it-tagħlim tal-mużika mill-Għaqda Mużikali Santa Marija u għaqdiet bħall-iScouts, il-Girl Guides u l-Għaqda Talent Dingli.
Bosta ħwienet li ma joffrux servizzi essenzjali ġew ordnati jagħlqu. Għalqu wkoll il-każini tal-politika, tal-banda u tal-futbol, il-banka tal-lottu, iċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani u l-librerija pubblika. Min għandu qraba anzjani fi djar residenzjali kellu jiċċaħħad milli jżurhom fiżikament. L-istess lillpazjenti fl-isptarijiet. Il-ħruġ, ħlief dak tal-bżonn, spiċċa u ħafna nies, minn tfal sa anzjani baqgħu miġbura fi djarhom. Diversi djar servew ukoll ta’ post tax-xogħol għal dawk li setgħu jaħdmu bittelework. Xi ħaddiema, anke jekk ma xtaqux, kellhom jibqgħu d-dar għax il-post tax-xogħol tagħhom
inqabad fil-morsa tal-effetti ħżiena tal-pandemija. Dan ħalla effett fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ xi familji. Fuq l-irdum kont tilmaħ anqas nies jimxu, b’dawk li baqgħu jiffrekwentaw l-inħawi għall-bidu kienu waħdiet u għal rashom. L-effett kien ċar: anqas nies u karozzi għaddejjin fit-toroq. Ir-raħal siket aktar.
Mit-tielet ġimgħa ta’ Marzu, l-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli li tinsab nofs triq bejn Ħad-Dingli u r-Rabat bdiet tilqa’ stazzjon temporanju tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Għadd ta’ pumpiera ġew stazzjonati hawnhekk. Inġiebu wkoll diversi vetturi tat-tifi tan-nar u tagħmir ieħor. Dan sar bħala parti minn pjan ta’ kontinġenza mfassal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaċ-ċirkustanzi tal-pandemija. Minn żmien għal żmien kien ikollna wkoll il-preżenza ta’ ħaddiema mid-Diviżjoni għallManutenzjoni u t-Tindif li wettqu xogħol ta’ tindif u ffumigar f’toroq, spazji u ġonna pubbliċi.
Ta’ wens u sors ta’ informazzjoni għal ħafna kienet il-media soċjali fosthom il-paġni ta’ facebook talparroċċa, oħra li twaqqfet apposta fi żmien il-pandemija bl-isem YouSafeDingli u paġni tal-komunità bħal ‘Ħad-Dingli Local Council’, ‘Nies Dinglin’ u ‘Dinglin Storja u Niesha’.
Mit-Tnejn 4 ta’ Mejju 2020 bdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet f’fażijiet differenti, sakemm fl-1 ta’ Lulju reġgħu fetħu l-ajruport u l-portijiet. Il-ħajja ssuktat f’dik li qed insejħu normalità ġdida fejn hu rakkomandat li nżommu distanza soċjali ta’ żewġ metri, nżommu livelli għolja ta’ indafa, u nilbsu l-maskra jew il-visor meta nkunu f’ċerti postijiet.
Il-parroċċa baqgħet viċin tagħkom
F’dan iż-żmien straordinarju, l-Isqfijiet taw għadd ta’ direttivi lill-parroċċi. Għalkemm il-funzjonijiet reliġjużi twaqqfu kollha, inkluż il-quddiesa ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Knisja Arċipretali nżammet miftuħa f’ċerti ħinijiet kuljum għal mumenti ta’ talb privat. F’ħafna minn dawn il-ħinijiet kien ikun preżenti l-Arċipriet biex iqarben lil dawk li jitolbu li jirċievu l-Ewkaristija. Il-Kappella talAdorazzjoni f’Dar Dun Bosco nżammet miftuħa. Ġew sospiżi s-servizzi mill-Uffiċċju Parrokkjali, it-tqarbin tal-morda fid-djar, il-laqgħat tal-kummissjonijiet u gruppi, u l-attivitajiet soċjali. Min-nofs Marzu sa nofs Ġunju, kien hemm ħafna restrizzjonijiet fuq kif jiġu amministrati s-sagramenti. F’dan il-perjodu kellna ċelebrazzjoni waħda ta’ Magħmudija, żwieġ wieħed, u tliet funerali fejn ir-rit tat-tberik tal-fdalijiet sar fiċ-ċimiterju.
Il-parroċċa baqgħet qrib ta’ min kien jeħtieġ xi forma ta’ għajnuna jew appoġġ fosthom b’telefonati lil anzjani jew persuni li jgħixu weħidhom u b’azzjonijiet ta’ karità li setgħu jsiru grazzi għal donazzjonijiet ta’ ikel minn ħafna Dinglin li ħasbu f’familji fil-bżonn.
Preżenza qawwija online
Sa mill-ewwel ġurnata li daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet, il-parroċċa żiedet il-preżenza online, permezz tal-paġna tagħha fuq facebook. Beda jittella’ ħsieb għal kull ġurnata u features marbuta ma’ festi speċjali fil-kalendarju liturġiku. Kull nhar ta’ Ħadd, l-Arċipriet żamm l-appuntament mat-tfal b’xandira li fiha spjegalhom l-evanġelju ta’ dak il-Ħadd partikulari. Mingħajr ebda dubju, kien bħal xokk qawwi għall-Knisja l-mod kif għexet il-Ġimgħa Mqaddsa. Ilfunzjonijiet sbieħ li jibdew minn Ħadd il-Palm sal-Għid il-Kbir ma sarux bħas-soltu. In-nies kienu
Supplier for all types of playground equipment and ooring, turf, benches, bins and a lot more.
Gokker Ltd Telephone: 2152 3686 Mobile: 9940 9592 Email: info@gokkerltd.com
mħeġġa jsegwu u jgħixu dawn il-mumenti fi djarhom. Kien hawnhekk li l-parroċċa ntroduċiet xandiriet diretti fuq facebook millKnisja Arċipretali. L-ewwel xandira kienet nhar il-Ġimgħa 3 ta’ April filgħaxija, il-quddiesa filfesta tad-Duluri, segwita b’mument ta’ talb dwar is-seba’ Duluri ta’ Marija. Ix-xandiriet issuktaw bil-funzjonijiet kollha minn Ħadd il-Palm salGħid il-Kbir waqt li tul il-Ġimgħa Mqaddsa nżamm kuntatt mal-komunità parrokkjali permezz ta’ inizjattivi online bħal mument ta’ talb quddiem il-Kurċifiss bis-sehem tan-nies minn darhom, Via Sagra bis-sehem tal-familji, riflessjoni fuq l-aħħar seba’ kelmiet ta’ Ġesù, adorazzjoni nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija, u s-Seba’ Vizti fil-Ġimgħa l-Kbira filgħodu.
Minn wara l-Għid il-Kbir, baqgħet tixxandar dirett fuq facebook quddiesa kull nhar ta’ Ħadd fil11.00 a.m. Darba f’ġimgħa, kienet issir sessjoni ta’ katekeżi biex nagħrfu napprezzaw aħjar dak li niċċelebraw u naqsmu flimkien waqt il-quddiesa.
Tul ix-xahar ta’ Mejju u Ġunju, saret enfasi fuq ittalba tar-Rużarju li kien qed jingħad u jiġi mxandar dirett fuq il-paġna tal-parroċċa fuq facebook kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. It-Tnejn, ir-Rużarju kien jingħad mill-knisja u mid-djar kienu jingħaqdu online familji u tfal mill-Kummissjoni Tfal, il-grupp tal-Abbatini, il-kor tat-tfal Joy of the Gospel, l-iScouts u l-Girl Guides. Nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa r-Rużarju kien jingħad minn żoni differenti fir-raħal, u filwaqt li jixxandar dirett fuq facebook, il-familji fiż-żoni minn fejn jingħad ir-Rużarju kienu jiġu mistiedna jingħaqdu għal dan il-mument ta’ talb minn quddiem id-dar tagħhom.
It-tberik isir mill-familji stess … u preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija fit-toroq tar-raħal
Din is-sena ma kienx possibbli li l-Arċipriet jew is-saċerdoti tal-parroċċa jżuruna fid-djar għat-tberik tal-familji. Kif stqarr l-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley f’messaġġ lill-familji ta’ Ħad-Dingli, hu u s-saċerdoti ħassew ħafna n-nuqqas tal-parruċċani f’dan iż-żmien. Għalhekk, il-parroċċa ħasbet f’inizjattiva fejn wara l-Għid, l-Arċipriet dar ir-raħal kollu u fuq l-għatba ta’ kull residenza ħalla flixkun żgħir mimli b’ilma li ġie mbierek fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid. Mal-flixkun, ftit weraq tażżebbuġ li kien imbierek fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, u santa bit-talba tat-tberik tal-familja. B’dan il-mod, is-saċerdoti stiednu lill-familji biex jinġabru flimkien, jitolbu din it-talba, u mbagħad membru tal-familja stess ibierek lillkumplament tal-familja.
Il-Ħadd 20 ta’ April kienet iċċelebrata l-festa tal-Ħniena Divina. Dakinhar filgħaxija wara mument ta’ adorazzjoni fil-knisja, l-Arċipriet ħareġ b’purċissjoni bis-sagrament f’żona fir-raħal. In-nies ma setgħux jakkumpanjaw u kienu mħeġġa jsegwu mit-twieqi jew il-gallariji. Din
il-purċissjoni bis-Sagrament baqgħet issir fil-Ħdud ta’ żmien l-Għid filgħaxija biex intlaħqu ż-żoni kollha ta’ Ħad-Dingli. Nhar il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, Corpus Christi, saret purċissjoni oħra u itwal bis-Sagrament u bis-sehem ta’ aktar fratelli.
Xogħol ta’ manutenzjoni u s-sehem tal-voluntiera
F’dan iż-żmien issokta xogħol ta’ manutenzjoni bażika fil-knisja. Issewwiet minn restawraturi professjonali ħsara li żviluppat fiddriegħ tax-xbieha ta’ Ġesu Msallab li tintrama ma’ salib fuq l-altar maġġur fir-Randan. Tnaddfet ir-raġġiera talistess xbieha u tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju u ta’ Ġesu Bambin. Tnaddaf ukoll ir-ram tal-gandlieri tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fejn saru wkoll interventi żgħar biex il-kappella tinżamm dejjem fl-aħjar stat possibbli. Inħadmet mejda artal ġdida tal-injam biex tintuża fiċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa barra mill-knisja. Kompla wkoll ix-xogħol biex tissaħħaħ is-sistema tas-sound fil-knisja bix-xiri ta’ żewġ cordless microphones, tliet stands għall-microphones, cables biex inxandru b’audio ta’ kwalità aħjar fuq facebook u sistema ta’ batteriji li jiċċarġjaw għall-użu tal-microphones.
Bi tħejjija għall-arranġamenti ġodda tal-ftuħ tal-knejjes biex mill-ġdid tkun tista’ terġa’ tiġi ċċelebrata l-quddiesa, il-bankijiet tal-injam ġew stivati fuq l-artali tan-navi. Minflok ittieħdet id-deċiżjoni li jkun aktar prattiku li jintużaw siġġijiet. Il-parroċċa kellha l-ammont ta’ siġġijiet meħtieġ biex tużahom għall-kapaċità ta’ kemm tiflaħ tieħu nies il-knisja bir-restrizzjonijiet imposti ta’ distanza soċjali. Madankollu kien meħtieġ li jinbidel l-injam ta’ uħud minnhom. Bl-istess mod saru interventi ta’ welding fil-ħadid ta’ xi siġġijiet.
Il-parroċċa hi grata ħafna lejn dawk kollha li fil-ġimgħat tal-pandemija baqgħu jagħtu mill-ħin, l-enerġija u t-talenti tagħhom b’mod volontarju. Il-voluntiera kienu hemm biex il-parroċċa żammet fl-istat li jixraq lid-Dar ta’ Alla, biex taw sehemhom f’ħidmiet differenti li baqgħu għaddejjin, u biex il-parroċċa setgħet taddatta għal realtajiet ġodda li ġab ilcoronavirus. M’għaddietx ġurnata waħda li ma sarx xi ħaġa! Ħafna drabi ħafna aktar! Dak hu li jagħmel parroċċa ħajja, li jimpurtaha mill-komunità u li kellha preżenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-parruċċani anke meta ma setgħux jiġu l-knisja.
Mument ta’ ferħ … nilqgħukom mill-ġdid fid-Dar ta’ Alla
Kien tassew mument ta’ ferħ li wara tliet xhur, il-parroċċi ngħataw direttivi biex jerġgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddiesa fil-knejjes. Dan seħħ mis-Sibt 13 ta’ Ġunju fost ħafna arranġamenti li kellhom jiġu implimentati fil-knejjes skont linji gwida pubblikati mill-awtoritajiet. Is-servizz talqrar beda jingħata b’appuntament jew b’ħin fiss miċ-Ċentru Parrokkjali. Fl-istess żmien kien rakkomandat li din is-sena s-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof isiru fis-Sajf. Id-dati l-ġodda tal-Ewwel Tqarbina huma t-8 u d-9 ta’ Awwissu waqt li tal-Griżma tal-Isqof huma d-19 u l-20 ta’ Settembru. F’Lulju reġa’ beda t-tqarbin fid-djar għallmorda u l-anzjani li ma joħorġux.