It-Tnejn u Għoxrin Ħadd tas-Sena | Il-Ħadd 30 ta’ Awwissu 2015
Dewt 4, 1-2. 6-8 Salm 14 (15), 2-3a.3ċd-4ab.5 Ġak 1, 17-18.21b-22.27 Mk 7, 1-8.14-15.21-23
“Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.” Qatt għażilt l-isbaħ tuffieħa minn qoffa mimlija tuffieħ aħmar ileqq u mal-ewwel gidma ssib li filqalba tagħha mħassra? Is-sbuħija tagħha minn barra ma tantx tiswa jekk minn ġewwa ma tkunx tajba! Fil-Vanġelu tal-lum niltaqgħu mal-Fariżej, grupp reliġjuż importanti ħafna fost il-Lhud. Kienu l-esperti ta’ żmien Ġesù fil-qari tal-Iskrittura u l-mod kif wieħed għandu jgħix il-Liġi ta’ Alla. Matul iż-żmien żiedu ħafna liġijiet oħra bil-ħsieb li jgħinu lill-poplu biex jgħix aħjar skont ir-rieda ta’ Alla. Għax filwaqt li l-liġijiet ta’ Alla kienu marbuta mal-qalb talbniedem, dawn kienu marbuta ma’ dak li jidher minn barra. Ma tantx kellu jgħaddi żmien sakemm dawn il-liġijiet bdew isiru aktar importanti minn dawk ta’
qabilhom, għax kulħadd ried jidher li hu sew quddiem Alla. Il-ħasil u l-indafa tal-persuni sar sinjal li xi ħadd qed jgħix ħajja tajba. Għalkemm għaddew tant snin, mhux talli ma tgħallimniex, anzi d-dehra saret aktar u aktar importanti. Għalkemm ngħidu ‘you cannot judge a book by its cover’, ħafna minnha hekk nagħmlu. Min jaf kemm-il darba ommna qaltilna biex innaddfu l-kamra tagħna u spiċċajna naddafna dawk il-partijiet li jidhru biss u tfajna l-imbarazz fejn ma jidhirx. L-importanti li l-kamra tidher nadifa. Biex ma nsemmux id-dehra personali! Hawn min minna qas joħroġ mid-dar jekk ma jkunx qisu attur ta’ Hollywood. Ftit tas-snin ilu kien hemm mara ftit imdaħħla fl-età li daħlet għal konkors tal-kant. Ma kinitx ta’
xi dehra partikolari u n-nies, kif rawha, bdew jiddieħku biha qisu riedu jgħidu li għax ma kinitx sabiħa fid-dehra mhi tajba għal xejn. Imma kif bdiet tkanta kulħadd baqa’ mistagħġeb bil-vuċi straordinarja tagħha u fl-aħħar ma kien hemm ħadd li ma qamx bilwieqfa jċapċap. Id-dehra tagħha ma kellha x’taqsam xejn malkapaċità li kien hemm ġewwa fiha. Fis-silta tal-lum, Ġesù għandu messaġġ ċar ħafna. Id-dehra ta’ barra ma tantx hi importanti għal Alla. Dak li tassew jaqtagħna minn Alla mhux l-idejn maħmuġa imma dak li hemm ġewwa qalbna. Meta f’qalbna nbejtu lil xi ħadd, meta naħsbu biss fina nfusna u kull darba li naslu li nkunu kattivi ma’ dawk ta’ madwarna. Għalkemm dawn qajla jagħmlu differenza fid-dehra tagħna iżda dawn huma l-affarijiet li jaqtgħuna minn Alla.