Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd tas-Sena | Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2015
Ġen 2, 18-24 Salm 127 (128), 1-2.3.4-5.6 Lhud 2, 9-11 Mk 10, 2-16
“Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.” Kultant aktar ma nikbru, aktar nikkumplikaw il-ħajja. Naħsbu li dawk ta’ madwarna għandhom xi ħaġa x’jaħbu. Jekk narawhom serji naħsbu li qed ixewxu kontrina filwaqt li jekk narawhom jitbissmu naħsbu li qed jiddieħku bina. Inqattgħu ħafna mill-ġranet tagħna nippjanaw u nimmaġinaw x’nistgħu nagħmlu fil-futur imma ninsew il-preżent. Qisu aktar ma nikbru, inqas inkunu kapaċi ngawdu s-sabiħ ta’ madwarna. Anzi, kultant nispiċċaw naraw periklu u ħażen fejn ma hemm xejn ħlief is-sabiħ tal-ħolqien. Kien għalhekk li meta xi dixxipli bdew ikeċċu grupp żgħir ta’ tfal, għax Ġesù kien qed jgħallem lil folla kbira ta’ adulti, Ġesù mhux talli inkorla magħhom u qalilhom biex iħalluhom jiġu ħdejh, anzi lil dawk ta’ quddiemu qalilhom li kull min irid ikun parti mis-Saltna
ta’ Alla jrid isir jixbah lil dawn it-tfal. Min jaf kif baqgħu dawk innies u kemm mistoqsijiet faqqsu f’moħħhom. X’ried jgħid biha li s-Saltna ta’ Alla hi tagħhom u ta’ min hu bħalhom? Għalkemm fis-soċjetà tagħna nippretendu li t-tfal huma dawk li jitgħallmu mill-kbar, Ġesù jurina li l-iżgħar fostna jistgħu jgħallmu wkoll. Imma dawn ma jgħallmux bi kliem diffiċli u bi ħsibijiet ikkumplikati. Iż-żgħar jgħallmu lil dawk ta’ madwarhom billi jkunu żgħar, u billi jaraw id-dinja ta’ madwarhom b’għajnejn li jaraw biss is-sbuħija. Meta nikbru hemm il-periklu li dan is-sens ta’ sbuħija nħalluh jaħarbilna u għalhekk Ġesù qed iħeġġiġna biex dan ma nħalluhx jiġrilna. Qed iħeġġeġ lit-tfal biex ikunu dak li huma, tfal li jieħdu
pjaċir b’affarijiet żgħar u jqattgħu l-jiem tagħhom bi tbissima kbira fuq wiċċhom. Hekk, mingħajr ma jafu, ikunu qed ifakkru lil dawk li huma ikbar, li fil-ħajja m’hemmx biss problemi u perikli, imma anke ferħ, sbuħija u ħafna tajjeb. Fis-Saltna li Ġesù ixandar, kulħadd għandu post importanti. B’differenza minn żmien Ġesù, li qisu l-qassisin u dawk li jaħdmu fit-tempju kienu jafu kollox, u l-oħrajn riedu jisimgħu, Ġesù jurina li anke l-iżgħar fostna għandhom missjoni speċjali. Għalhekk, kull fejn tkunu, ftakru li għandkom biċċa xogħol importanti ħafna li twasslu l-ferħ. Fil-familja, fil-klassi taliskola u fil-grupp tal-MUSEUM, jew jekk tattendi f’xi għaqda oħra jew nursery, tinsa qatt li inti ‘missjunarju’ żgħir tal-ferħ.