2 minute read

AQLA’ KJASS!

Next Article
SKEDA ONE

SKEDA ONE

DISA’ STEJJER TA’ SFIDA

Għaxar ġganti tal-komik Taljan ingħaqdu kollha f’daqqa f’din il-ġabra unika u b’saħħitha biex jgħidu: daqshekk għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru. U għamluh permezz tal-format tal-komik, il-graphic novel, fejn l-istejjer li jirrakkontaw jużaw il-mezz – immedjat u qawwi għax viżiv –tal-istampi tal-komiks.

Advertisement

Oriġinarjament ippubblikat l-Italja bl-isem Fai Rumore (pubblikazzjoni Il Castoro), u issa miġjub għall-Malti minn Clare Azzopardi u ppubblikat mill-Merlin Publishers, Aqla’ Kjass! huwa ktieb uniku fejn disa’ stejjer jirrakkontaw episodji ta’ gaslighting, slut shaming, fatphobia, catcalling, date rape u sitwazzjonijiet oħrajn ta’ vjolenza abbażi tal-ġenru. Iżda ma jiqfux hemm, għax dawn l-istejjer jinterpretaw il-vuċi tan-nisa li jridu jirrakkontaw huma stess dawn l-istejjer u jgħidu daqshekk, se nkissru s-silenzju u naqilgħu kjass biex dawn l-affarijiet ma jseħħux iktar.

Aqla’ Kjass! jiftaħ b’daħla ta’ Audrey Friggieri, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru. Kif tgħid Friggieri fid-daħla, “F’Aqla’ Kjass!, Elisa, Sabrina, Roża, Lara, Laura, Ele, Camilla, kif ukoll ħafna oħrajn fostna u hemm barra li ma nafux x’jisimhom, jieħdu n-narrattiva ta’ ħajjithom f’idejhom. Għandhom il-poter, huma konxji tiegħu, u jużawh … Bejn il-paġni ta’ dan il-ktieb insibu l-messaġġ tad-deheb għalina lkoll: L-ISTORJA TA’ ĦAJJITNA NIKTBUHA AĦNA STESS, u ma nċedu qatt dan il-poter biex persuni oħrajn jiktbuha għalina!”

Elisa, Sabrina, Roża, Lara, Laura, Ele, Camilla … tfajliet u nisa li setgħu kienu aħna, jew ħutna l-bniet jew it-tfal tagħna jew sħabna t-tfajliet. Nisa li f’disa’ stejjer ta’ sfida, għaddew minn episodji ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u ddeċidew li jisfidaw, jgħollu leħinhom u jaqilgħu KJASS!

Dan il-komik huwa indirizzat primarjament lil udjenza ta’ adolexxenti, li proprju qed jiskopru dinja fejn din il-vjolenza għadha mhijiex xi ħaġa biss tal-imgħoddi imma li huma wkoll dawk li qed jgħidu daqshekk, dawn l-istejjer m’għandhomx jibqgħu jiġru.

Għalhekk twieled dan il-ktieb. Biex ixaqqaq is-silenzju u jimlieh bl-istejjer, bil-kliem, bir-rabja u bl-istorbju jekk hemm bżonn.

Fi kliem Clare Azzopardi li ttraduċiet dan ilktieb, “F’dawn l-istejjer sirt naf karattri żgħażagħ li għaddew minn vjolenza sesswali, minn ibbulljar, ansjetajiet, manipulazzjoni psikoloġika u ħafna esperjenzi oħra. U appuntu għalhekk ma kienx dejjem faċli li nittraduċihom, għax kważi kważi bdejt ngħid lili nnifsi li kieku ma niktibhomx, ma jseħħux, u la ma jseħħux, il-protagonisti ma jkollhomx jgħaddu minn hekk …”

Aqla’ Kjass! hu bla dubju ktieb b’saħħtu, uniku fil-panorama tal-ktieb għall-adolexxenti bil-Malti, illi permezz tal-komiks se jasal b’mod dirett u immedjat għand l-adolexxenti – nisa u rġiel – li qed isibu s-saħħa biex jaqilgħu kjass u jgħidu daqshekk!

Aqla’ Kjass! jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, kif ukoll online minn merlinpublishers.com

Mistoqsija: Għal liema vjolenza qed jirreferi l-ktieb?

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb AQLA’ KJASS!. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 30 ta’ April. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi. Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb IL-BARBAĠANN FIX-XEWKIJA hija:

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

F’liema pożizzjoni qiegħda Malta fil-klassifikazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

This article is from: