9 minute read

Intervista ma’ Keith Demicoli – Il-Ħajja tiegħu wara l-PBS

KEITH DEMICOLI

Il-ħajja wara li rriżenja mill-PBS

Advertisement

L-2021 ħa nibqgħu niftakruha bħala s-sena li tlifna lil Keith Demicoli bħala xandar fuq l-aħbarijiet. Minn dakinhar għaddew ix-xhur! Iżda x’ġara minn Keith Demicoli? Ħa nerġgħu narawh? Issa li sar ziju, kif qed iħossu? Iltqajna miegħu biex insiru nafu aħjar lil din il-persuna tant maħbuba mill-Maltin u l-Għawdxin.

Kif tiddeskrivi din is-sena?

Kienet sena ta’ ħafna tibdil, kważi l-iktar sena li kelli tibdil u li ġraw affarijiet kbar f’ħajti, fis-sens li tlaqt ix-xogħol li kont ilni nagħmel u tant kont inħobb, sirt ziju u biddilt xogħol kompletament differenti. Issa qed nipprova niskopri dinja fejn nibda noħloq l-affarijiet għal rasi, fejn għal dawn l-aħħar xahrejn din tajtha importanza iktar mill-aspett personali.

L-ewwel li ġara kien meta fl-24 ta’ Frar irriżenjajt mill-PBS, imbagħad xahar wara ppreżentajt Mużika Mużika li kienet xi ħaġa kbira, għax inzerta fil-perjodu li kellna kwazi lockdown f’Malta, allura Malta kollha kienet qed issegwi, imbagħad fit-30 t’April spiċċajt mill-PBS u qrajt l-aħħar aħbarijiet. Imbagħad kien sajf movimentat sakemm sibt saqajja fil-Kamra tal-Kummerċ u erġajt lura għatteleviżjoni sa ċertu punt għax kelli l-programm tal-Kamra tal-Kummerċ stess, programm ġdid, il-programm Dot EU u Aħbar Tajba. Ovvjament Aħbar Tajba kulma għandi kontribut żgħir ħafna ta’ għaxar minuti. Kienet sena movimentata, riżultat ta’ sena ta’ qabel li matulha ħsibt ħafna fuq ilġejjieni tiegħi. Kienet sena ta’ transizzjoni.

L-aħħar ġurnata tal-PBS kif kienet?

Diffiċli tispjega, qisu bħal meta jkollok wild, rabbejtu, ħadt ħsiebu, mbagħad ħa jiżżewweġ u mhux ħa terġa’ tarah b’mod regolari; ħa jibqa’ miegħek imma mhux ħa terġa’ tarah ta’ spiss. Tkun ħabbejtu, tajt kollox għalih, imbagħad taf li xi darba se tiġi dik il-ġurnata fejn ħa jmur għal rasu t-tifel/ tifla għax ikun sab il-maħbuba tiegħu u jiżżewġu u jmorru jgħixu flimkien. Jien sa ċertu punt hekk ġrali; kont iżżewwiġt lill-udjenza għal erbatax-il sena, mbagħad sa ċertu punt għażilt li nieqaf minn dik ir-relazzjoni intima li ta’ kull filgħaxija tidħol fiddar tan-nies biex tikkomunikalhom l-aħbarijiet.

Kont konxju li se nħossha fl-aħħar ġurnata għax issir parti minnek. Kont preparat għaliha mentalment imma kont naf li fl-aħħar bullettin ħa jgħadduli ħafna ħsibijiet. Ma stajtx ma ngħid xejn għax qisu kien hemm aspettattiva li rrid ngħid xi ħaġa. Fil-bidu nett tal-aħbarijiet kont iktar emozzjonat mill-aħħar, telgħatli qisha għoqla fi griżmejja u ħassejt li dan il-kapitlu kien se jingħalaq; hekk kelli bitter sweet feeling. Kont naf li xi darba se tiġri. Ħafna nies qaluli: ‘qatt ma kont nistennieha għax inti kont qisek maħluq għaliha dik, kont narak li tibqa’ tagħmilha għal dejjem’. Jien personalment ħassejt li kien il-mument ittajjeb li jekk għandi nipprova xi ħaġa ġdida f’ħajti; issa ċ-ċans li ħa nagħlaq erbgħin sena. Din li ħa nagħlaq erbgħin sena xbajt insemmiha, imma nibqa’ nirrealizza kemm il-ħajja hija tassew qasira u jekk għandek bżonn tieħu deċiżjoni dwar il-futur tiegħek importanti li taqbad u tagħmilha għax iżżmien qed jgħaddi.

Stennejt dan ir-rispons kollu?

