»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Awwissu 2018
Stedina mingħand żewġ żgħażagħ
Aħna żewġ Salesjani li jekk il-Bambin irid, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu, sejrin niċċelebraw ilProfessjoni Perpetwa fil-Parroċċa ta’ San Bastjan, Ħal Qormi. Il-ħajja reliġjuża hija stat ta’ ħajja li wieħed jista’ jagħżel biex permezz tagħha jgħin lilu nnifsu u lill-oħrajn jersqu iktar lejn Alla f’relazzjoni aktar intima miegħu. Fil-ħajja konsagrata, wieħed jagħżel li jgħix it-tlett voti, tal-Ubbidjenza, tal-Faqar u tal-Kastità mhux biex jillimita lilu nnifsu iżda biex dawn jgħinuh jingħata lil Alla u lill-oħrajn.
Il-formazzjoni tagħna s-Salesjani hija magħmula minn stadji differenti. Wara l-aspirantat, immorru Turin għal dak li ngħidulu novizzjat. Din tkun sena partikolari fejn nistudjaw b’aktar dettall x’jiġifieri ħajja reliġjuża, min hu Don Bosco (il-fundatur tagħna s-Salesjani), kif ukoll nistudjaw il-karatteristiċi partikolari u r-regola tagħna s-Salesjani. Wara din issena insiru Salesjani. Biss, skont ir-regoli tal-Knisja, għall-bidu nirċievu l-voti b’mod temporanju, jiġifieri għall-ammont ta’ snin, sakemm fl-aħħar nirċievu l-voti għall-ħajjitna kollha. U dan hu l-pass li aħna se nagħmlu dan is-Sajf. Żgur li mhijiex l-aktar deċiżjoni faċli li żgħażugħ jista’ jagħmel f’din id-dinja partikolari li qiegħdin ngħixu, biss ninsabu sereni għax nafu li Don Bosco u Marija se jkunu magħna biex jipproteġuna u jiggwidawna fl-esperjenzi sbieħ li magħhom ħa niltaqgħu f’din il-mixja. Issa ilna iktar minn 6 snin li rċivejna l-ewwel voti; u dawn is-snin jagħtuna kuraġġ. Il-Missjoni tagħna
s-Salesjani hija iffukata b’mod partikolari fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, l-aktar dawn abbandunati. Is-Salesjani, bħalma għamel Don Bosco 200 sena ilu, għandhom ikunu għat-tfal u ż-żgħażagħ sinjal tal-imħabba li Alla stess għandu għalihom. Ngħixu magħhom u naħdmu għalihom biex inressquhom iktar lejn isSors tal-ħajja tagħna. Nitolbukom biss it-talb tagħkom. Hija Grazzja sabiħa dik li qed ngħixu, imma t-talb huwa essenzjali. Filwaqt li nirringrazzjawkom mill-quddiem, nistednukom ukoll għal din iċ-ċelebrazzjoni. Aħna min-naħa tagħna, inwegħdukom it-talb tagħna. Bro. Jake Mamo u Bro. Paul Spiteri SALESJANI TA’ DON BOSCO