1 minute read

IMPENJATA FAVUR IL-PAĊI

Ian Borg imexxi sessjonijiet speċjali tal-ĠM fl-ewwel sena tal-invażjoni fl-Ukrajna

F’għeluq is-sena minn meta bdiet l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa fuq it-territorju Ukren, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ, Ian Borg, ippresieda fuq il-Kunsill tasSigurtà tal-Ġnus Magħquda (ĠM) fi New York, l-Istati Uniti tal-Amerka, waqt preżentazzjoni dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Ukrajna mis-Segretarju Ġenerali tal-istess organizzazzjoni internazzjonali, António Guterres.

Advertisement

Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Malti sostna li paċi ġusta u dejjiema hi l-unika soluzzjoni għal dan il-kunflitt u b’hekk Malta se tibqa’ timpenja ruħha biex tara li tkun vuċi dwar il-konsegwenzi li qed jinħolqu mill-aggressjoni militari. Hu spjega kif din l-aggressjoni hi ksur sfaċċat tal-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji tal-ĠM, waqt li fakkar kif hu essenzjali li jkun hemm kontabilità għall-ksur ta’ dawn il-prinċipji, fosthom ġustizzja għall-vittmi tal-atroċitajiet imwettqa.

Malta se tibqa’ titlob għall-irtirar tal-forzi Russi u biex tinstab soluzzjoni paċifika skont liġijiet internazzjonali u prinċipji bażiċi tal-ĠM

Matul dan id-dibattitu, li ġie indirizzat mill-istati membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll numru ta’ stati membri oħrajn tal-ĠM, il-Ministru Borg għal darb’oħra tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u sostna kif bħala pajjiż, li jemmen fil-multilateraliżmu, hu d-dmir tagħna li nibqgħu niddefendu u nkomplu nippromwovu dawn il-prinċipji u l-valuri taċ-Charter tal-ĠM.

“Malta temmen li t-triq ’il quddiem fl-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna hi riżoluzzjoni għall-paċi bbażata fuq il-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji bażiċi tal-ĠM,” saħaq Borg f’sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali nhar il-Ħamis. Fid-diskors tiegħu għal din ir-riżoluzzjoni, li tressqet b’urġenza, Dr Borg tenna kif, bħala pajjiż, Malta hi mħassba ferm b’dak li qed jiġri fl-Ukrajna anke għallfatt li dan imur kontra l-prinċipji bażiċi tal-ĠM u qal li l-azzjonijiet tar-Russja għandhom jiġu kkundannati bla ebda riserva. Il-Ministru fakkar kif kull min jagħmel atti kontra d-drittijiet tal-bniedem għandu jinżamm kontabbli. Malta, flimkien mal-komunità internazzjonali, se tibqa’ titlob biex il-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi tagħha mit-territorju Ukren u tinstab soluzzjoni paċifika bbażata fuq il-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji tal-ĠM.

This article is from: