EPISODJU 6/ L-EWWEL STAĠUN
IL-GIDDIEB GĦOMRU QASIR (L-ewwel parti) Skript miktub minn Audrey Brincat Dalli Produzzjoni SharpShoot Media ltd. Adattament għall-GWIDA minn Anthony M. Baldacchino
X’ġara s’issa? Oħt Lydia għarrfet lil Guido li Lydia kienet ser tiżżewġu għall-flus biss! Peress li Alvio seraq il-djarju ta’ Lydia skopra min hu Mario minn ritratt li kellha mehmuż. Alvio kien persważ li rah lil Mario jħuf il-Belt u ried ikellmu akkost ta’ kollox! Il-karozza ta’ Gian Marie kienet ipparkjata ħdejn il-baħar. Violet u Gian Marie kienu qegħdin fuq is-seat ta’ wara jinnamraw. Gian Marie kien b’żaqqu barra jħares lejn Violet li dak il-ħin kienet qed tilbes il-qmis li kellha u tirranġa xagħarha. Gian Marie: Basta ħa niltaqgħu, wara kwarta titlaq!
Violet: Kwarta biss għamilt? Ma tantx tħares lejh hux int l-arloġġ?
Gian Marie: U kif tridni nħares lejh meta nkun miegħek.
Gian Marie jerġa’ jiġbed lil Violet lejh filwaqt li jibda jbusha, imma hi tgħidlu li kienet mgħaġġla. Gian Marie: Iva kkalma naqra....dejjem qisek fuq il-labar.
Violet: Ittini tort! Ma tafx li jien mhux bħalek, għad għandek ħajtek quddiemek, frisk bħal ħassa, mingħajr irbit!
Gian Marie: Tort tiegħi jekk int marbuta? Tort tiegħi? Violet: Iva baxxi leħnek!
Gian Marie: Min tridu jismagħna hawn! U kieku stess, semgħu u raw agħar. Violet: Għala qed tagħmilhieli diffiċli hekk, għid?
Gian Marie: Jien nagħmilhielek diffiċli? Ngħaddi għalik, ħin kollu nistaħbew għall-kumdità tiegħek, daqqa ġejja mbagħad ma tistax. Int marbuta Violet, mhux jien. Il-problema mhux jien! Violet: Jekk sirt daqshekk problema taf x’għandek tagħmel. Violet bħal donna ħadet għaliha u titlob lil Gian Marie biex jeħodha d-dar bl-herra. Gian Marie biex ikompli jaqbad magħha jistaqsiha jekk għandux iwassalha d-dar għand ir-raġel, u hi xejn ma ħadet gost b’dan. Lir-raġel kienet qaltlu li kienet ix-xogħol. Dawn it-tnejn kienu ilhom jiltaqgħu bil-moħbi, imma meta jkun sar il-ħin tkun trid tmur id-dar, ħalli żewġha ma jissuspetta b’xejn. Jekk kien hemm xi ħadd li qed jissuspetta fl-għarusa tiegħu kien Guido li dakinhar kien qiegħed ma’ Twannie ġo kafetterija b’sigarett f’idejhom. Guido: Nirringrazzjak, onestament. Imma naħseb li qed inħalli l-imaġinazzjoni tiġri bija! Aħjar, aħjar nagħlquha hawnhekk din l-istorja. Twannie: Sorpriż naqra! X’ġaralek? X’kien biddilt fehemtek?
Guido: Xejn naħseb bdejt nara kollox ħażin, ninsab ċert li Lydia tinsab tajba, għandha bżonn ftit ħin għaliha. Min ma jkollux, le?
Twannie: Jien ma nistax ma niftaħlekx għajnejk Guido. Guido: X’jiġifieri?
Twannie: Jien sal-bieraħ kont għadni fuq xogħli, nistaqsi fuq Lydia....
Guido: Tinkwetax għall-flus. Għandi kollox hawn, taf li tajtek kelma ta’ raġel....
Twannie: Le mhux għall-flus qed ngħidlek ...Imma lbieraħ tkellimt ma’ xi nies u bilfors irrid inwassallek dak li qaluli. Guido: Lydia?.......
Il-Giddieb Għomru Qasir - 88
GWIDA April 2021 65