It-Tmienja u Għoxrin Ħadd tas-Sena | Il-Ħadd 11 ta’ Ottubru 2015
Għerf 7, 7-11 Salm 89 (90), 12-13.14-15.16-17 Lhud 4, 12-13 Mk 10, 17-30
“Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Kien hemm żagħżugħ li xogħlu kien li jdur u jbigħ il-kotba linnies fit-triq. Darba kien għaddej minn tarf ta’ raħal u jara bidwi bilqiegħda fuq siġġu f’nofs għalqa daqsxejn mitluqa. Iż-żagħżugħ mar ħdejh biex ibegħlu ktieb. “Mgħallem, għandi ktieb tajjeb għalik li jurik kif taħrat u tiżra’ u taħsad l-għelieqi għaxar darbiet aħjar milli qed tagħmel issa.” Il-bidwi lanqas biss għolla rasu. Kien komdu, bilqiegħda għall-frisk fuq siġġu antik fil-bieb tar-razzett tiegħu. Fl-aħħar ħares lejn iżżagħżugħ u qallu: “Jien m’għandix bżonn il-ktieb tiegħek. Jekk irrid naf x’għandi nagħmel imma kuntent kif jien.” Il-bidwi tal-istorja kien jaf xi jrid jagħmel biex l-għelieqi jagħtuh aktar frott iżda ma riedx iqum minn fuq is-siġġu u jagħmel xi ħaġa. Fil-Vanġelu tal-lum
niltaqgħu ma’ xi ħadd li ġralu bħal dan il-bidwi. Fil-fond ta’ qalbu kien jixtieq ikun aħjar imma meta Ġesù qallu x’għandu jagħmel qarras wiċċu għax ma kienx lest jinbidel. U aħna? Xi tkun it-tweġiba tagħna jekk Ġesù jistaqsina ninbidlu? Lesti li nnaqqsu ftit minn dak li għandna biex ngħinu lil ta’ madwarna? Il-Papa Franġisku qatt ma jitlef okkażjoni biex ifakkarna li dan il-kliem, Ġesù qed jgħidu lilna wkoll. Dan l-aħħar, il-Papa qed iħeġġeġ lil kull parroċċa biex tara kif tagħmel biex tilqa’ mqar familja waħda mill-ħafna li qed jaħarbu pajjiżhom minħabba l-ġlied u l-inġustizzji kbar li hemm. Aħna wkoll parti millparroċċa u għalkemm forsi ma jistgħux joqogħdu fid-dar tagħna imma xorta nistgħu noffrulhom il-ħbiberija tagħna, li jilagħbu
magħna, li nitkellmu flimkien, li ngħinu fix-xogħol tal-iskola u l-homework. Fi ftit kliem, mhux biżżejjed li nkunu nafu x’għamel Ġesù u fejn mar u x’qal. Għalkemm it-tagħlim hu importanti ħafna, għax kollox minnu jibda, iżda jibqa’ xi ħaġa oħra li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Irridu nħallu dak li tgħallimna jibdilna. Hekk, bħal Ġesù, kull fejn naraw ’l xi ħadd fil-bżonn inxammru l-kmiem biex ngħinuh. Ma ninsewx kliem Ġesù stess li qalilna: “dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi ukoll!” Kemm tkun dinja aħjar jekk kull wieħed u waħda minnha nkunu lesti li nqumu mis-siġġu komdu tal-ħajja tagħna u nagħtu ħarsa madwarna biex naraw ’l min nistgħu ngħinu.