9 minute read
Intervista ma’ Eileen Montesin – L-Imħabba għall-Milied u x’kien hemm ġdid dis-sena...
from Gwida December 2021
EILEEN MONTESIN
Din is-sena terġa’ ssir nanna!
Advertisement
Għal dawk li huma segwaċi ta’ Eileen Montesin, setgħu jibdew jaraw partijiet mill-ħajja tagħha fuq Instagram. Din il-personalità maħbuba minn ħafna ddeċidiet li tiftaħ profil tagħha u żżomm lis-segwaċi aġġornati fuq xi aspetti minn ħajjitha. Eileen titkellem fuq kollox, mit-temp sal-logħob tal-Manchester United. Biss jekk hemm suġġett li Eileen tħobb wisq hu bla dubju l-Milied. Fix-xahar ta’ Diċembru ma stajniex nevitaw milli nagħmlulha intervista u nistaqsuha wkoll fuq it-twelid tan- neputija l-ġdida!
Xi jfisser il-Milied għalik?
Aħna normalment nibdew inżejnu minn Ottubru u ngħidlek għalfejn. L-ewwel nett jiena nirraġuna li tieħu battikata, għax jien inħobb inneħħi kollox! Jiġifieri jekk għandi rokna pereżempju bl-ornamenti tal-Manchester United, inneħħi l-affarijiet kollha biex hemmhekk nimlieh bl-affarijiet tal-Milied, jekk għandi bookcase inneħħi l-kotba kollha u nimlieha blaffarijiet tal-Milied. Għandi ħafna affarijiet tal-Milied għax meta konna nsiefru qabel il-pandemija dejjem konna nġibu xi ħaġa tal-Milied mill-post li nkunu żorna, bħala tifkira.
Però jien il-Milied minn dejjem inħobbu għax ifakkarni fil-mużew, meta kont tifla. Niftakar konna nagħmlu xi essay u nwaħħlu s-santi u min ikollu l-isbaħ essay kien jirbaħ il-grotta. Allura dejjem niftakarni mmur id-dar b’xi grotta ġdida.
Però l-ikbar rabta tiegħi mal-Milied huwa minħabba Christine għaliex jiena dħalt l-isptar fil-ġurnata talMilied u kelli lil Christine fit-28 ta’ Diċembru, u għalija dawk il-ġranet tal-Milied huma kollha marbuta ma’ Christine. Jien u Mark semmejna lit-tifla Christine għax mingħalina li Christ hija parti minn Christmas imma mbagħad skoprenja li Christine hija għal San Kristofru.
X’tiftakar mill-Milied ta’ 30 sena ilu meta dakinhar twieldet Christine?
Qattajtu l-isptar u mhux xi ġurnata sabiħa għax jien dħalt l-emerġenza l-isptar, xahrejn qabel. Jiġifieri dak iż-żmien, dik il-ġurnata kienet tal-biżgħa. Imma nħares lura nirringrazzja lill-Bambin li għadda kollox b’wiċċ il-ġid u saret ġurnata sabiħa għax setgħet ma kinitx allaħares qatt. Il-ġurnata tal-Milied filgħaxija konna għadna kemm nidħlu noqogħdu fid-dar tagħna fejn noqogħdu issa, konna għadna m’aħniex lesti mid-dar, la kellna kamra tal-banju lesta għax kienet għadha torba, la twieqi lesti għax kienu għadhom bil-pastik, la kellna telephone u f’daqqa waħda emerġenza rrid immur l-isptar. Niftakar kien maltemp kbir għax tant hu hekk li kelli lil tal-familja d-dar u mat-tmienja bdew jaħsbulu minħabba l-maltemp. Jien kont ġos-sodda għax jien għamilt seba’ xhur ġos-sodda, ġew filgħaxija għandi biex jarawni, daru kollha mas-sodda u qagħdu kollha ħdejja.
Christine li kienet suppost ser titwieled fi Frar, spiċċat biex twieldet fl-iktar żmien li tant inħobbu!
Kif tqattgħu l-Milied?
L-ewwel nett fil-ġurnata tal-Milied dejjem inkunu malfamilja. Normalment aħna nkunu mistednin għand ilpreżentatriċi Josette Sciberras. Dawk jgħodduna bħala parti mill-familja. Snin twal ilna nqattgħuh magħhom il-Milied.
