Aħbar Tajba

Page 1

Id-Dsatax-il Ħadd tas-Sena | Il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2015

1 Slat 19, 4-8 Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9 Efes 4, 30 - 5,2 Ġw 6, 41-51

“Jiena hu l-ħobż il-ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” Ma nafx qattx kontu bil-ġuħ u ma sibtu xejn tajjeb għall-ikel fil-viċin. Jew forsi kellkom issumu għal ħin ftit twil mhux ħażin. Il-ġimgħa l-oħra għaddejt minn esperjenza simili. Kelli mmur l-isptar għal test u la stajt nixrob u lanqas niekol għal xi sigħat! Bdejt inħoss għeja kbira. Telqa minn rasi sa saqajja. Moħħi l-ħin kollu jhewden fuq l-ikel. Saħħa naħdem ma kellix. Biex ma nsemmix is-sħana kbira li kompliet tħallini bla saħħa! Imbagħad għajnejja marru fuq poster li kien hemm mannoticeboard fuq ġabra li kienet qed issir għall-missjoni u moħħi dar fuq tant nies foqra li din l-esperjenza ma jgħaddux minnha biss għal ftit sigħat imma hija r-realtà tagħhom ta’ kuljum. Hawn tibda tifhem ftit kemm hawn min qed ibati u kemm aħna ma għandniex għax ingergru!

Iżda aħna x’nistgħu nagħmlu quddiem dan il-faqar? Żgur li nistgħu nibdew ngħinu billi nkunu aktar meqjusa fl-ammonti ta’ ikel li nieklu. B’hekk barra li tkun qed tieħu ħsieb ta’ saħħtek tkun qed tnaqqas mill-konsum kbir li jsir f’pajjiżi bħal tagħna li huma l-kawża prinċipali tal-faqar ta’ ħafna minn dawn in-nies. Żgur li nistgħu wkoll nagħtu sehemna f’ħafna inizjattivi li jsiru f’Malta biex jinġabru flus u ikel għal dawn in-nies inqas ixxurtjati minnha. Għalkemm mhux se nsolvu l-problema tal-faqar waħedna, il-ftit tagħna jista’ jagħmel differenza kbira. Iżda Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, ifakkarna f’ikel ieħor li kull wieħed u waħda minna għandu bżonn, mhux ikel li jsaħħaħ ilġisem imma wieħed li jsaħħaħ ir-ruħ. Bħalma l-ġisem jieħu

l-enerġija mill-ikel biex inkunu nistgħu naħdmu u nilagħbu, hekk ukoll ruħna għandha bżonn l-ikel tagħha biex tissaħħaħ, u l-menù li ħallilna Ġesù jieħu erba’ forom differenti. L-ewwel forma hi dik tal-Kelma tiegħu stess li ħallielna fil-paġni tal-Bibbja bħala gwida. Forma oħra hija l-mumenti ta’ talb fis-skiet li aħna nagħmlu. Dawn il-mumenti jgħinuna nikbru u nsiru nixbħu aktar lil Ġesù. Ma’ dawn nistgħu nżidu t-tielet forma li hi dik tal-karità. Kull meta ngħin lil xi ħadd jew ngħid kelma ta’ ġid inkun wkoll qed nissaħħah spiritwalment. Fl-aħħar nett hemm l-ikbar forma minn dawn l-erbgħa – l-Ewkaristija, li fiha mhux biss nisma’ jew nersaq lejn Ġesù iżda saħansitra nġorru ġewwa fija.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.