8 minute read

Festa b’tifsila differenti frott ċirkustanzi straordinarji Il-Kumitat Festa Esterna

Festa b’tifsila differenti frott ċirkustanzi straordinarji

Ta’ din is-sena se tkun festa limitata ħafna, iżda rriduha li tkun ċelebrazzjoni sabiħa u millqalb kif nafu nagħmlu aħna d-Dinglin lil Santa Marija. Bħala l-organizzatur tal-festa ta’ barra f’Ħad-Dingli, il-Kumitat Festa Esterna hu impenjat jgħin biex nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu niċċelebraw bl-aħjar mod fiċ-ċirkustanzi jum il-festa titulari ta’ Santa Marija, skont id-direttivi tal-awtoritajiet tal-Knisja u tas-saħħa. F’dan l-artiklu, il-KUMITAT FESTA ESTERNA jitratta l-effetti tal-coronavirus fuq il-festa, deċiżjonijiet li ttieħdu meta faqqgħet il-pandemija, kif se niċċelebraw il-festa din is-sena u t-twettieq tar-restawr ta’ patrimonju artistiku fl-armar talfesta f’Ħad-Dingli.

Advertisement

L-effetti tal-coronavirus

Sa meta faqqgħet il-pandemija, ittħejjijiet għall-festa ta’ din is-sena kienu għaddejjin ġmielhom. Is-servizzi talbaned, il-programm tal-logħob tan-nar u l-kuntratt tal-armar tad-dawl kienu konfermati. F’laqgħa msejħa apposta fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kumitat Festa Esterna evalwa s-sitwazzjoni kif kienet qed tiżviluppa u x’deher li seta’ jkun l-impatt tal-coronavirus fuq il-festa li ġejja. X’kien se jiġri sa Awwissu ħadd ma seta’ jbassar u għalhekk id-destin tal-festa dakinhar ma kienx magħruf. Konna konxji iżda li se jkollna tnaqqis sostanzjali fid-dħul finanzjarju u ridna li nagħtu dejjem l-ogħla prijorità lissaħħa ta’ kulħadd. Waqt li deċiżjoni fuq servizzi bħall-baned setgħet tittieħed ’il quddiem meta jkun hemm direzzjoni ċara mill-awtoritajiet tas-saħħa u talKnisja, dehrilna li fiċ-ċirkustanzi kellha tittieħed deċiżjoni fuq il-logħob tan-nar billi l-manifattura kienet se tibda tirranka f’dak il-perjodu. Ilkumitat iddeċieda li ma jinħadimx xogħol pirotekniku għall-festa ta’ Awwissu 2020. Din kellha tkun it-tielet darba fejn il-Kumitat Festa Esterna jinkariga lill-Għaqda Mużikali Santa Marija biex permezz ta’ pirotekniċi fi ħdanha timmanifattura l-logħob kollu tan-nar tal-ajru għall-festa ta’ Santa Marija, blispiża tinqasam min-nofs bejn iż-żewġ entitajiet. Id-deċiżjoni ġiet komunikata lill-Għaqda Mużikali Santa Marija li qablet li x-xogħol mill-voluntiera tagħha jieqaf. Il-kumitat apprezza dan għax minkejja li ma kinitx deċiżjoni faċli dehrilna li l-għaqal hekk jitlob, b’rispett ukoll lejn s-saħħa tal-voluntiera li jaħdmu n-nar. Ilkoll konna konxji li ż-żmien li ġej se jitlob deċiżjonijiet responsabbli biex noħorġu mid-diffikultajiet li kulħadd se jiffaċċja. Naturalment, minnufih ukoll ġiet kanċellata l-ordni tallogħob tan-nar tal-art li l-Kumitat Festa Esterna jixtri mingħand il-kamra tan-nar Sant’Andrija, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Unjoni ta’ Ħal Luqa.

“Il-festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil-parroċċi u fil-knejjes sal-aħħar ta’ din is-sena jistgħu jsiru biss wara li l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu taw il-permess li jistgħu jinġabru flimkien nies f’attivitajiet pubbliċi, u f’kull każ, għal din is-sena, 2020, isiru biss f’din il-forma:

Il-Ħadd biss (jew f’jum ta’ festa pubblika) isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vara meqjuma f’dik il-festa. Dakinhar issir ukoll quddiesa tal-festa fil-knisja. Ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni.” B’dawn id-direttivi, it-tifsila tal-festa għal din is-sena kienet ċara. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, meta ġew illaxkati r-restrizzjonijiet tal-pandemija, l-awtoritajiet tal-Knisja ħabbru li l-festi se jkunu jistgħu jsiru kif imħabbar qabel u ħarġu direttivi dwar x’għandu jsir f’jum il-festa; kemm f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-festa u l-pellegrinaġġ, kif ukoll dwar l-armar tal-knisja u t-toroq u s-sehem tal-baned. Madankollu, lejn l-aħħar ta’ Lulju reġgħu żdiedu l-każi tal-covid-19 u ddaħħlu xi restrizzjonijiet mill-awtoritajiet. Effett ta’ dan, nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu l-Isqfijiet ħabbru d-deċiżjoni li ma jsirux aktar pellegrinaġġi matul din is-sena.

