Aħbar Tajba

Page 1

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd tas-Sena | Il-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2015

Is 53, 10-11 Salm 32 (33), 4-5.18-19.20.22 Lhud 4, 14-16 Mk 10, 35-45

“Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” Illum xtaqt li naħsbu fuq sentenza waħda mill-qari kollu tal-lum. “Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” Naħseb din hi waħda mill-isbaħ sentenzi li nsibu fil-Bibbja għax fi ftit kliem tiġbor il-ħajja kollha ta’ Ġesù. Kull fejn kien ikun mhux talli ma kienx iġib ruħu li kien xi ħadd importanti, anzi kien jidher qisu l-qaddej ta’ kulħadd. Minn kull fejn kien jgħaddi kien jagħmel il-ġid. Issa immaġina li f’din is-sentenza flok ‘Bin il-Bniedem’ hemm ismek! X’taħseb? Nistħajjilkom tgħidu: “imma kif nista’ nkun ta’ servizz għall-oħrajn? Kif nista’ nagħmel il-ġid minn kull fejn ngħaddi?” Mistoqsijiet bħal dawn mhux faċli tweġibhom ħlief billi tagħmel l-almu tiegħek u toqgħod attent għal dawk ta’ madwarek. Meta nitgħallmu ninsew ftit

lilna nfusna u noqogħdu attenti għal dak li qed iħossu dawk ta’ madwarna, nibdew nindunaw li bi ftit sagrifiċċju nistgħu nagħmlu differenza. Kulħadd għandu l-mod tiegħu kif ikun ta’ servizz u ta’ għajnuna. L-agħar ħaġa hi jekk naqtgħu qalbna jew ngħidu li dan il-kliem mhux għalina u nispiċċaw ma nagħmlu xejn. Darba kien hemm tifel li l-ġenituri tiegħu bdew jinnutaw li dejjem kien qed jasal aktar tard wara l-iskola. Meta staqsewh għaliex, it-tifel ma ta l-ebda raġuni. Darba l-missier widdeb lit-tifel u avżah li jekk jerġa’ jasal tard wara l-ħin tal-ikel kien se jkollu jiekol biċċa ħobż għax mhux sew ommu toqgħod tinkwieta kif se żżommlu l-ikel sħun. Iżda l-għada t-tifel reġa’ wasal tard. Il-ġenituri żammew kelmthom u kif daħal isibhom jistennewh u għad li quddiemhom

kien hemm platt għaġin sħun u jfuħ, fil-post fejn is-soltu joqgħod kien hemm biss ‘sandwich’. Ħass qalbu nieżla. Il-ftehim kien jaf bih u fil-fond ta’ qalbu kien jaf li kellhom raġun. Kemxejn ma qabżulux id-dmugħ. Imma eżatt kif poġġa u kien se jaqbad il-ħobż, missieru għamel dak li qatt ma stenna. Qabad il-platt tat-tifel u ħadu għalih filwaqt li lilu tah il-platt ifuħ li kellu hu. Bi ftit sagrifiċċju l-missier irnexxielu jilħaq il-qalb ta’ ibnu. Fl-aħħar mill-aħħar dan hu li għamel Ġesù għalina meta sar bniedem u ħa fuqu l-iżbalji tagħna biex ma jkunux ta’ piż għalina. Ejja nżommu dan il-kliem ta’ Ġesù u nibdew bil-mod inkunu ta’ għajnuna għal ta’ madwarna. Nibdew mid-dar u nkomplu l-iskola u kull fejn inkunu. Ejjew inkunu t-tip ta’ ħbieb li nkunu dejjem hemm għal min hu fil-bżonn.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.