Però għal ħafna snin ukoll lejlet il-Milied u lejlet l-Ewwel tas-Sena kienu jfissru xogħol għalija, għax konna nagħmlu d-dinner dances tal-Milied u kien ikolli ħafna nies. Mill-aħħar t’Ottubru kont inkun full-up. Tant hu hekk li meta kelli lil Christine f’Diċembru li kif għedtlek suppost ġiet fi Frar jiena kelli dinner dances ta’ lejlet il-Milied u lejlet l-Ewwel tas-Sena, u meta dħalt l-isptar f’jum il-Milied kien għadu ġej id-dinner dance ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena u kien għad kelli l-affarijiet x’nipprepara. Ovvja mill-isptar ma stajtx immur magħhom jagħmlu l-imwejjed, is-siġġijiet, eċċ, u ħadu ħsiebhom Mark u tal-familja. Jien nieħu ħsieb it-table plan, kif se nqassam lin-nies, nagħmel il-biljetti tal-ikel għax jien inħobb ikolli kollox b’eżatt u organizzat, u lil Mark għedtlu biex iġibli kollox l-isptar, bħal biljetti, timbru, eċċ. Għadni niftakar lit-tabib jidħol fil-kamra u sabni nittimbra l-biljetti, jiġifieri l-isptar u bqajt naħdem.
Din is-sena mal-mejda se jkollkom membru ġdid.
Hekk hu, ħa jkollna lil baby Stella jekk il-Bambin irid, naturalment ferħ kbir. Lanqas għandna fomm biex nirringrazzjaw lill-Bambin għax issa flok 5 inkunu 6.
Kif qaltlek li se terġa’ ssir nanna?
Ma ngħidlekx li l-ewwel ma tkun qalet lili, għax ovvjament l-ewwel ma tkun qalet lir-raġel però żgur li wara r-raġel lili tkun qalet. Xi ħaġa li jiena xtaqt għax jien togħġobni familja kbira. Just qaltli “biż-żieda”. Peress li kienet xi ħaġa li jien xtaqt qisha riedet tgħidli biex taqtagħli xewqti mill-ewwel mingħajr ebda xenxilli.
U meta welldet kif ħassejtek?
L-ewwel nett miraklu, miraklu kbir, lanqas tista’ tiddeskrivi l-ferħ. Kont qed naraha fuq Zoom u thank God ma tantx damet biex ħelset. Ovvjament tara lil bintek tbati; kont qed nitlob il-ħin kollu, “Bambin ħu ħsiebha, agħtiha li għandha bżonn ħalli ma tbatix ħafna”.
Għandkom relazzjoni vera sabiħa flimkien.
Nirringrazzja lill-Bambin, kollox trid taħdem għalih. Ħdimt għaliha wkoll dik, sa minn mindu kienet żgħira. Jiena dejjem stmajtha tat-tifla tiegħi imma tal-ħabiba tiegħi wkoll.
Anka waqt li tippreżentaw il-programm tidhru vera familja magħquda u tidhru li tikkomunikaw tajjeb ħafna.
Għandna l-ups u downs tagħna u ma naqblux f’kollox u ġieli nilletikaw, imma ovvjament inħobbu lil xulxin, speċjalment meta tkun fuq ix-xogħol ta’ dak il-ħin imbagħad għaddiet, u nkomplu għaddejjin.
Xħin rajt l-ewwel darba lil Stella f’idejk...
Bla kliem, miraklu anka issa li dalwaqt tagħlaq tliet xhur; tibqa’ tgħid li għandi miraklu f’idejja jien. Però l-istess ngħid għal Nina li dalwaqt tagħlaq tmien snin.
Din is-sena bdejt fuq Instagram u beda jkollok ħafna reazzjonijiet. Kif iddeċidejt li teqleb diġitali?
L-ewwel nett mhux jien iddeċidejt imma kienet tħeġġiġni Christine. Kienet tgħidli “Ma, dan in-new source jekk inti trid tibqa’ tikkomunika man-nies, speċjalment maż-żgħażagħ”. Imma qisu kkonvinċietni u għedtilha biex tibda tgħallimni l-affarijiet biċċa biċċa. Sal-lum għadni nitgħallem affarijiet ġodda u kif nikteb ċertu affarijiet – insaqsiha, imma ngħidilha: għidli kif tagħmel din jew l-oħra, u ovvjament dejjem nitgħallem xi ħaġa ġdida u nħossni kburija bija nnifsi li rnexxieli nsib mezz kif inkompli nżomm kuntatt speċjalment mażżgħażagħ, għax mhux faċli. Imma tellajna 8,000 follower u fuqhom issa fuq Instagram! Issa nibqa' naħdem ħalli jiżdiedu.
Xi jkun ir-rispons tan-nies?
Speċjalment meta tkun xi ħaġa funny ir-rispons ikun ħelu, għax in-nies jikkummentaw u r-reazzjoni tagħhom iddaħħakni u fl-istess ħin ħafna nies jirrelataw ruħhom miegħek fis-sitwazzjoni u jgħidulek x’ġara lilhom jew kieku huma x’kienu jagħmlu jew jgħidulek kemm kelli bżonnha dik id-daħka llum. Allura nħossni li nkun għamilt xi ħaġa ta’ ġid u għalija dak sodisfazzjon kbir.
Instagram jew televixin?
Kieku staqsejtni bejn radio u tv kont ngħidlek radio, imma naħseb bejn Instagram jew tv għadni nagħżel tv, għax huwa mezz li nħossni komda fih, mezz li kbirt fih.
Meta kien spiċċa It’s Morris kont spiċċajtu bi cliff hanger. X’ġara minn Becky?
Dejjem inħobb inħalli bieb imbexxaq, anke meta konna għamilna KC kont ħallejt bieb imbexxaq fejn immorru għat-tieġ u nħalli x-xemgħa viċin il-purtiera. Fil-verità diversi films jispiċċaw hekk u jħallu t-tmiem għall-immaginazzjoni tiegħek. Però issa ngħidu sal-lum, għax “never say never”. Jiena bħala drama naħseb li “I call it a day”. Mhux għax ma nħobbhiex, mhux għax ma konniex nieħdu pjaċir, mhux għax ma kellniex rispons enormi (għadhom sal-lum anke tfal jaqbdu ma’ Mark u jgħidulu It’s Morris) imma fih wisq xogħol u għandek ħafna ħin barra mid-dar. Issa meta għandek il-familja qiegħda tikber u inti qiegħda barra tiffilmja u sar ħafna ħin (il-ħdax, nofsillejl) u kulħadd qiegħed id-dar u inti qiegħda barra bdiet iddejjaqni dik. Għalhekk ivvintajt il-program Family Affair għax il-programm almenu jiġborna kollha flimkien, jiġifieri nkunu qegħdin naħdmu u veru qed noħorġu barra mid-dar xorta, imma qegħdin kollha flimkien.
Il-pandemija affettwatek ħafna. X’kien ifisser għalik dak iż-żmien?
L-ewwel nett qgħadna attenti għax l-ewwel kellna lil Mark vulnerabbli minħabba l-età qabel ma ġiet it-tilqima, imbagħad kellna lil Christine pregnant u ġiet vulnerabbli hi wkoll, allura konna noqogħdu attenti biex nipproteġu lill-familja; bqajna ġewwa u qgħadna attenti. Jiena għalija kienet mibgħuta minn Alla għaliex kelli dejjem lil kulħadd miġbur hawn id-dar, filgħodu u filgħaxija. Però tirrealizza li wara dan iż-żmien kollu mentalment tkun qed taffettwak, ma tistax li mid-dar għaxxogħol u ma tmurx lanqas imqar tieħu kafè. Mentalment tibda taffettwak. Issa qed noħorġu bil-mod; xorta noqogħdu ħafna attenti, xorta ma mmorrux ma’ gruppi kbar ta’ ħbieb. Infatti noħorġu ma’ koppja waħda biss. Nimsħu l-pożati, l-arms tas-siġġu, eċċ. Jien anka qabel ma nidħol l-istudjo, joħroġli kulħadd ’il barra mbagħad nidħol jien, nimsaħ il-microphone, id-desk u s-siġġu. Jgħiduli li minn warajja żgur kulħadd sigur ikun.
Din is-sena t-tielet sena ta’ Family Affair. X’tgħidilna fuqu?
Hekk hu, għax l-ewwel bdejna bih kuljum, imbagħad waqafna ħesrem minħabba l-pandemija. Imma mnalla għax Nina kienet qed tegħja kuljum. Għall-bidu kienet tieħu pjaċir tiġi mbagħad maż-żmien wara l-iskola kienet tkun għajjiena, tiġi bid-dwejjaq u bil-pandemija ġiet ix-xoqqa f’moxta biex għedna li din ta’ kuljum ma kinitx idea tajba. Imbagħad meta erġajna bdejna, bdejnieh fil-weekend u morna tajjeb, u allura għal din it-tielet sena żammejt l-istess andament. Immorru s-Sibt live imma tal-Ħadd ikun irrekordjat. Hekk Nina għandha ġimgħa u tkun għatxana għalih. Din is-sena iktar mis-sena l-oħra, għax is-sena l-oħra peress li għamilt diversi logħbiet differenti, Nina issa tifhem iktar u hija involuta f’dan il-logħob. Tkun ħerqana minn Sibt għall-ieħor li mmorru.
Kif taraha lil Nina kkomparata ma’ Christine ta’ daqsa, taraha li tkompli?
Christine kienet dejjem iktar determinata, kienet tgħid eżatt xi trid f’ħajjitha. Christine kienet tgħid li hi trid issir għalliema u żżomm it-tv u r-radio bħala passatemp. Lanqas bħalha xogħol part-time; bħala passatemp u hekk għamlet, saret għalliema u żżomm dawn l-affarijiet, li ndeffisha speċjalment fihom jien, bħala passatemp. Nina tgħid li trid issir wedding planner, trid tiżżewweġ u jkollha familja kbira imma ma tibqax toqgħod magħna u tgħid li żżomm ittelevixin passatemp biex tagħmel il-festini għat-tfal. Hekk tgħid, ma nafx, naħseb għadha qed toħlom ħafna jiena.
Bħala kapaċità kif taraha lil Nina?
Nina kapaċi ħafna, speċjalment bħala reċtar naraha li kapaċi ħafna u anki bir-raw talent li taha l-Bambin, għax ma tmur titgħallem imkien. Bħala kant jidher ukoll li għandha prospetti sbieħ; kieku kellha tikkultivah dak it-talent. Inħoss li hemm potenzjal kbir imma bħala attriċi, Nina vera kapaċi.
Imma jalla tkun trid tkompli għax mhux ħa ġġegħilha bilfors. Jiena ma nemminx li dawn l-affarijiet ta’ bilfors. Dawn ikunu affarijiet ta’ gost jiġifieri jekk mhux qed tieħu gost tagħmlu l-oġġett, aħjar ma tagħmlu xejn.
Qabelxejn, tiftakar xi Milied patrikolari?
Forsi l-aktar Milied li s’issa għadu għal qalbi hu dak tal2019. Kien l-aħħar wieħed qabel faqqgħet il-pandemija. Kien l-isbaħ għax qattajnieh bħala familja nduru l-Christmas markets tal-Ġermanja, l-Olanda u ta’ Praga. Ġmiel liema bħalu li jien stħajjiltni qiegħda ġo kartolina talMilied. Dakinhar ħassejtni fil-ġenna tal-art. Il-familja kollha fl-aqwa Christmas markets.
Rigali għall-Milied għandek xi ħaġa preparata?
Xejn. Nitlob lill-Bambin li jagħti s-saħħa lill-familja kollha; dik biss. Il-bqija jiena anki jekk ittini kaxxa sulfarini nifraħ ħafna biha u jiena nifraħ minn dak it-tip li tarah il-ferħ f’għajnejja, u jekk ittini karozza nifraħ biha daqs kaxxa sulfarini, m’hemmx differenza għalija, minn dejjem hekk kont. Jiena b’kelma tgħollini s-sema u b’kelma ssabbatni hemm isfel.
Normalment Christine tismagħni nsemmi xi ħaġa u tkun pronta tixtriha minn qabel u ġieli lanqas tistenna sal-Milied u taqbad u ttihieli. Naħseb l-ikbar rigal li seta’ jkolli f’ħajti kienet appuntu Christine li twieldet fi żmien il-Milied. X’rigal trid iktar minn hekk!
Nawguraw lill-familja Montesin Haber l-isbaħ xewqat f’dawn iż-żminijiet ta’ festi! Nawguraw minn qalbna lil Christine u r-raġel Francesco għat-twelid tat-tifla tagħhom Stella.