Il-Ħadd 23 ta’ Awwissu: tislima mill-qalb lil Ommna Marija

Fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi, il-festa ta’ din issena mhux ser ikollha manifestazzjonijiet esterni. Bil-pellegrinaġġ bl-istatwa titulari ta’ Santa Marija li kellu jsir nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu kanċellat, anke l-armar limitat li l-Kumitat Festa Esterna kien ippjana għall-aħħar parti tar-rotta mhux ser isir. Madankollu, inħeġġukom tieħdu sehem fiċ-ċelebazzjonijiet fil-knisja biex il-festa ta’ din is-sena tkun ukoll turija ta’ mħabba u ġieħ lil Ommna Marija Assunta. Tkun ħaġa sabiħa wkoll li għall-ġranet tal-festa narmaw il-faċċati tad-djar.

Il-Kumitat Festa Esterna ħaseb ukoll biex iżid il-preżenza tiegħu online permezz tal-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli’. Għal dan il-għan, bil-għajnuna ta’ diversi żgħażagħ għall-jiem ta’ qabel il-festa tħejja programm virtwali, b’kontenut informattiv dwar il-festa f’Ħad-Dingli. Se nkunu qegħdin inlaqqgħukom ukoll mal-uċuħ tal-festa tagħna. Lejlet il-festa, is-Sibt 22 ta’ Awwissu, mis-7.30 p.m. ’il quddiem se jixxandar dirett il-programm ‘Memorji ta’ Festa’ b’tagħrif dwar il-festa f’ĦadDingli, filmati mill-imgħoddi u intervisti malprotagonisti. Kif mistenni, f’jum il-festa, nhar it-23 ta’ Awwissu se jkollna preżenza qawwija fuq il-media soċjali tagħna.

Restawrat trofew antik bi skultura rikka fl-injam

Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li trofew antik u preġjat li jifforma parti mill-armar tal-festa ta’ barra jiġi restawrat. Malli bdew ir-restrizzjonijiet tal-coronavirus, il-kumitat sab l-għajnuna tas-Sur Victor Micallef li b’mod volontarju għamel madwar xahrejn u nofs xogħol fil-garaxx tiegħu biex dan ittrofew ġie restawrat.

Ix-xogħol beda bit-tqaxxir ta’ diversi passati ta’ żebgħa. Din ma kinitx biċċa xogħol faċli u kienet tirrikjedi ħafna paċenzja speċjalment fil-parti l-kbira tal-iskultura li ma kinitx għadha tidher għax ingħalqet biż-żebgħa. Dan l-intervent kixef il-ġmiel tal-iskultura li fih it-trofew u juri l-ħila fis-sengħa li kellu min għamel din ilbiċċa xogħol ta’ arti fl-injam li għandha ’il fuq minn 100 sena. Wieħed irid japprezza li f’dak iż-żmien ix-xogħol kollu kien isir bl-idejn, bi ftit għodod u ebda makkinarju.

Bil-partijiet kollha li jiffurmaw it-trofew inġiebu fuq l-injam naturali, fejn meħtieġ beda xogħol ta’ tiswija fl-injam. Dan kien ivarja minn interventi fuq ponot mtajra u biċċiet nieqsa għal tisħiħ ta’ partijiet mill-istruttura ewlenija li ġew rinfurzati biex jifilħu għall-istrapazz. Imbagħad beda xogħol fuq partijiet mill-iskultura. Il-ġilju tan-nofs kellu werqa u blanzun nieqsa li nħadmu mill-ġdid fl-injam waqt li fjura li kienet imqaċċta ġiet irranġata. Bl-istess mod, nħadmu mill-ġdid xi stilel u s-salib ta’ fuq l-arma għax l-oriġinali kienu nieqsa.

Inbeda mbagħad il-proċess biex jimtlew xpakkaturi fl-injam u wara sar l-ixkatlar u l-irfinar. Meta tlesta dan ix-xogħol, ittrofew ingħata passata żejt tal-kittien. Wara perjodu li tħalla jinxef sew, sar xogħol ta’ stokk u xkatlar u ngħata passata wood primer. L-arblu tat-trofew ġie stukkjat, xkatlat u miżbugħ mill-ġdid.

B’hekk għall-festa ta’ din is-sena, dan it-trofew se narawh restawrat u lest biż-żebgħa biex ikun jista’ jittieħed għall-aħħar fażi fejn jingħata lwien differenti u jsir l-irħamar. Anke kif inhu, se jkun fih ħafna x’wieħed japprezza b’mod partikulari l-iskultura u l-interventi ta’ restawr li saru!

