2 minute read
IL-PN BAQA’ L-ISTESS BIL-PROVI
L-istess persuna, li għaxar snin ilu ffirmat ir-rapport tat-telfa Nazzjonalista fejn ġie indikat ċar u tond ir-raġunijiet għal xiex ħafna persuni kienu abbandunaw lill-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien, illum hi stess qed tirrepeti l-istess żbalji li kienet ġibdet l-attenzjoni dwarhom. B’indikazzjoni li l-affarijiet fil-PN mhux biss ma nbidlux f’dan iż-żmien kollu, iżda baqgħu sejrin għall-agħar, sors mid-Dar Ċentrali, li tkellem mal-KullĦadd bil-kundizzjoni tal-anonimità, jisħaq li l-ħakma tal-establishment rażżnet kull tentattiv għall-bidla.
Advertisement
“Tista’ tgħid li issa għaqqad iċ-ċirku … fis-sens li dak li kien isir ħażin mit-tmexxija (Nazzjonalista) għaxar snin ilu baqa’ prattikament l-istess. Dawk li kienu tqabbdu mill-establishment biex jindikaw x’hemm bżonn jitranġa, qed jirrepetu l-istess żbalji flok poġġew fil-prattika dak li kitbu huma stess,” tenna s-sors, b’referenza għall-Professur Mary Ann Lauri, waħda mill-awturi tar-rapport tat-telfa kkummissjonat fl-2013 mill-Kap ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil.
Lauri, li qed tokkupa l-pożizzjoni ta’ Direttur tar-Riċerka Politika tal-PN taħt il-Kap attwali Bernard Grech, hi magħrufa kemm hi qrib l-istess fazzjoni ta’ Simon Busuttil jew l-establishment Nazzjonalista kif jiġi riferut ukoll.
Fl-aħħar Kunsill Ġenerali tal-PN ġimagħtejn ilu hi ħarġet tgħajjar lil dawk li telqu mill-PN u sejħitilhom beżżiegħa u opportunisti, waqt li rreferiet għal kull min jikkritika t-tmexxija tal-PN bħala “armchair critics”.
L-uniku rapport tat-telfa, li l-PN għamel wara elezzjoni ġe- nerali, tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsilli fl-aħħar għaxar snin, kien elenka l-arroganza, il-weġgħat tan-nies u “l-klikka li tmexxi lill-PN” bħala raġunijiet għalll-ammont sostanzjali ta’ nies li kienu telqu minn ħdanu u ħafna minnhom kienu saħansitra vvotaw lill-Partit Laburista.
Ir-rapport kien sar mill-Professur Lauri, flimkien ma’ Ann Fenech, Simon Mercieca, Rosette Thake u Malcolm Custò.
Iżda llum Mary Anne Lauri qiegħda tmur kontra dak stess li kitbet fir-rapport u tgħajjar lin-Nazzjonalisti li m’għadhomx jagħmlu parti mill-Partit fl-Oppożizzjoni jew jiddikjaraw li m’għadhomx jagħrfu lill-PN li kienu jafu.
“(Ir-rapport tal-2013) kien jindika li kien hemm firdiet profondi fil-PN, li kien hemm arroganza, li l-PN kien jidher qed jitmexxa minn klikka u li għandu establishment … jindika wkoll li ntilfu nies validi u kapaċi mill-PN. Dak li Mary Ann Lauri kitbet fl-2013 għadu kollu japplika llum, bid-differenza li bid-diskors (tagħha) fil-Kunsill Ġenerali jidher li hi stess inħakmet mill-ambjent negattiv u ta’ firda fil-PN u spiċċat għajret linnies li suppost kienet fehmet sew, għax kienu mweġġgħin u telqu lill-PN,” kompla s-sors. Ir-riżenji mill-PN ta’ uffiċjali, rappreżentanti sezzjonali u voluntieri wkoll ma waqfu qatt fl- aħħar snin.
Falzon, Puli u Farrugia kienu fost il-kritiċi tat-tmexxija attwali u l-arroganza li għadha tiddomina
Dan ġie kkonfermat fl-aħħar jiem minn Clyde Puli, Eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista fi żmien it-tmexxija ta’ Adrian Delia, u minn Alessandro Farrugia, Eks Direttur tal-Komunikazzjoni taħt Bernard Grech.
F’okkażjonijiet separati, ittnejn ippontaw subgħajhom lejn l-istess klikka li tippretendi li taf kollox qisha għandha xi don divin. Farrugia, li ħadem spalla ma’ spalla mal-Kap attwali, inkluż fil-kampanja għallelezzjoni ta’ Kap kontra Delia f’Ottubru tal-2020, saħansitra jgħid bla tlaqliq li l-PN jinsab imwaħħal mal-passat mhux daqstant riċenti, bla ebda rieda li jaġġorna maż-żminijiet.
Fl-istess ħin, opinjonisti, bħall-Eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, u editorjali ta’ gazzetti staqsew jekk effettivament il-PN jistax jiġi salvat. Ġie rrapportat ukoll kif dan l-aħħar kienu qed jinġabru l-firem fost il-kunsillieri tal-PN biex jitneħħa Grech, waqt li hu magħruf ukoll kif qed isiru diversi tentattivi ddisprati biex Roberta Metsola taċċetta ssir hi Kap tal-Partit qabel l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
L-istess sors irrimarka li dan jikkuntrasta mal-messaġġ pożittiv tal-Prim Ministru Robert Abela, li l-Ħadd appella biex ma jintilef l-ebda talent u kulħadd ikollu l-opportunità li jikkontribwixxi għall-ġid ta’ pajjiżna.