Le lanqas qatt. Meta tajt ir-riżenja tiegħi fl-24 ta’ Frar, ftit kienu jafu; it-tmexxija tal-PBS, il-kollegi tiegħi u waqfet hemm. Imbagħad l-għada, jien dħalt għax-xogħol normali, mort press conference l-Furjana u Peppi kiteb status għax sar jaf, u ftit

Ritratti: Darrin Zammit Lupi

wara bdew itellgħuha l-portals kollha f’tebqa t’għajn. Imbagħad il-mobile ma waqafx.

Siegħa wara kelli l-photoshoot ta’ Mużika Mużika u spiċċajt wasalt siegħa u nofs tard. Dan kollu għax ma stajtx inlaħħaq mat-telefonati, man-nies u l-media li riedu reazzjoni għaliex ħa nitlaq. Fl-istess ħin ridt nikteb ir-rapport tal-konferenza li kont għandi kemm attendejt. Ma tawnix ċans niktibha. F’dak il-ġenn, għidt lil Ruth Amaira biex taqra s-servizz tal-aħbarijiet li kelli nikteb minfloki u spiċċajt tlaqt mix-xogħol biex immur għall-photoshoot.

Illum il-ġurnata tara aħbarijiet?

Biex inkun onest miegħek, minn mindu spiċċajt, bdejt nipprova nsib, jekk ikolli ftit ħin, niddedika ftit għall-familja għax ħafna drabi kien qed ikolli xi attività filgħaxija għax żdiduli l-impenji bħal konferenzi jew xi awards night. F’dawn is-sitt xhur jekk rajt 2 bullettini tal-aħbarijiet f’daqqa, ħafna... ma rnexxilix nara iktar minn hekk. Imma jekk tgħidli “Immisjajthom l-aħbarijiet f’dawn is-sitt xhur?”, ngħidlek li l-aħbarijiet ma mmisjajthomx. Li mmisjajt kienet ir-relazzjoni man-nies, imma tal-anqas irnexxieli nżomm ftit kuntatt b’dawn il-programmi li għandi.

Jiġifieri jekk ngħidlek x’taħseb fuq ix-xandara preżenti, tgħidilna?

Ma rajtx biżżejjed aħbarijiet biex ikun nista’ nikkummenta, imma hemm ħafna tajbin. Issa d-dinamika tal-aħbarijiet inbidlet għax issa hemm xi għaxra differenti jaqraw l-aħbarijiet; kollha għandhom il-karatteristiċi partikolari mill-ftit li nafhom waqt li kont naħdem magħhom. Fis-sens mhux kif kont jien; għamilt disa’ snin kważi naqra l-aħbarijiet jien. Dik oħra, ħajti qisni ħadtha ftit lura għax qabel dejjem kont nasal id-dar fid-9.15 ta’ filgħaxija. Il-mara u t-tifla batew miegħi f’din; fis-sens nibda xogħol fil-11 normalment għaliex ġieli kont nibda fit-8 ta’ filgħodu, mbagħad li tibqa’ sad-disgħa ta’ filgħaxija kienet tgħejjini fiżikament u mentalment. Imma la x-xogħol tieħu gost tagħmlu, ma kontx ingerger. Issa b’din id-deċiżjoni ridt intihom iktar prijorità, allura dak il-ħin nipprova nqattgħu iktar mal-familja.

X’qalulek il-mara u t-tifla?

Sa ċertu punt il-mara ħadet gost li nkunu hawn filgħaxija u issa kemm ilna li ġejna r-Rabat sena ilu, iktar u iktar; tal-anqas ingawdu ftit id-dar flimkien filgħaxija. Ix-xogħol li kelli kien sabiħ però fih impenn, li fit-8pm trid tkun live; dan qatt ma rrekordjajnieh l-aħbarijiet. Trid tkun hemm u trid tkun fl-aqwa tiegħek, in-nies ħafna drabi ma kinux jindunaw li jiena kont inkun ilni xi għaxar sigħat qabel fin-news room. Kienu jaħsbu li nkun frisk bħal ħassa; għadni dieħel xil-ħamsa ta’ waranofsinhar.

Inti u ħuk m’għadkomx fil-media. Influwenzak?

It-tnejn li aħna għadna nħobbuha ħafna l-media u għadna nagħmlu xi xogħol relatat mal-media imma mhux bl-istess intensità kif konna nagħmluha sa ftit ilu. Ma kienx hu li influwenzani jew ħeġġiġni biex nitlaq. Bdiet minn telefonata fit-12 ta’ Jannar li l-Kamra tal-Kummerċ possibbilment kellhom xi vacancies u minn hemm bdiet l-istorja. Applikajt,

għaddejt mill-proċess tal-interview, imbagħad spiċċajt dħalt xahar u nofs wara. Ġiet ftit b’kumbinazzjoni, bis-saħħa ta’ persuna li kont naf; nista’ nsejħilha ħabiba tiegħi li qaltli b’din l-opportunità u jien iddeċidejt li nagħtiha ftit ħsieb u norqod ftit fuqha ,u llum ma jiddispjaċinix.

X’inhu x-xogħol tiegħek?

S’issa uffiċjalment qed niffoka fuq il-programm tat-television, L-Intrapriża li jixxandar kull nhar ta’ Ħamis waranofsinhar u għandha pubblikazzjoni kull xahrejn jisimha Commerial Courier fejn ikollha ’l fuq minn mitt paġna li tiffoka fuq in-negozji. Fuq dak qed niffoka l-aktar għax qed niffoka ftit iktar ħin għalija personali, bħal pereżempju, preżentazzjonijiet ta’ konferenzi, voice overs, scripting u nagħti pariri fuq komunikazzjoni. Mal-Kamra tal-Kummerċ għandi dawn iż-żewġ proġetti għaddejjin magħhom u l-kumplament qed ikolli ħafna ħin għalija biex nipproduċi u nippreżenta DOT EU. Vera programm ta’ sitt minuti fil-ġimgħa imma vera joħodli ħafna ħin għax huwa pjuttost dinamiku. Imbagħad għandi programm ieħor fuq l-affarijiet Ewropej fuq CampusFM nhar ta’ Erbgħa filgħodu; dak nofs siegħa. Imbagħad hemm Aħbar Tajba. Is-sabiħ hu li qed nagħmel ħafna affarijiet differenti, programmi fuq affarijiet Ewropej, programm fuq in-negozji u l-intrapriżi, programm soċjali; l-affarijiet li nieħu gost nagħmel. Imbagħad qed ikolli ftit reklami, jew kollaborazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpaniji privati. Qabel, meta kont ġurnalist u kont naqra l-aħbarijiet, ma stajtx nagħmel reklami ta’ kumpaniji għax min jaqra l-aħbarijiet, bil-liġi talAwtorità tax-Xandir ma jistax ikun involut f’reklamar. Illum bil-midja soċjali kif kibret, din hija niċċa ġdida.

Jiġifieri ħa ssirilna influencer?

U le ma ngħidx li ħa nsir influencer. Anka l-kelma influencer ma tantx togħġobni ħa nkun għidtlek kollox. Imma jekk bil-personalità tiegħi jew li żviluppajt matul is-snin, in-nies nista’ nispirahom biex ikunu aħjar biex jaħsbu fuqhom infushom biex ikunu aktar ferħanin, aktar sodisfatti b’ħajjithom stess u li sa ċertu punt ikun hemm xi kumpanija li jaħsbu li jien nista’ ngħin fil-kampanja tagħhom, ma ngħidx le. Ma ngħidx iva lil kulħadd għax jiddependi xi jkun il-prodott, imma trid tkun xi ħaġa li naqbel magħha jien. Ħafna drabi s’issa kelli ħafna fuq sostenibbiltà; kumpaniji li jippromwovu prattiċi sostenibbli. Dawk nidħol għalihom bil-qalb kollha għax huma xi ħaġa pożittiva li jien nippromwovi.

F’Jum il-Missier rajniek f’reklam mat-tifla tiegħek ukoll...

Dak affaxxinanti għax żewġ aħwa li jiena għandi ammirazzjoni kbira lejhom, li bdew negozju flimkien huma daqshekk determinati biex jagħmlu suċċess. Ftit stramba għax qatt ma kont nimmaġinani hekk imma xorta esperjenza. Jien qatt ma ngħid le għal esperjenza ġdida għax il-bidla li għamilt fil-karriera professjonali, bidla kbira, għamiltha għax nixtieq dejjem nagħmel avventuri ġodda f’ħajti, għax konxju li l-ħajja jekk ma tagħmilhiex ikkulurita kemm tista’, imbagħad tiġi monotona, tiġi dejjem l-istess.

