3 minute read
IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ TAL-ISTUDENTI U L-EDUKATURI FL-IMTARFA L-EWWEL
L-ebda lezzjoni ma ntilfet bid-deċiżjoni neċessarja biex jinħarġu minn struttura perikoluża mibnija mal-130 sena ilu u temporanjament jiġu trasferiti fl-Imsida Hub … minn Settembru t-tagħlim jissokta fir-Rabat tliet kilometri ’l bogħod
Is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi kienu l-fatturi li wasslu biex 92 student u l-edukaturi tagħhom, flimkien mal-amministrazzjoni tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa jiċċaqilqu għal binja edukattiva magħrufa bħala Msida Hub. L-aħħar jum tat-tfal fl-iskola tal-Imtarfa kien fil-15 ta’ Frar u mit-22 ta’ Frar bdew it-tagħlim fil-binja temporanja. F’dan il-perjodu t-tfal ma tilfux lezzjonijiet, għax iċ-ċaqliq kien ipprogrammat li jaħbat mal-vaganzi tal-Karnival.
Advertisement
Fid-9 ta’ Frar saru diversi sessjonijiet ta’ laqgħat mal-ġenituri u l-kustodji tal-istudenti affettwati fejn ingħataw id-dettalji kollha u wkoll ir-raġuni għal xiex kien qed isir dan l-eżerċizzju, avolja l-ġenituri kienu ilhom jafu żmien li l-binja li takkomoda lil uliedhom kellha problemi strutturali serji.
Il-binja, li kienet qed tintuża bħala Skola Primarja fl-Imtarfa bi klassijiet mill-Kindergarten sas-Sitt Sena, hi waħda li nbniet fl-1893 għal skopijiet militari u sservi bħala l-Officers’ Mess għall-forzi Brittaniċi f’pajjiżna. Il-binja hi wkoll skedata fi Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fis-snin riċenti, riżultat ta’ ċaqliq naturali tal-art li hi mibnija fuqha, fil-binja żviluppaw konsenturi sostanzjali, ċaqliq tal-art u ħsarat notevoli oħrajn. Fil-fatt il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) ilha żmien iżżomm taħt osservazzjoni l-post u tagħmel rapporti kostanti minħabba din il-ħsara li kienet qed issir. Skont rapport, li rat il-KullĦadd u li jmur lura għall-2019, minn perit imqabbad apposta jindika l-aktar għal x’wassal għal din il-ħsara fil-binja. Fir-rapport hemm elenkata l-ħidma li saret u li tmur lura saħansitra sal-2017 u wkoll l-interventi li saru matul iż-żmien biex tkun stabbilizzata l-binja.
Jingħad b’mod ċar li b’dawn l-interventi l-periklu ma kienx imminenti sa dak iż-żmien jew jipprevjeni milli t-tfal ikomplu jieħdu t-tagħlim tagħhom filpost, għalkemm kien tneħħa l-aċċess għal ċerti kmamar li kellhom ħsarat sostanzjali.
Minn hawn jirriżulta li l-ħsarat komplew jiżviluppaw anke wara, minħabba iżjed ċaqliq naturali tal-art taħt il-binja, kif jidher fir-ritratti li qed jiġu ppubblikati hawn, tal-parti tal-binja li kellha tingħalaq u ma tkomplix tintuża mill-istudenti u mill-edukaturi.
Fl-2018 kienet tqabbdet ukoll kumpanija esperta biex tagħmel rapport fuq l-art inkwistjoni. Din kienet ħaffret erba’ boreholes f’parti fejn żviluppaw xquq notevoli fit-tarmak tal-kumpless biex ikun eżaminat b’mod espert x’qed iwassal għal dan iċ-ċaqliq tal-art.
Ir-rapport tal-kumpanija jgħid ċar li “x-xquq osservati huma riżultat ta’ interazzjoni kumplessa ta’ materjali naturali u proċessi ġeomorfoloġiċi li tipikament jeżistu fil-konfini tal-pla- teau tal-ġebla tal-franka fuq medda taflija, dak li jissejjaħ bħala Blue Clay. Dawn il-proċessi naturali huma għaddejjin kontinwament u diffiċli ħafna biex jitwaqqfu, minħabba li l-forzi naturali involuti huma tipikament kbar ħafna. Ir-rata li biha qed iseħħu dawn il-proċessi naturali hi kritika meta jiġi kkunsidrat intervent ta’ kwalunkwe tip. Dan minħabba li intervent jista’ jkun adegwat fuq żmien qasir, imma ma jipprovdix soluzzjoni definita li ssolvi l-problema darba għal dejjem”.
Fil-fatt, minn dan ir-rapport ’il quddiem l-art baqgħet tiċċaqlaq u l-ħsara strutturali baqgħet tiżdied.
Iffaċċjat bi problema li dejjem kienet qed tikber u li kienet qed timpatta s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, kellha tittieħed deċiżjoni imminenti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal lil din il-gaz- zetta li f’dan kollu din kienet il-prijorità, li titħares is-sigurtà tat-tfal u l-edukaturi. “Ma ridniex li għada pitgħada jkollna xi inċident u dan ikun riżultat li ma ħadniex azzjoni min-naħa tagħna,” saħaq il-Ministru.
Id-deċiżjoni li l-istudenti u l-edukaturi jiċċaqilqu għall-Imsida Hub ma tteħditx mingħajr ma sar dak kollu possibbli biex jinstab post alternattiv fil-lokalità tal-Imtarfa stess, jew fi skola jew istituzzjoni oħra aktar fil-viċin. Ġew esplorati diversi binjiet, imma l-ebda waħda ma kellha r-rekwiżiti meħtieġa biex taqdi l-funzjoni ta’ post edukattiv.
Il-Ministeru żamm f’moħħu li l-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal riedet tibqa’ tingħata f’ambjent ta’ klassi biex ma jkunx hemm xkiel li jtellef milli dawn ikomplu fil-mixja edukattiva tagħhom. Kien għalhekk li l-aħjar għażla f’dawn iċ-ċirkostanzi kienet il-binja fl-Imsida Hub. Binja li sa ftit ġimgħat ilu kienet ukoll qed tintuża proprju għal skop edukattiv u għalhekk kienet diġà mgħammra b’dak kollu meħtieġ. Kulma kien hemm bżonn kien xogħol kożmetiku, tindif u xi aġġustamenti żgħar.
Din iċ-ċaqliqa temporanja wkoll kellha ssir b’mod immedjat sakemm jitlesta x-xogħol fl-Iskola tar-Rabat, biex dawn l-istudenti mbagħad jibdew is-sena skolastika li jmiss f’binja li fil-fatt hi Skola Primarja fir-Rabat. Irid jingħad għalhekk li l-binja tar-Rabat li se takkomoda lil dawn l-istudenti, mhix xi binja mitluqa u mhux adegwata.
Meta jibdew is-sena skolastika li jmiss minn Settembru li ġej dawn l-istudenti b’hekk se jkunu biss mat-tliet kilometri ’l bogħod mill-post tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa, fejn kienu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom qabel ma nħasset il-ħtieġa urġenti li jsir dan iċċaqliq.
Kemm l-Iskola Primarja tal-Imtarfa kif ukoll l-Iskola Primarja tar-Rabat jifformaw parti mill-Kulleġġ San Nikola.
JINĦARĠU L-BILJETTI TA’ MUŻIKA MUŻIKA
B’xahar ’il bogħod mit-tielet edizzjoni tal-festival prestiġjuż tal-mużika Maltija, Mużika Mużika, tħabbar li l-biljetti għat-tliet serati jinsabu għall-bejgħ minn fuq is-sit uffiċjali (muzikamuzika.mt).
Dan l-avveniment tal-ogħla livell, li stabbilixxa ruħu sew fil-kalendarju annwali, kien ħa post il-Festival talKanzunetta Maltija u ttella’ b’suċċess fis-sentejn li għaddew, minkejja l-pandemija, u rnexxielu jattira aktar minn 320,000 telespettatur televiżiv.
L-ewwel edizzjoni tal-festival intrebħet minn Glen Vella bil-kanzunetta “Ħarsa Biss”, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u b’kompożizzjoni ta’ Philip Vella, filwaqt li t-tieni edizzjoni ntrebħet minn Kurt Calleja (ritratt) bil-kanzunetta “Bla Tarf”, b’kompożizzjoni tiegħu stess, flimkien ma’ Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg.
Din is-sena Mużika Mużika se jittella’ bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu fil-Malta Fairs & Convention Centre (MFCC), f’Ta’ Qali u jixxandar b’mod dirett fuq Television Malta.
Fl-ewwel jum, 20 kanzunetta jikkompetu għal post fil-finali, waqt li l-Ġimgħa jitħabbru t-12-il parteċipant li jgħaddu għall-finali tal-festival tal-għada s-Sibt. L-ewwel tliet klassifikati jieħdu €20,000, €10,000 u €5,000 rispettivament, waqt li kull kanzunetta fil-finali tingħata €500 bħala għajnuna għall-arranġamenti orkestrali meħtieġa.