»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Diċembru 2018
Fejn se jitwieled? Ix-xahar ta’ Diċembru, jġib miegħu l-ferħ tal-Milied. Huma ħafna dawk, li jżejnu d-djar tagħhom għal din l-okkażjoni sabiħa u jaħsbu wkoll minn kmieni kif se jgħixu dawn il-ġranet mal-ħbieb u l-familjari tagħhom. Dan huwa tajjeb u sabiħ, imma jekk ma noqgħodux attenti faċli ħafna jiġrilna li f’dawn il-jiem, nidħlu f’rutina ta’ diversi attivitajiet, nagħmlu ħafna affarijiet li huma tajbin, imma jfixkluna milli ngħixu l-istorja tal-ewwel milied, meta twieled Ġesù Bambin għalina, biex isalvana. Għal dan l-iskop, il-knisja toffrilna, żmien talAvvent, biex jgħinna nirriflettu aktar mill-qrib min hu dan Ġesù; r-rigal li Alla l-Missier, ried jagħtina f’ Ibnu ċkejken tarbija u kif se jsir aktar parti millħajja tiegħi. Ma ninsewx li Ġesù għalhekk ġie fid-dinja, mhux biex jibqà fil-maxtura tal-presepju, imma biex jkun qrib tiegħek u jakkumpanjak fil-mixja tal-ħajja. Din hija t-tifsira vera tal-festa talmilied. Għalhekk din is-sena lil Ġesù Bambin, ħallih jitwieled: » Fil-ħajja tiegħek, biex inti tagħraf tassew l-imħabba kbira li Alla għandu għalik, minkejja d-dnub tiegħek. » Fil-moħħ tiegħek, biex ma tibqax, taħseb ta’ bniedem biss, imma tħalli lil Alla jdawwalek
fil-ħsiebijiet u fid-deċiżjoniet tiegħek. » Fil-qalb tiegħek, biex bħalu tilqa’, tħobb dejjem u taqdi lil kulħadd, b’ mod speċjali minn qed jbati u jitlob l-għajnuna tiegħek. » Fil-familja tiegħek, biex ikun hu li jżommkom magħqudin flimkien u tgħixu bħal aħwa bi sliem u l-paċi. Dan huwa l-Milied, li bħala nsara rridu naslu biex niċċellebraw flimkien, biex b’hekk, dan il-mument, jkun immarkat bil-grazzja ta’ Alla, u allura joħloq fina il-bidla li hemm bżonn, biex b’hekk Ġesù jitwieled fija u jsir aktar parti minni u mill-istorja tal-ħajja tiegħi. Dan ikun milied sabiħ u ta’ veru, għalina lkoll. Fl-aħħarnett, nħeġġeġ lil kulħadd, biex f’dan iżżmien qaddis tal-Avvent nersqu għall-Qrar u biex fil-lejl qaddis tal-Milied ninġabru lkoll fil-Knisja, biex flimkien niċċellebraw dan ir-rigal sabiħ li Alla l-imbierek, fl-imħabba kbira tiegħu, għoġbu jagħtina bħala s-Salvatur tagħna. Filwaqt li nselli ħafna għalikom, nawgura lilkom u l-familji tagħkom Milied sabiħ, mimmli ferħ, paċi u mħabba. Tkunu mberkin Dun Ewkarist Zammit KAPPILLAN