Dejjem neqred li l-ħajja qasira, għalhekk nipprova naħtafhom l-opportunitajiet minn mindu kelli tnax-il sena u bdejt nikteb fil-gazzetta. Tgħallimt li opportunità anka jekk b’xejn, volontarja nagħmilha għax ma tistax tgħid fejn twasslek. Network... inti qisek tistabbilixxi xibka ta’ kuntatti li jaffettwawlek il-vjaġġ tal-ħajja. Hemm kelma importanti li hi reputazzjoni. Jekk tibni reputazzjoni li inti serju, professjonali, intelliġenti, metikoluż, l-affarijiet ħa tipprova tagħmilhom blaħjar mod, mhux ħa twaqqa’ lill-klijent jew il-persuna li tkun fdatek għaċ-ċajt... ir-reputazzjoni kollox. Trid tagħmel sagrifiċċji billi taħdem b’xejn. Jien bħalissa qiegħed volontarjat bħala Kap tal-Komunikazzjoni u tal-Marketing ta’ Special Olympics Games li se jsiru Malta. Għandi portafoll li lanqas kont naf kemm hu impenjattiv, għażilna logo uffiċjali, qed nippruvaw nikkomunikaw kemm nistgħu li se jkun hawn dawn illogħob hawn Malta f’Mejju li ġej.

F’Novembru nxterdet l-aħbar li ħuk Fabian sar missier għall-ewwel darba. Kif qallek li ħa ssir ziju?

Fabian qalli l-għada li ppreżentajt il-finali ta’ Mużika Mużika. Ġew id-dar tagħna u tawna kaxxa li fiha kien hemm mug. Xħin ftaħtu, il-mug kellu miktub, ziju. Alexia indunat mal-ewwel imma jien le, moħħi dam ma rrealizza. Fil-mug kien hemm miktub, ‘L-aqwa ziju’ u ħsibthom qed jgħiduli hekk minħabba li addottaw kelb. Għandhom kelb li jħobbuh ħafna u għaddew passata

bija. Imbagħad xħin rajt li r-reazzjoni ta’ Alexia ma kinitx tas-soltu nfqajna ngħajtu.

Il-Milied xi jfisser għalik?

Il-Milied hu l-iktar perjodu li nistenna fis-sena, fis-sens li għadni ngħożż it-tradizzjonijiet li tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù, niftakar fiddrawwiet u tradizzjonijiet tat-tfulija, il-prietka tal-Milied u l-quddiesa ta’ nofsillejl. Imma l-Milied huwa okkażjoni biex anke ħbieb li forsi tkun traskurajthom xi ftit, hemmhekk l-aħjar skuża biex terġa’ tingħaqad u tiltaqa’ magħhom u tgħid kelma flimkien. Il-Milied narah okkażjoni li jgħaqqadni mhux biss mal-familja imma wkoll mal-ħbieb. Inzertajt li l-mara wkoll tħobb ħafna l-Milied u minn Novembru nibdew nippjanaw kif ħa nqattgħu l-Milied, jekk hux ġejjin jieklu d-dar tagħna, kif ħa nqattgħu lejlet il-Milied u biex naraw meta fil-ġimgħa ta’ qabel ħa niltaqgħu ma’ xi ħbieb. Dak ix-xahar skeda sħiħa ta’ kif se nqattgħu żmien il-Milied. Diffiċli biex ikun hawn festa isbaħ millMilied.

X’rigal trid għall-Milied?

Jien mhux dak it-tip. Ma temminnix, imma l-affarijiet materjali ma tantx jagħmlu bija. Jekk tgħidli għal rigal partikolari, ħa nkunu għalaqna sena fid-dar u l-ewwel kamra tad-dar, kif tidħol (l-intrata) għadna rridu narmawha ftit imma ma kinitx prijorità għax għidna nagħmlu kollox bil-mod għax ma tistax timla d-dar f’daqqa. Iktar xi ħaġa personali kieku nieħu gost biha, imma jien bix-xejn tikkuntentani.

Inti ħa tippreżentah Mużika Mużika tas-sena d-dieħla?

Ma nafx x’ħa jiġri. Ir-rispons kien pożittiv ħafna u l-festival intlaqa’ tajjeb ħafna. L-idea kienet li qisu jkun stil simili għall-festivals ta’ barra minn Malta fejn qisu l-anchor tas-serati jkun l-istess għal ftit snin. Ma nafx jekk hux ħa tibqa’ dik l-idea, x’aktarx hekk imma għad m’hemm xejn uffiċjali. Jien għalija Mużika Mużika għen biex psikoloġikament u emozzjonalment taffa ħafna mit-tbatija tannies li ġab miegħu ż-żmien tal-Covid, speċjalment bis-solitudni, anzjani, anke familji li kienu d-dar flimkien, anke dawk li s-soltu ma jisimgħux kanzunetti bil-Malti jew japprezzaw il-mużika Maltija. Dak iż-żmien kien ġimgħa qabel tħabbru iktar restrizzjonijiet u konna kważi f’lockdown. Illum ngħid li mnalla li sar għax tajna gost lil Malta kollha u tajna doża ta’ enerġija pożittiva.

Nawguraw lil Keith Demicoli u l-familja tiegħu l-isbaħ xewqat fil-Milied u s-sena l-ġdida.

This article is from: