12 minute read
Intervista ma’ Danita Camilleri – Il-Milied, il-ħajja tagħha u ċ-ċkejken Lenny
from Gwida December 2021
Ritratti: Clint Gerald Photography
DANITA U LENNY
Advertisement
L-omm u l-iben li jferrħu ħafna nies!
Fil-bidu tas-sena 2020, konna laqqajniekom għall-ewwel darba ma’ Danita Camilleri. Danita taħdem fil-midja soċjali u kuljum ittella’ ritratti u filmati ta’ xi jkun ġralha fil-ħajja tagħha. Dak iż-żmien Lenny kien għad kellu biss ftit ġimgħat. Għal din l-edizzjoni Iltaqjna ma’ Danita fixshowroom ta’ Art At Home, Ħ’Attard, biex nieħdu sett ta’ ritratti. Din id-darba, għall-kuntrarju tas-sena l-oħra, Lenny ma riedx joqgħod! Beda jiġri max-showroom kollha u fl-aħħar kellna nwegħduh id-doughnuts biex joqogħdilna għar-ritratti. Infatti fir-ritratt tal-qoxra qed taraw dik it-tbissima ħelwa tiegħu għax taħt il-kamera kien hemm ritratt tad-doughnuts jidhru! Għal min iħobb isegwi lil Danita jaf li Lenny hu wikkiel, obbidjenti u bravu ħafna. Ftit tal-ġimgħat ilu, Lenny beda wkoll jattendi child care. Din hija l-intervista ma’ Danita.
Ħafna nies jibagħtulek fuq Lenny u fuq l-iżvilupp tiegħu. Kif taraha din?
Jien nagħmilha biex ngħinu lil xulxin. Jien nirċievi ħafna messaġġi mingħand in-nies jgħiduli x’għandi nagħmel u x’ inhu l-aħjar. Jibagħtuli ħafna għalliema li jaħdmu f’child care centres tad-daqs ta’ Lenny, u infermiera. Ovvjament jien nieħu l-pariri tagħhom u mbagħad nerġa’ naqsamhom mal-followers tiegħi biex dejjem nitgħallmu minn xulxin.
Lenny imma beda jitgħallem ħafna malajr u n-nies bdew jikkummentawlek fuqha din ukoll!
Iva dik iddejjaqni. Mhux f’sens ħażin, imma lit-tfal ma tistax tikkumparahom. Mhux kollha l-istess; forsi Lenny ma jafx jagħmel xi ħaġa li jafu jagħmlu huma u li jagħmel Lenny, ma jagħmlux ħaddieħor.
Tgħidilna ftit fuq il-karattru tiegħu?
Gas down! Ovvjament għadu żgħir imma s’issa jidher vera obbidjenti. Lenny jekk jara karta mal-art imur jarmiha fiż-żibel, jekk imur it-toilet jiflaxxja. Iħobb jidħaq ħafna u mhux xi wieħed joqgħod jeqred. Nisperaw li jibqa' hekk! L-unika ħaġa li għandu hi li jħobb joqgħod wisq miegħi, dik tinkwetani! Nibda ngħid li jekk ikollu xi waħda u titilqu, aqta’ kemm jibki. Għaliex anki l-iskola hemm għalliema waħda u l-ħin kollu mwaħħal magħha, u ma jrid lil ħadd iktar.
Din is-sena l-ewwel darba li beda child care. Kif kienet l-ewwel ġurnata?
L-ewwel ġurnata daħal qisu raġel, għidt bomba jien! Tgħidx kemm mort ferħana d-dar, beka ftit imma mhux tal-għaġeb u għidt vera mar tajjeb. Imma mbagħad dejjem niggravaw; aħna kollox bil-kontra! It-tieni ġurnata tkun agħar mill-ewwel, għax l-ewwel ġurnata ma kienx jaf x’ħa jiġri. Issa qed nissetiljaw ħafna imma kif iqum filgħodu u jkun jaf li t-Tnejn għax ikun sejjer l-iskola jkun irid li ngħidlu l-istorja. Ivvintajtlu storja ta’ din it-tifla li tmur l-iskola. Kif jiftaħ għajnejh ikun irid jismagħha din l-istorja u jgħidli “storja Lucy... storja Lucy”. Jiġifieri jkun jaf, jibqa' jeqred u ma jkunx irid imur, imma mbagħad tgħidx kemm jieħu pjaċir.
Kif preparajtu għall-iskola?
Meta mort il-laqgħa taċ-child care ħadt filmat ta’ kullimkien, għax vera sabiħa. Bdejt nurih il-filmati minn qabel u allura hu vera kien ħerqan biex imur għax għandhom il-ground vera sabiħ, hemm slide u ħafna affarijiet tat-tfal.
U inti kif ħadtha?
Jien ħsibtni ħa nkun ħażin ħafna, avolja nimmissjah għax jien it-tifel dejjem miegħi. Fil-verità jien bniedma li kont niddejjaq inħallih ma’ ommi u mal-kunjata għax kulħadd għandu x’jagħmel u niddejjaq qisni nitfa’ l-piż tiegħi fuqhom. Allura li naf li mar hemm ma’ nies li qed jagħmlu xogħolhom u qed jieħu gost, ħadt naqra r-ruħ. Jiġifieri dawk it-tliet sigħat li jkun hemm, nipprova nagħmel kemm jista' jkun affarijiet ħalli ma nagħmilhomx meta t-tifel ikun miegħi u ma noqgħodx indejqu.
Miss Celine hi l-għalliema ta’ Lenny. Xi tgħidlek fuqu?
Miss Celine tħobbu ħafna. Jien il-biżgħa li kelli fuq Lenny kienet li meta jitkellem ma jifhmuhx, għax jien bħala ommu nifhmu x’qed jgħid, imma forsi ħaddieħor le. Allavolja hu jitkellem ħafna, bdejt ngħid, “Tgħid ħa jitkellem l-iskola?” għax il-karattru tiegħu ma nafx hux miegħi biss hekk jew jekk hux ħa joħroġ il-karattru tiegħu ma’ nies li ma jafx. Imma jkellimhom ħafna u joħdilhom rashom.
Wara kif kienet ir-reazzjoni tiegħu? Ħa pjaċir?
Wara dejjem jiġi super kuntent id-dar, u għalhekk qisni nkun irrid nerġa’ nibagħtu. Ikun jidher li ħa pjaċir, jgħidli x’għamel minn xħin jidħol sa ma joħroġ, eżempju fuq x’kienet l-istorja, x’qagħad jagħmel, x’kantaw. Allura jien inkun moħħi mistrieħ. La jiġi lura d-dar ferħan ngħid mela li qed nagħmel għall-ġid tiegħu.
U qed tieħdu l-pixxina hux?
Imma m’għamilniex suċċess, ma jridx imur iktar. Taf xi ġralu? Hu jħobb jgħum liberu bil-life jacket, però hemm bla affarijiet tal-għajnuna u xejn; trid iżżommu inti. Il-pixxina kienet żgħira, allura rah differenti mill-baħar u ma jridx imur, imma ma noqgħodx nisfurzah.
Xi jħobb jagħmel Lenny?
L-iktar ħaġa li jħobb huma t-trains għax iħobb ħafna lil Thomas and Friends. Infatti ħija biċċajt jgħidlu li tant kemm ħa jkun bravu li hu ħa jivvintahom it-trains f’Malta. Iħobb ukoll jagħmel dak li nagħmlu aħna pereżempju jekk inkun qed insajjar, ikun irid borma biex joqgħod iħawwad taparsi qed jagħmel bħali. Jekk inkun qed naħsel, ikun irid jaħsel, iħobb ħafna jimita lilna l-kbar. Bħala tifel imbagħad iħobb ikanta, jiżfen u jikkummiedja.
Imma jħobb ukoll il-privatezza. Ġieli ma jkunx irid li tuża l-mobile.
Dik għax hu jkun irid l-attenzjoni kollha fuqu. Mhux lili biss jagħmilha, anka lil missieru jgħidlu “no” biex ineħħi l-mobile u jħares lejh. Hu jkun jaf li bil-mobile ma nkunux qed nagħtu kasu mija fil-mija. Imma mbagħad ġieli jkun irid li noħdulu xi ritratt u jgħidilna hu stess, jgħidilna “photo!”
Intom għandkom kelb ukoll, jismu Buddy. Kif imorru flimkien?
Ma’ Buddy tajjeb ħafna, tant li qatt ma bsart li ħa jmorru tajjeb flimkien daqshekk. Buddy iktar ma jikber Lenny iktar isir close tiegħu. Issa Lenny tgħallem jagħtih it-treats, iżiegħel bih u jbusu, u l-kelb iħoss l-imħabba tat-tifel. Marru tajjeb ħafna flimkien. Min għandu kelb u kellu tarbija, agħtu ċans u taqbadx u tneħħi l-kelb għax tibża’ li ħa jagħmillek għat-tifel. Aħna fil-bidu kien jipprova jigdmu, ovvja, xi ħaġa ġdida fid-dar jew joħodlu d-dummy, imma maż-żmien vera saru ħbieb. Għall-bidu din kienet il-biżgħa tagħna; li ma jidrawx flimkien, imma ġiet kif xtaqt, li qishom l-aqwa ħbieb flimkien.
Man-nanniet kif imur Lenny?
Tajjeb ħafna hux. Ma’ waħda qisu mar il-ġungla u mal-oħra kollox eżatt. Ma’ ommi jiġi l-iżmattat, maħmuġ u mberfel u mal-kunjata jiġi kif bgħattu jiġifieri pulit, nadif u kollox bl-eżatt għax il-ħin kollu timsaħ fih bil-wipes.
Kont tibża’ mit-terrible twos?
Iva kont nibża' u kont ngħid li tiegħi mhux ħa jkun hekk, imma fil-verità ovvja li jkun hekk. Bħalissa waslu affarijiet antipatki li ma tkunx trid li jagħmilhom imma jagħmilhom u jrid jgħaddi minnhom. In-“no” lanqas jilħaq iqum filgħodu għax l-ewwel kelma li jgħid. Kollox “no”, jiġri, jaħrablek, trid toqgħod attenta u l-ħin kollu moħħok fik. Peress li Lenny ilu jimxi, ilni nniżżlu mill-karozza għal mal-art, u qabel kont ngħidlu “oqgħod hemm” u joqgħod. Issa moħħu biex jiġri, anke għand ommi jiftħilha l-gate u jaħrab. Il-ħin kollu on the verge li jiġrilu xi ħaġa.
Fejn kont meta għamel l-ewwel pass?
Id-dar konna, kien ilu jitla’ mas-sufan. Ifhem bilfors id-dar konna għax fi żmien il-Covid.
L-ewwel kelma x’qal?
Papà l-ewwel u l-inqas li jgħid issa għax ħlief mummy ma jgħidx.
Mummy’s boy jew father’s boy?
Mummy’s boy u kif, li kultant ikun iż-żejjed, li jibki anke jekk ma nkunx hemm jien fid-dar u hemm ir-raġel. Vera xi ħaġa antipatka li din anke malfollowers inħobb ngħidha. L-irġiel minn day one jridu jkunu hemm, aħna stess irridu nħalluhom u mhux nagħmlu kollox aħna għax ’il quddiem
tbati. Anke biex nidħol ninħasel jibki, ikun irid joqgħod ħdejja. Ma jafx joqgħod fuq is-sufan fejn ir-raġel.
Kif tgħallmu u kif tikkoreġih?
Jiena nipprova nħallih jagħmel li jfettillu moħħu, li forsi mhux kulħadd jaqbel. Pereżempju jekk morna Tignè Point u hemm l-ilma, inħallih jidħol ġol-ilma mbagħad nikkoreġih wara u ngħidlu biex ma jibqax jagħmilha imma nħallih jagħmilha għax jien nemmen li bniedem aktar ma tgħidlu tagħmilhiex, iktar jagħmilha. S’issa rnexxielna imma kemm ħa ndumu ma nafx ngħidlek. U “no” nippruvaw ma ngħiduha qatt għax iktar ma tgħidlu “no”, iktar jisfida.
It-toys għalik tixtrihom jew għal Lenny?
Għat-tnejn! It-toys jien sirt niġġennen għalihom daqsu jew iktar minnu, imma Lenny iħobb ħafna jilgħab. Imbagħad hemm toys u toys. It-trains nixtruhom iktar għalih u toys edukattivi, li tipo trid tpoġġi miegħu biex tużahom, nixtrihom għalija.
Xi jrid għall-Milied?
Għall-Milied irid track kbira ta’ Thomas. Diġà xtrajtha għax sibtha u xtrajthielu u ħa ntihielu fil-Milied bħattradizzjoni. Jiena qatt ma trabbejt bis-Santa Claus. Aħna ommi kienet tgħidilna li ħa tixtrihulna, allura ma rridx nagħmel hekk u nixtieq nagħmillu elf on the shelf u dawn it-tradizzjonijiet tal-Milied.
Xi jfisser għalik il-Milied?
Familja. Jien il-Milied inħobb inqattgħu ħafna malfamilja u issa iktar u iktar li Lenny qed jifhem. Għalina, il-Milied huwa sentimentali ħafna; jogħġobni ħafna.
Rigal sabiħ għal Danita?
Kemm ilni li għandi lil Lenny qisni lanqas inkun nixtieq xejn, li nkunu flimkien biżżejjed. Imma l-iktar rigal li jista' jkolli hu li jiftħu l-Christmas markets u ninsew din il-Covid għax xbajt. Rigal materjali lanqas naf, lanqas biss ħsibt xi rrid.
Inti għandek relazzjoni sabiħa mal-mamà tiegħek.
Il-mummy ma tistax ma tkunx qrib tagħha għax kull min jafha, ommi speċjali, ċajtiera ħafna u kull meta tiltaqa’ magħha jew inkunu għandha, qatt mhu boring; dejjem tivvinta, dejjem tara kif ħa ddaħħakna u allavolja għandha biex tkun imdejqa għax ma tismax u kellha ħafna problemi b’qalbha, dejjem mara pożittiva ħafna. Anka jekk pereżempju ngħidilha kemm jien ma niflaħx u kemm sirt inħossni vera għajjiena, tgħidli dak it-tifel qed jgħajjik mhux ħa toqgħod tagħmilhom bi kbar u ħafna għaġeb. Kulħadd iħobbha u kull fejn tkun il-mummy, il-life of the party.
X’inhuma l-kwalitajiet li ħadt mingħandha?
Li ndaħħak u l-pożittività. Dawk żgur li mingħandha u li ma niħdux għalina. Ommi rabbietna vera relaxed, anka fuq skola qatt ma kienet tisfurzana noqogħdu nistudjaw, tgħidli forsi ħazin. Qatt ma kienet xi waħda ta’ ħafna punishments, però xorta dejjem konna nobduha għax bniet ċertu trust magħna li jiena qed nipprova nagħmilha ma’ Lenny li magħna nieħdu pjaċir ħafna imma ħin is-serjetà, serjetà u ħin iċ-ċajt, ħin iċ-ċajt.
Inti din is-sena ukoll tlaqt mix-xogħol full time. Kif tħossok?
Jiena naqqast minħabba t-tifel u kelli min jaħdem ilħanut. Imbagħad bil-Covid vera morna lura bħal ħafna businesses sfortunatament u la jien għandi xogħol fuq Instagram u social media, għalaqt il-ħanut biex ikolli iktar ċans għal mat-tifel u dan ix-xogħol.
X’jgħidulek in-nies u kemm tirċievi messaġġi kuljum?
Messaġġi jkolli ħafna li ma tantx inlaħħaq magħhom, però nipprova kemm nista’ nibagħtilhom lura għax naraha bħala responsabiltà li tibagħtilhom lura u tkellimhom għax imbilli għandek il-followers ma jfisser xejn u ma jfissirx li kibritlek rasek, u nipprova nkun ħafna friendly magħhom. Sfortunatament hawn Malta għadu mhux meqjus bħala xogħol dan. Aħna meqjusin li nieħdu l-affarijiet b’xejn, mentri minn wara l-kwinti hemm ħafna xogħol xi jsir li fil-verità sfortunatament ma jidhirx, bħal ħafna xogħol ieħor. Nixtieq li jkun meqjus iktar bħala xogħol normali u infatti din nitkellem ħafna fuqha fuq Instagram. Din iddejjaqni ħafna jien, għax dan xogħol bħal ta’ ħaddieħor, aħna nħallsu l-bolla u t-taxxa u l-vat bħal kull self-employed ieħor. Darba waħda bagħtitli messaġġ u qaltli jekk inti tmur tieħu loan mill-bank x’ħa tgħidlu. Weġibtha li naħdem bħal ħaddieħor. Però tidħol ’il quddiem, dan il-bidu kollu hekk. Jiena ilni sitt snin issa.
Għaliex se tibqa’ mfakkra din is-sena għalik?
Din is-sena bħal kulħadd se nibqa’ niftakarha bil-Covid jien. Din is-sena ma ġrali xejn speċjali apparti Lenny li twieled is-sena ta’ qabel. Imma din is-sena għalija se tibqa’ tfakkarni fil-Covid. Jien il-Covid għallimni ħafna, naħseb l-affarijiet kollha li għallimt lit-tifel kienu ħafna bis-saħħa tal-Covid għax qgħadna ħafna d-dar u anka lil Lenny gawdejnieh ħafna.
Jibagħtulek xi messaġġi li ma tkunx taf kif ħa twiġibhom?
Ġieli jkun hawn minn dawn it-tip ta’ messaġġi li taqbad u tibgħathom jixxejru jew inkella ma tibagħtilhom xejn. Ġieli anke fuq it-tifel, eżempju: “kif qed tieħdu fil-ħamrija jgħaffeġ? Jista’ jimrad.” Darba kien hemm waħda bagħtitli għax il-kelb kien qed jilgħaq lil Lenny u qaltli “Jaqq int bis-serjetà qed tħallih jilagħqu?” imbagħad lil dik minflok bgħattilha, għamilt storja fuqha.
Kif tistrieħ?
Dan l-aħħar, meta jkun rieqed Lenny u noqgħod nara xi episodju. Dak sar il-break tiegħi u qed immur darba jew darbtejn class, qed nipprova nżommha li mmur nagħmel naqra training għax dak il-ħin qisek tinsa kollox u ma taħseb f’xejn. Il-bqija xagħri u hekk kollox jien sirt nagħmel, self-service.
Diffiċli li tkun omm?
Diffiċli għax ma tieqaf qatt, minn xħin tqum sa ma tagħlaq għajnejk, imma hi xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir u lanqas hemm kliem li jiddeskrivu kemm hi xi ħaġa sabiħa. Ħafna emozzjonijiet differenti, roller coaster għax filli jtellagħhomlok u filli jkollok aptit tgħannqu u timlieh bews.
Ftit ilu fuq l-Instagram tiegħek, lil Lenny staqsejtu jridx ħuh jew oħtu. Hu qallek li jixtieq, imma int?
Dik lir-raġel trid issaqsiha! Għax jiena nixtieq ieħor u hu le. Fil-verità, illum il-ġurnata bil-flus li trid għalihom u iktar xogħol, għax wieħed ukoll iġenninni, aħseb u ara bi tnejn, imma togħġobni familja jiena. Tipo ma nimmaġinax ma jkollux oħtu jew ħuh, għax jiena mingħajr ħija ma nimmaġinanix. Għal Lenny l-iktar.
Kien hemm xi episodji ta’ Lenny li tibqa’ tiftakar?
Waħda kbira hi meta għamilli kokò fil-jumperoo. Dan ikun tond u joqgħod jaqbeż fl-istess ħin. Mela jien u r-raġel qomna l-Ħadd, tfajnieh fih sakemm qed inlestu
biex noħorġu u nħallu lit-tifel għall-aħħar, u kif sejra nbiddillu sibnieh, il-kokò ħariġlu mill-ħarqa ma nistax nifhem kif, il-kokò taħt u hu jaqbeż ġo fih, toys kollha mċappsin, il-jumperoo wkoll; konna ħa niġġennu jien u r-raġel.
U meta għamel il-punti, episodju li ma tistax tinsa b’mod negattiv għax f’sekonda jweġġagħlek lanqas tinduna minn taħt għajnejk għax iddar stess weġġa’. Darba oħra kont qed ninħasel u sakemm inkun qed ninħasel ikollu l-mobile u xħin ħriġt mix-xower hu ġie taħti u qed nisma’ qisu “hello, hello”. Xħin mort niċċekja nsibu face time ma’ waħda mara li kienet klijenta tiegħi. Kont ħa mmut. To be fair din naqra kbira fl-età u ma nafx kinitx taf tużah! Forsi ma rat xejn.
Għall-2022 għandek xi ħaġa pjanata?
Le ta. Jien ma tantx nippjana fil-bogħod. Jiena go with the flow, ta’ dak il-ħin.
Aħna ta’ GWIDA nawguraw lill-familja Camilleri, Milied u sena mill-isbaħ!