7 minute read
Mid-djarju tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli Mario Micallef
Mid-djarju tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli
Il-ħajja u l-ħidma fil-parroċċa ta’ Ħad-Dingli fl-aħħar tnax-il xahar tista’ tinqasam min-nofs, u ssegwi dak li ġara fil-kumplament tal-parroċċi. Fl-ewwel sitt xhur l-andament kien pjuttost normali. Imbagħad, minn Marzu, il-coronavirus biddel kollox. MARIO MICALLEF jagħti ħarsa lura lejn xi mumenti li jibqgħu mmarkati fid-djarju tal-parroċċa minn Awwissu 2019 ’il quddiem.
Advertisement
Il-kwadru pellegrin tal-Madonna Ta’ Pinu fostna
Mill-Ġimgħa 2 sat-Tnejn 5 ta’ Awwissu 2019 kellna l-grazzja nilqgħu fostna l-kwadru pellegrin tal-Madonna Ta’ Pinu. Dan sar fis-sena li fiha tfakkar l-400 anniversarju ta’ din ix-xbieha tal-Assunta miżmuma b’tant għożża fis-Santwarju Ta’ Pinu, fil-limiti talGħarb, f’Għawdex. Il-poplu ta’ ĦadDingli laqa’ bi ħġaru din l-inizjattiva u pparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet organizzati. Dawn saru fl-ewwel jiem tal-kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija. Kien tassew mument sabiħ dak tal-Ġimgħa 2 ta’ Awwissu filgħaxija, meta r-Rettur tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, Dun Gerard Buhagiar, mexxa quddiesa għall-komunità parrokkjali ta’ Ħad-Dingli. Din ġiet iċċelebrata ħdejn l-istatwa talMadonna, fi Triq Claudette Agius. Fi tmiem il-quddiesa sar pellegrinaġġ aux flambeaux bil-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu sal-Knisja Arċipretali fejn saret il-funzjoni tal-Kwindiċina u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Is-Sibt 3 ta’ Awwissu filgħodu ġiet iċċelebrata quddiesa għall-anzjani u l-morda li fiha ġie amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda lil dawk li għandhom aktar minn sittin sena u ’l-morda. Filquddiesa tas-Sibt filgħaxija saret il-preżentazzjoni tat-trabi li twieldu matul din l-aħħar sena lillMadonna Ta’ Pinu.
F’kull quddiesa ċċelebrata l-Ħadd 4 ta’ Awwissu ntqalet it-talba ta’ affidament tal-familja lillMadonna Ta’ Pinu. Bejn quddiesa u oħra, diversi familji qattgħu ħin ta’ talb privat quddiem ix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu armata fil-knisja.
L-aħħar jum fostna tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu għaqqad flimkien lill-għaqdiet u l-poplu ta’ ĦadDingli. It-Tnejn 5 ta’ Awwissu filgħaxija, l-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley mexxa quddiesa bissehem tal-Kunsill Lokali, il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il-kummissjonijiet parrokkjali, id-dirġenti u membri ta’ għaqdiet, gruppi u każini u l-poplu. Fi tmiem il-quddiesa, saret velja ta’ talb f’riġlejn ix-xbieha devota tal-Madonna Ta’ Pinu li ġiet fi tmiemha bil-Barka Sagramentali.
“Tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom! Marija hija waħda minna, minn ta’ ġewwa: insibulha post fid-dar tagħna, nirriservawlha maqgħad biex tpoġġi madwar il-mejda tal-familja, u kuljum insibu ħin noqogħdu ftit maġenbha nitkellmu magħha, possibbilment bit-talba tar-Rużarju, imma jekk ma għandniex ħin, almenu ngħidu dak li talbitna hi minn dan il-kwadru: tliet Ave Marijiet. Ħa tkun din il-Kewkba ta’ filgħodu li bir-raġġi fiddiena tagħha, li jiżbqu d-dawl tal-kwiekeb l-oħra barra dak tax-xemx (li hi Kristu), tkeċċi d-dlamijiet minn qlubna u minn fostna.”
Madonna Ta’ Pinu Sultana tal-Familja, ħarstek fuqna dejjem żomm.
Ħsus mill-festa 2019
Il-festa ta’ Santa Marija fl-2019 kienet ċelebrazzjoni ta’ raħal u poplu wieħed magħqud wara l-Assunta. Iċċelebrazzjonijiet fil-knisja u barra laħqu l-iskop tagħhom b’attendenza tajba mill-poplu. Konna wkoll qrib min qed ibati u jeħtieġ l-għajnuna, b’għotja ta’ karità ta’ €3,000 lill-Isqof Mons. Giovanni Cefai M.S.S.P. għall-ħidma missjunarja li kien qed jibda bħala Isqof ġdid ta’ Huancané fil-Perù. Hu ġie ppreżentat din l-għotja fi tmiem quddiesa li mexxa fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli nhar is-Sibt 10 ta’ Awwissu 2019. Dakinhar l-Isqof Cefai mexxa wkoll iċ-ċelebrazzjoni fuq iz-zuntier fl-okkażjoni tal-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija.
Nhar il-15 ta’ Awwissu 2019 saret ir-raba’ edizzjoni tal-Pellegrinaġġ tal-Muturi organizzat flimkien bejn il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr. Il-pellegrinaġġ beda minn fuq iz-zuntier tal-Imġarr u ntemm fil-pjazza ta’ ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli fejn sar it-tberik tas-sewwieqa. Permezz ta’ din l-attività nġabru €1,500 għal ALS Malta.
Saċerdot ġdid fil-kleru tal-parroċċa
Fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Novembru 2019 tħabbar li l-Arċisqof, Mons. Charles J. Scicluna, bagħat lis-saċerdot novell Dun Matthew Pulis biex jgħin f’ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ ĦadDingli. Dun Matthew hu mill-Iklin u għandu 36 sena. Hu ħa l-edukazzjoni fl-iskola primarja ta’ Ħal-Lija, is-sekondarja u l-post-sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi u mbagħad fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa BSc Business & Computing u MSc Informatics. Ħadem bħala Network Monitoring Official mal-Awtorità tal-Logħob u l-Lotteriji u wara bħala Geographic Information System Consultant ma’ Newgrove Consultants ta’ Londra. F’Jannar 2011 beda l-mixja għas-saċerdozju fis
Seminarju fejn bħala parti mill-istudji tiegħu ggradwa SThB mill-Università ta’ Malta u b’MA Digital Theology minn Durham. Ġie ordnat saċerdot f’April 2019 u bħalissa qed ikompli bl-istudji tiegħu fil-livell ta’ dottorat fejn se jkun qed jistudja l-bżonnijiet eżistenzjali u spiritwali tal-ġenerazzjoni Z (l-adoloxxenti) kif inhuma espressi mill-gaming habits u patterns tagħhom. Dan bil-għan li jingħataw vuċi fit-tfassil ta’ attitudni pastorali magħhom, u allura verament l-Knisja tista’ tifhem min huma, x’għandhom bżonn, u titkellem billingwa taghhom, filwaqt li tarahom bħala sħab aktar milli bħala persuni li trid tevanġelizzahom biss.
Dun Matthew Pulis hu wkoll parti minn konsorzju ta’ riċerkaturi internazzjonali li nħoloq biex jara kif il-knejjes mad-dinja rreaġixxew għall-COVID-19 u kif il-knisja tista’ tħejji għat-tieni mewġa tal-imxija. Dun Matthew qed janalizza tweġibiet ta’ saċerdoti Maltin u jikkummenta dwarhom teoloġikament. Qed jassisti wkoll lill-Kummissjoni Evanġelizazzjoni f’aspetti tekniċi u fit-tfassil ta’ pjan diġitali għad-djoċesi.
Superjur ġdid għall-M.U.S.E.U.M. tas-subien
F’Novembru wkoll, is-soċju żagħżugħ Robert Micallef minn Ħad-Dingli nħatar bħala Superjur talqasam tal-M.U.S.E.U.M. tas-Subien fil-parroċċa tagħna. Fl-istess żmien ilqajna fostna wkoll lis-soċju Joseph Spiteri mir-Rabat li ngħaqad mas-soċji Paul Azzopardi, Emanuel Gauci u Raymond Muscat fl-għoti tas-servizz ta’ katekiżmu u formazzjoni lit-tfal u l-adoloxxenti tagħna. Il-parroċċa trodd ħajr lis-Superjur Daniel Micallef li fil-ħames snin li għaddew mexxa l-qasam tas-subien f’Ħad-Dingli u tawguralu fil-ħidma l-ġdida bħala Superjur tal-M.U.S.E.U.M. ta’ Ħ’Attard. Tieħu l-okkażjoni tirringrazzja lill-membri kollha tal-M.U.S.E.U.M., subien u bniet, għall-impenn volontarju tagħhom fil-formazzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti tagħna.
Milied ta’ imħabba u solidarjetà
Żmien il-Milied li għadda fil-parroċċa tagħna kien tassew wieħed li għexna fi spirtu nisrani. Nispjega għaliex aktar ’il quddiem. Il-parroċċa ħejjiet bosta attivitajiet ta’ natura reliġjuża iżda għal sena oħra reġgħet investiet ħafna enerġija fiċ-ċelebrazzjoni tal-lejl tal-Milied. Din is-sena għażilna l-figura ta’ San Ġużepp u l-irwol tiegħu f’lejl daqstant importanti, anke għaliex ridna nintroduċu lin-nies ma’ anniversarju importanti li jaħbat fl-2020: il-150 anniversarju mindu San Ġużepp ġie dikjarat bħala l-patrun tal-Knisja Universali. Il-parroċċa ħalliet f’idejn is-Sur Andrew Borg, Assistent Kap tal-Iskola Primarja ta’ ĦadDingli, biex jikteb play dwar San Ġużepp fil-Lejl tal-Milied. Fiha ħadu sehem tfal mill-iskola primarja tar-raħal tagħna. Lill-familji preżenti għal din il-quddiesa u l-quddies iċċelebrat fil-25 ta’ Diċembru, il-parroċċa tathom bħala rigal il-ktieb “San Ġużepp fil-Lejl tal-Milied”, b’kitba wkoll tas-Sur Andrew Borg. Ktieb ieħor tal-istess awtur ingħata lit-tfal.
B’inizjattiva koordinata mill-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley, ingħataw 32 rigal lil tfal individwali f’Dar Fra Diegu u Dar San Nikola fil-Ħamrun u f’Dar Sagra Familja Ħaż-Żabbar. Xi nies taw ukoll
oġġetti ta’ logħob u appliances ġodda biex jintużaw mit-tfal fid-djar mmexxija mill-Knisja f’Malta. B’donazzjonijiet li ngħataw apposta, fil-Milied il-parroċċa ħallset l-ikla ta’ nofsinhar lil ħamest’itfal minn Dar San Nikola li ma kienx possibbli jmorru mal-familja tagħhom. Dawn kienu akkumpanjati minn tliet care workers. Fl-ewwel jum tas-sena, ġbarna flimkien għall-ikla ta’ nofsinhar lil tfal li kienu se jibqgħu fi tnejn mid-djar tal-Knisja. Il-Kummissjoni Tfal irċeviet donazzjonijiet biex tixtri d-drapp għal purtieri għal uħud mill-kmamar tat-tfal li mbagħad inħietu minn voluntiera. Bil-flus li nġabru nxtraw ukoll xi appliances li kien jonqos għall-istess djar tat-tfal immexxija mill-knisja. F’inizjattiva oħra, b’oġġetti tal-ikel li nġiebu fil-knisja tul il-Ħdud tal-Avvent, tqassmu 50 hamper lil familji filbżonn.
Fl-1 ta’ Jannar 2020, ġie ppreżentat rigal sabiħ lid-Dar tal-Providenza: is-somma ta’ € 5,010 li nġabret minn Ħad-Dingli permezz tal-kampanja “Minn Qalbna lill-Anġli”. Dakinhar id-Dar tal-Providenza tkun miftuħa għal pubbliku għal Festa ta’ Ġenerożità li ssir biex jinġabru fondi għall-ħidma li twettaq ma’ ’l fuq minn 100 persuna b’diżabilità.
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020, festa tal-Epifanija tal-Mulej, kellna l-aħħar inizjattiva li biha 33 persuna taw id-demm fil-Mobile Blood Donation Unit li kienet ħdejn il-Knisja Arċipretali.
Preżenza fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp, fir-Rabat
Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Frar 2020, il-parroċċa ta’ ĦadDingli ġiet mistiedna tieħu sehem f’waħda mill-Erbgħat bi tħejjija għall-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Dakinhar, l-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley mexxa l-quddiesa ta’ filgħaxija fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp. Diversi parruċċani kienu preżenti għall-quddiesa, u għar-rużarju qabel.
Jibda r-Randan u …
Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Frar 2020 tajna bidu għar-Randan Imqaddes. Filgħaxija sar pellegrinaġġ miċ-Ċentru Parrokkjali għall-Knisja fejn ġiet iċċelebrata l-quddiesa li nkludiet ir-rit tat-tqegħid tal-irmied. Bdew ukoll ilkorsijiet ta’ eżerċizzi, fl-ewwel ġimgħa tar-Randan saru dawk għal kulħadd fil-quddiesa ta’ filgħaxija. Fit-tieni ġimgħa, kienu bdew l-eżerċizzi għall-koppji miżżewġa u l-għarajjes. Dawn kellhom jieqfu nofs triq billi millĦamis, 12 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta ordnaw li minħabba l-coronavirus għandha tiġi evitata kull inizjattiva li tistieden lill-insara jinġabru fil-knisja. Għalhekk anke ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa għall-pubbliku waqaf. Minn hemmhekk il-ħajja talparroċċa nbidlet ta’ taħt fuq kif wieħed seta’ jaqra aktar qabel f’artiklu ieħor f’din il-publikazzjoni li tratta ż-żmien tal-pandemija.
Tunnel Works Shaft Excavation Trenching Road building Rock bolting/stabilisation Shotcrete Core drilling Geological surveys