3 minute read

Mons. Louis Camilleri – 50 sena saċerdot servizz lill-Knisja f’Malta u ‘l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli Savio D. Borg

Mons. Louis Camilleri 50 sena saċerdot servizz lill-Knisja f’Malta u ’l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli

Kif itir iż-żmien? Għaddew 50 sena minn meta seminarista żagħżugħ minn Ħad-Dingli, ġie ordnat saċerdot għal dejjem – sacerdos in aeternum. SAVIO D. BORG jikteb dwar ħajjet u ħidmet Mons. Louis Camilleri, li fl-aħħar talartiklu jgħaddi wkoll messaġġ lill-poplu ta’ ĦadDingli.

Advertisement

Mons. Louis Camilleri twieled nhar is-27 ta’ Lulju, 1944, f’Ħad-Dingli, iben Ġużeppi u Michelina nee` Abela, it-tielet wild fost għaxra. Tliet ijiem wara ġie mgħammed mill-Kappillan Dun Carmelo Azzopardi fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli. Kemm issagrament tal-Ewwel Tqarbina kif ukoll s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof ġew amministrati lilu matul ilparrokat tal-Kappillan Azzopardi.

Studja fl-iskola primarja ta’ Ħad-Dingli u fil-Liċeo u aktar tard fl-Università ta’ Malta fejn gradwa b’Baċellerat fl-Arti fl-1966, Baċellerat fid-Divinità (teoloġija) fl-1968, u l-Liċenzjat fid-Divinità fl-1970. Ħass is-sejħa tal-Mulej u fl-1964 daħal is-Seminarju Maġġuri biex jipprepara ruħu għal saċerdot. Wara tmien snin ta’ studju u preparazzjoni, il-jum mistenni minn kull seminarista wasal ukoll. Nhar il-15 ta’ Marzu, 1970, flimkien ma’ 10 djakni oħra (6 djoċesani u 5 patrijiet) bit-tqegħid tal-idejn ta’ Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi, hu ġie kkonsagrat lil Alla għas-servizz tal-Knisja. Il-prima messa għamilha nhar il-Ħadd 16 ta’ Awissu 1970, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli.

Il-ħidma prinċipali ta’ Mons. Louis Camilleri matul din il-mixja saċerdotali ta’ 50 sena kienet marbuta mal-pastorali tal-familja Maltija b’ħidma kontinwa filMoviment ta’ Kana. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1956, il-moviment kien ta’ sostenn ewlieni b’riżq il-familji Maltin billi joffri diversi servizzi fosthom korsijiet bi tħejjija għaż-żwieġ, counselling għallkoppji li għaddejjin minn problemi matrimonjali, tagħlim dwar l-ippjanar naturali tal-familja, organizzazzjoni tal-Gruppi Familji Nsara, korsijiet fuq parental skills, publikazzjoni ta’ kotba u

tar-rivista ‘Familjakana’ u edukazzjoni kontinwa permezz ta’ konferenzi u taħditiet. Ftit xhur wara l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, Dun Louis ġie maħtur Assistent Direttur tal-Moviment ta’ Kana u fl-1978 nħatar bħala Direttur tal-istess moviment, kariga li baqa’ responsabbli minnha sas-sena 2006. Żgur li l-ħidma kontinwa ta’ Mons. Louis Camilleri fil-Moviment ta’ Kana f’dawn is-snin kollha ssarfet f’riżultati inkoraġġanti u l-moviment kiseb ir-rispett mistħoqq mis-soċjetà kollha Maltija.

Fl-1992 kien membru tal-kumitat organizzattiv fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Familja u ħa sehem fis-Sinodu Djoċesan. Kontributur regolari fuq il-mezzi tax-xandir u attenda diversi konferenzi internazzjonali dejjem b’rabta mal-familja. Kien ukoll membru tal-bord eżekuttiv tal-ICCFR (International Commission on Couple and Family Relations). Fl-2006 hu ngħata l-inkarigu minn Mons. Arċiqof biex ikun Addett għat-Tribunal Ekkleżjastiku. Minbarra din il-ħidma, Mons. Louis Camilleri dejjem ta servizz pastorali filparroċċa tagħna u għen mingħajr ħafna daqq ta’ trombi kemm seta’ kull fejn kien hemm bżonn. Nhar is-26 ta’ Novembru, 2006, Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca għoġbu jaħtru wieħed mill-Kanonċi effettivi tal-Kapitlu Metropolitan bit-titlu ta’ Monsinjur. Iċ-ċerimonja tal-pussess saret nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar, 2007, fil-Katidral, l-Imdina. Fl-2016 inħatar President tal-Kapitlu Metropolitan. Fl-2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. nnomina lil Mons. Louis Camilleri bħala membru tal-kunsill talFondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u serva bħala President tal-fondazzjoni fl-2016/17 u fl-2018/19.

Filwaqt li nawguraw lil Mons. Louis Camilleri li kif għamel matul din il-mixja ta’ 50 sena fissaċerdozju, ikompli miexi f’din il-ħidma siewja wara r-Ragħaj il-Kbir li sejjaħlu biex jimxi warajh, inkomplu nitolbu biex aktar żgħażagħ, speċjalment mill-parroċċa tagħna, jisimgħu s-sejħa tal-Mulej u jimxu warajh.

Bħala għeluq ta’ dan l-artiklu, Mons Louis Camilleri tana dan il-messaġġ:

“Għandi żewġ xewqat kbar li nitlob ħafna lill-Mulej biex jitwettqu:

L-ewwel xewqa hija din: matul dawn il-50 sena li ilni saċerdot kien hemm diversi żgħażagħ li tħajru jsiru saċerdoti iżda s’issa warajja għadu ma sar l-ebda saċerdot minn Ħad-Dingli. Nitlob ħafna, u nixtieq li lkoll nitolbu ħafna lill-Mulej għall-vokazzjonijiet saċerdotali. It-tama tiegħi hi li jkollna saċerdoti oħra, u ma ndumux, minn Ħad-Dingli.

It-tieni xewqa li għandi hija din: matul dawn ix-xhur tal-pandemija tal-coronavirus ħareġ fil-beraħ u deher aspett u valur sabiħ ħafna – is-solidarjetà. Hu valur ibbażat fuq il-kmandament li tana Ġesu: Ħobbu lil xulxin. Fhimna li lkoll qegħdin f’baħar wieħed u li għandna ngħinu u nieħdu ħsieb ta’ xulxin. Jalla dan is-sens ta’ solidarjetà nibqgħu ngħixuh u nibqgħu nieħdu ħsieb u nieqfu ma’ xulxin.”

This article is from: