»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Ottubru 2018
Induru lejn Marija biex turina t-triq
Matul ix-xahar ta’ Ottubru, l-ħarsa tagħna tmur lejn il-Madonna. Bħalha wliedha, Marija tfittex li tħarisna u tipproteġina, għalhekk tistedinna biex nitolbu it-talba tar-Rużarju, biex flimkien magħha nikkontemplaw lil binha Ġesù, bħala s-Salvatur tagħna. Dan huwa l-ferħ ta’ Marija, li tagħtina lil Ġesù u li tarana viċin tiegħu. Hija isservi ta’ mudell għalina biex bħalha ngħidu iva għal dak li Alla jitlob minna. Għalhekk Marija hija l-bastun, li fuqha inserrħu l-ħajja tagħna u meta nħossuna mtaqqlin minħabba l-isfidi u diffikultajiet tal-ħajja, hi tħarisna u tipproteġina. Fil-fatt San Bernard, fittalba li għamel lill-Madonna jitlob hekk: “Minn qatt intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek, talbek l-għajnuna jew fittex li tidħol għalih u int ma smajtux.”
F’dan ix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju, tajjeb li bħala familja nsibu dak li ftit ħin u nitolbu flimkien din it-talba. Marija, hija l-mara li titlob. Kieku ma kienx hekk ma waslitx biex tagħmel dak li għamlet. Lkoll nafu li Marija kellha tħabbat wiċċha ma’ sfidi mhux żgħar, biex tagħmel ir-rieda ta’ Alla, għalhekk aħna, meta nduru lejha, hi tifhimna. Għaliha t-tbatija tagħna mhijiex xi ħaġa barranija għax hi wkoll kellha terfgħa s-salib biex tibqà fidila lejn Alla u tibqa’ tagħmel it-tajjeb. Ejjew għalhekk
bħalha nfittxu l-għaqda tagħna ma’ Alla, billi nkunu bnedmin ta’ talb. Waħidna ma nistgħu nagħmlu xejn, għalhekk għandna bżonn insostnu lilna nfusna, billi nintelqu f’idejn Alla u nħallu l-grazzja tiegħu tkun dik li tmexxina. Marija, żgur li tistà tgħinna nagħmlu dan. Marija, fl-aħħarnett tgħallimna, nkunu ħbieb talKelma ta’ Alla. Mingħajr din il-Kelma, l-ħajja tagħna titlef it-triq, nitfixxlu u minflok ma nintrebħu mit-tajjeb nsiru skjavi tal-ħażin. Nixtieq għalhekk nħeġġeġ lill-ġenituri kollha u dawk responsabli mit-tfal, biex jgħinuhom jkunu ħbieb tal-Evanġelju u jibagħtuhom għal katekimu. Dan mhuwiex ħela ta’ ħin, jew xi ħaġa żejda, imma mezz kif it-tfal tagħna jkunu aktar ħbieb ta’ Ġesù u japprezzaw aktar dak li hu tajjeb għalihom, biex f’ ħajjithom ma jitfixklux, imma jkunu kuntenti għax jagħrfu tassew dak li huwa ta’ ġid għalihom, fil-ħajja tagħhom. Ejjew, inħallu lil Marija tmexxina. Ejjew inħallu lil Marija, bħalha Omm, tieħu ħsiebna. Fuq kollox ejjew inħallu lil Marija turina t-triq tal-qdusija, billi nitolbu flimkien it-talba tar-Rużarju, it-talba talfamilja. Tkunu mberkin Dun Ewkarist Zammit KAPPILLAN