Id-Domus jitbattal mill-armar kollu u ħidmiet oħra

Matul l-aħħar sena l-membri tal-Kumitat Festa Esterna, bil-għajnuna ta’ grupp sabiħ ta’ voluntiera, kienu nvoluti f’diversi ħidmiet. L-Arċipriet talab l-għajnuna tagħna biex salaħħar tal-2019 id-Domus jitbattal mill-armar u l-oġġetti kollha li kien hemm stivati fih. Wara li ġew identifikati l-postijiet fejn se jintrefgħu dawn l-oġġetti, il-post beda jitbattal bil-galbu. Sal-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, id-Domus kien ġebel u saqaf lest biex jibdew xogħlijiet pjanati għal dan il-post. Sadanittant, tkompla x-xogħol ukoll fuq il-proġett tal-maħżen il-ġdid tal-armar ħdejn iċ-Ċimiterju. Tkompla wkoll l-ippjanar biex isir sett trofej ġodda għal Misraħ Ġuże’ Abela. Għal dawn il-proġetti fadal bosta sfidi x’jingħelbu, mhux l-anqas dawk finanzjarji, u għalhekk napprezzaw ħafna kull għajnuna li tista’ tingħata.

Il-100 sena mill-ewwel fiera tal-Imnarja fil-Buskett

Dokumenti mill-Arkivji Nazzjonali juru li 100 sena ilu, il-Kappillan ta’ Ħad-Dingli, Dun Pawl Azzopardi, kiteb lill-Gvernatur jitolbu permess biex jorganizza fiera filġonna tal-Buskett nhar it-28 u d-29 ta’ Ġunju 1920. B’din il-fiera hu ried ikun ta’ sostenn għall-foqra tar-raħal u biex jiġbor fondi għall-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli. Billi Ħad-Dingli kien maqtugħ għalih u ’l bogħod miċ-ċentru tal-gżira, ħaseb li biex il-fiera tkun suċċess issir waqt il-festi tal-Imnarja filBuskett fejn kien magħruf li l-konkorrenza tal-poplu tkun tajba. Din il-fiera baqgħet issir bl-impenn tal-membri tal-Kumitat Festa Esterna u biha ntlaħqu żewġ għanijiet: inżammet ħajja logħba tradizzjonali f’festa b’għeruq antiki u jinġabru fondi għall-festa ta’ Santa Marija.

Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, din is-sena l-fiera ma saritx billi l-awtoritajiet ikkanċellaw l-attivitajiet tal-Imnarja fil-ġonna tal-Buskett. Madankollu, il-kumitat ħass li kellu jżomm ħajja r-rabta ma’ din il-festa u nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju, lejlet l-Imnarja filgħaxija, organizza attività fuq l-irdum. Filfatt din kienet l-ewwel attività organizzata minna mindu ġie konfermat l-ewwel każ talvirus f’Malta. Dakinhar, l-Arċipriet bierek l-annimali domestiċi u kien hemm bejgħ ta’ ikel u xorb waqt li l-pubbliku seta’ japprezza s-seħer tal-irdumijiet fi nżul ix-xemx. Minn hemmhekk ’il quddiem, il-kumitat reġa’ beda jorganizza xi attivitajiet fuq barra.

Stedina biex ngħinu mill-aħjar li nistgħu … GRAZZI

Il-Kumitat Festa Esterna jirringrazzja lil dawk kollha li jikkollaboraw b’xogħol volontarju u b’għajnuna finanzjarja biex jintlaħaq l-għan li norganizzaw festa xierqa lil Santa Marija. Veru li din is-sena l-festa se tkun differenti, iżda aħna kommessi li dak li se jsir ikun l-aħjar għal Ħad-Dingli u li jagħti l-akbar ġieħ lil Santa Marija. Bl-għajnuna t’Alla mbagħad, sena oħra jasal ukoll!

Dehrilna li fiċ-ċirkustanzi ta’ din is-sena, l-albural, li hu l-ġabra annwali bieb bieb għall-festa ta’ barra ma ssirx. Madankollu hemm spejjeż li jridu jitħallsu, kemm għal affarijiet bażiċi li se jsiru f’jum ilfesta kif ukoll għal proġetti ta’ armar li aħna impenjati nwettqu fiż-żmien li ġej. Għaldaqstant varajna mezz elettroniku kif din is-sena tista’ tagħti l-kontribut tiegħek biex il-Kumitat Festa Esterna jibqa’ jagħmel festa sabiħa lil Santa Marija. B’sms fuq in-numru 50618800 tkun qed tagħti donazzjoni ta’ €6.99. In-numru se jibqa’ attiv sal-aħħar ta’ Awwissu 2020.

Inroddu ħajr mill-qalb lill-poplu kollu ta’ Ħad-Dingli għall-appoġġ kontinwu tiegħu f’din il-ħidma li aħna nafdaw f’idejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema.

This article is from: