1 minute read

PROTEST GĦAL PROĊESS URĠENTI TAL-ISPTARIJIET

Il-Gvern ressaq protest biex jitnaqqas il-perjodu ta’ appell wara s-sentenza ġudizzjarja li ngħatat ilbiraħtlula mill-Qorti fejn ikkonkludiet li erba’ ftehimiet dwar l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-eks Sptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech biex jitmexxew minn Steward Healthcare huma nulli u allura issa dawn l-istess istituzzjonijiet iridu jgħaddu lura għand ilGvern fi żmien tliet xhur.

Il-protest ippreżentat ilbieraħ isegwi l-kummenti fl-istess linja li l-Prim Ministru Robert Abela ta lill-ġurnalisti nhar il-Ġimgħa filgħaxija b’reazzjoni għall-istess kawża deċiża mill-Imħallef Francesco Depasquale.

Advertisement

Dr Abela indika li, wara analiżi tas-sentenza ta’ kważi 140 paġna, il-Gvern kien se jitlob lill-Qorti biex tqassar il-perjodu allokat għall-appell mit-30 jum normali u, kemm-il darba jsiru appelli, il-Qorti se tintalab biex dawn jinstemgħu b’urġenza.

Iżjed minn hekk, il-Prim Ministru ta l-assigurazzjonijiet kollha li kull żvilupp f’dan ir-rigward mhu se jbiddel xejn mis-servizz tal-kura tas-saħħa tal-ogħla livell li jingħata lill-poplu, waqt li l-ħaddiema kollha ta’ Steward se jiġu assorbiti mill-Gvern.

Stqarrija, li nħarġet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) ftit wara d-deċiżjoni tal-Qorti, ukoll qalet li “l-Gvern qed janalizza din is-sentenza, u f’kull eventwalità se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha, u s-servizzi kollha li l-pazjenti jieħdu mill-isptarijiet, li huma mertu tal-konċessjoni li dwarha ngħatat is-sentenza surriferita.”

Fi tmiem il-kawża, li nfetħet fl-2018 dak iż-żmien mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, ġie nnotat kif Steward m’onoratx l-obbligi tagħha fil-ftehim, waqt li ma ressqet l-ebda evidenza konkreta għaxxogħlijiet ta’ ristrutturar u tisbiħ li kellha tagħmel fl-isptarijiet fdati f’idejha bħala parti mill-obbligi ta’ ftehim li kien sar tmien snin ilu.

Il-Qorti rrimarkat li, għalkemm il-kumpanija qalet li wettqet investiment ta’ €60 miljun, meta ġiet biex tressaq l-evidenza ppreżentat biss affidavit ta’ inġinier u ritratti ta’ ħelikopter li nxtara u ta’ rinnovar f’kamra tal-banju. Dan minbarra li ma ngħataw l-ebda dettalji ta’ xogħlijiet li kellhom isiru fil-futur. Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Depasquale saħaq li l-Qorti hi tassew perplessa bil-faqar tal-provi li ressqet Steward, probabbilment riflessjoni tal-faqar ta’ investiment, proġetti u ppjanar li kellha ppjanati.

Il-Qorti qalet ukoll li meta kien evidenti li din ma kinitx qed tissodisfa l-obbligi tagħha, il-Gvern ta aktar żmien biex tagħmel dak li kellha tagħmel. Madanakollu, minkejja dik l-estensjoni, il-kumpanija xorta ma wettqitx dak li kienet obbligata tagħmel, inkluż l-obbligu biex jiżdiedu s-sodod għall-pazjenti.

This article is from: