2 minute read
Missio – Knisja ġdida f’Mabanda
from Gwida December 2021
KNISJA ĠDIDA F’MABANDA
Kif int tista’ tgħin?
Advertisement
Addattament Claudia Cini
Madwar 200 familja Kattolika jgħixu fil-villaġġ ċkejken ta’ Mabanda fid-Djoċesi KasanaLuweero fl-Uganda. Ħafna m’għandhomx aċċess għallebda forma ta’ trasport. Dan ifisser li biex jisimgħu quddiesa nhar ta’ Ħadd, ikollhom jimxu madwar 3 kilometri f’toroq mimlijin tajn. Ta’ darba fil-ġimgħa, dawn il-familji jkollhom jimxu din id-distanza twila u meta t-temp ikun ħażin, it-toroq isiru perikolużi ħafna. Dan minħabba li bl-ammont ta’ xita qawwija li tagħmel, it-toroq isiru inaċċessibbli.
In-nies ta’ Mabanda kienu jafu li kien hemm bżonn ta’ knisja fid-distrett tagħhom. Madwar sentejn ilu huma taw bidu għal din il-knisja. Huma jafu li bl-għajnuna li ser jirċievu mingħand diversi benefatturi, il-bini tal-knisja ser ikun possibbli. Dan il-proġett ser jiġi jiswa ħafna flus. Il-familji ta’ Mabanda bejniethom ġabru s-somma ta’ A$1200 (€849), li hi somma kbira ħafna meta tqis li f’sena jaqilgħu bejn A$200 (€141.50) u A$400 (€283). Dun Matthias Jjooga, il-qassis ta’ parroċċa fil-qrib, jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta’ bini ta’ knisja biex tilqa’ fiha lil din il-komunità u tiġborhom kollha flimkien. In-nies tal-lokal għamlu mill-aħjar li setgħu u taw dak kollu li għandhom biex dan ikun possibbli. Minkejja li huma bdiewa foqra, irnexxielhom jiġbru biżżejjed biex jinxtraw 40,000 briksa, 40 xkora siment u 10 trakkijiet ramel. Ħallsu wkoll għax-xogħol, għalkemm dawk li jinqalgħu ma ħasbuhiex darbtejn u meddew idejhom għaxxogħol huma wkoll.
Joan Nansubuga, anzjana ta’ 92 sena, li tgħix f’dan il-villaġġ, u li dari kienet bidwija, tifhem u tagħder lin-nies talkomunità u taf bil-bżonn urġenti ta’ knisja. Għalkemm Joan ma tistax tgħin fil-bini, hija xorta għamlet il-parti tagħha u tat b’donazzjoni l-biċċa art tagħha biex fuqha tinbena l-knisja. Minkejja li ma twelditx f’dan il-villaġġ, Joan rabtitu ħafna ma’ qalbha, sa minn meta marret tgħix hemm wara li miet żewġha. Hija tilfet il-mobbiltà f’saqajha t-tnejn wara li tatha puplesija, imma bl-għajnuna ta’ infermiera li tgħix magħha, hija jirnexxilha tmur tisma’ l-quddiesa u titqarben. Dun Matthias jemmen li l-bini tal-knisja mhux biss se jservi biex il-familji jinġabru flimkien għall-quddiesa, imma l-mexxejja tal-knisja ser ikollhom iċ-ċans li jitħalltu mannies u jsiru jafuhom aktar. B’hekk ikunu jistgħu jagħtuhom pariri ħafna aħjar. Mill-banda l-oħra, in-nies ta’ Mabanda jħossuhom ċerti li permezz tal-knisja, li fuqha jiddependu ħafna, huma ser ikollhom opportunità ta’ aktar servizzi, fosthom skola u klinika.
Għalkemm il-villaġġ ta’ Mabanda huwa wieħed żgħir, li jgħixu fih mhux aktar minn 700 ruħ, l-istennija tal-bini talknisja hija kbira ħafna. Bl-għajnuna u s-sapport ta’ diversi benefatturi, il-proġett qed joqrob lejn it-tmiem. L-istennija fit-tul ma ddumx ma tagħti l-frott u tagħmel kemm tagħmel xita, il-parruċċani ser ikunu jistgħu jinġabru u jiċċelebraw il-quddiesa tal-Ħadd bla diffikultajiet ta’ xejn.
Grazzi għad-donazzjonijiet ta’ flus li aħna nagħtu, ċkejkna kemm huma ċkejkna, nies f’sitwazzjonijiet simili madwar id-dinja kollha, jirċievu dak kollu neċessarju biex jgħixu ħajja diċenti. Bis-saħħa ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta (l-uffiċċju missjunarju) fil-Belt u l-Mosta, jibgħat fondi lil diversi komunitajiet fejn hemm il-missjunarji sabiex jgħinu mill-aħjar li jistgħu lill-foqra u abbandunati, fost oħrajn. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962.