6 minute read

Ir-rigalli tal-Milied – X’ser tixtri għall-familja tiegħek?

IR-RIGALI GĦALL-MILIED!

Ritratti: Pixabay

Advertisement

Aħseb minn qabel!

Reġa’ wasal il-Milied u l-ġranet ta’ preparamenti għal din il-ġurnata u għal dan il-perjodu qegħdin iktar ma jmur jonqsu ! Fost ħafna preparamenti, li nixtru rigal mill-qalb għall-maħbubin tagħna tkun waħda millaffarijiet fuq ta’ quddiem fil-lista ta’ dawk l-affarijiet li rridu nagħmlu u nippreparaw. Ir-rigali joħdulna ħafna ħsieb, u dan anka jekk il-ħsieb biss huwa naturalment biżżejjed, kollha kemm aħna nkunu qegħdin nistennew li r-rigal li nkunu xtrajna lil uliedna, lill- maħbub jew maħbuba tagħna, lill-ġenituri, ħbieb u kollegi tagħna, jintlaqa’ b’sorpriża u jintgħoġob.

Baqagħlek biss ftit jiem, tħallix għall-aħħar! Dawn huma xi ftit ideat ta’ x’rigali tista’ tagħti lill-maħbubin kollha tiegħek!

Nibdew bir-rigali lit-tfal. Bla dubju li bħalma jitbissmu huma hekk kif jaraw ir-rigali, ma jitbissem ħadd. Ittbissima u l-espressjonijiet tagħhom partikolari wisq, speċjalment hekk kif b’eċitament kbir, b’tant enerġija, u b’għajnejhom jixegħlu, jiftħu r-rigali li jkunu rċivew. Ir-rigali li nixtru lit-tfal għandna nqabbluhom maletà tat-tfal u anka mal-interessi tagħhom, però permezz tar-rigali li ser nagħżlu għalihom kapaċi wkoll ngħinuhom sabiex jagħrfu passatempi ġodda. Wieħed isib diversi ġugarelli li huma adattati, edukattivi kif ukoll ġugarelli li jwasslu għall-kreattività fit-tfal tagħna.

Xi ftit ideat huma roti u skuters li jieħdu pjaċir bihom kemm il-bniet u kif ukoll is-subien, kameras tar-ritratti, ġugarelli tal-logħob għal tfal iżgħar fl-età bħal ngħidu aħna kċejjen ċkejknin u ġugarelli marbutin mal-preparazzjoni tal-ikel għal dawk ittfal li juru interess fil-kċina u fl-ikel, muturi żgħar, ġugarelli marbutin mal-arti, kollezzjonijiet ta’ kotba b’illustrazzjonijiet il-ġmiel tagħhom, u ġugarelli marbutin mal-mużika.

Ġugarelli oħrajn, u li forsi huma kemxejn oriġinali u riċenti wkoll huma dawk marbutin ma’ AMSR. Dawn ikunu magħmulin minn materjali u anka rwejjaħ illi jirrillasaw lit-tfal tagħna b’mod san hekk kif it-tfal joħolqu affarijiet ġodda proprju b’dawn il-ġugarelli. Rigali oħrajn għat-tfal tagħna jinkludu sets ta’ materjali li bihom it-tfal jistgħu joħolqu ġojjellerija sabiex imbagħad jagħtuhom lill-ħbieb tagħhom, u anka ġugarelli marbutin max-xjenza, man-natura, mal-inġinerija u mal-matematika. Bla dubju ma tonqosx l-għażla ta’ prodotti teknoloġiċi li nistgħu

nixtru wkoll, fosthom diversi aġġeġġi u anka arloġġi li huma aġġeġġi minnhom infushom!

Xi ngħidu rigward ir-rigali għaż-żgħażagħ? Ħsibt f’diversi affarijiet u ser naqsamhom magħkom. Il-lista tinkludi affarijiet li jolqtu l-gosti taż-żgħażagħ kollha, forsi anka għaliex tfajliet u ġuvintur żgħażagħ ikunu għadhom qegħdin jifformulaw il-personalità tagħhom, u għalhekk, dak li jinteressahom u dak li mhuwiex ta’ interess partikolari għalihom. Xi ftit ideat huma: ħwejjeġ, vawċers li jistgħu jintefqu fi stabilimenti li għandhom wieħed isib prodotti tax-xagħar u tassbuħija, ġojjellerija, kotba rigward diversi oqsma inklużi dawk rigward it-tisjir, ir-reliġjonijiet u l-kulturi, jew rigward xi idolu ta’ dan iż-żagħżugħ partikolari. Iżjed ideat jinkludu oġġetti marbutin ma’ xi sport partikolari, l-aħħar aġġeġġi li jagħmlu l-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ iżjed cool, kamera tar-ritratti, skuter, oġġetti tipiċi marbutin mal-arti, mal-mużika, mal-ikel, max-xjenza u ma’ xi esperiment, bħal ngħidu aħna xi mikroskopju għal dik iż-żagħżugħa li qed tistudja l-bijoloġija.

X’ser nixtru lil dik il-koppja favorita tagħna li ser jiżżewġu f’dan iż-żmien jew li inkella għadhom kemm bdew jgħixu flimkien fid-dar il-ġdida? It-tnejn huma avvenimenti sbieħ tassew, però rridu nammettu li kapaċi jkunu żminijiet ta’ tensjoni u stress ukoll! Għalhekk, lil din il-koppja nistgħu nixtrulhom xi hamper imħawwar bi prodotti lokali, jew inkella nagħtuhom xi vawċer sabiex iqattgħu tmiem il-ġimgħa f’xi waħda mil-lukandi eċċezzjonali li għandna kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Nistgħu nagħtuhom għall-Milied xi vaganza qasira barra minn xtutna jew inkella xi vawċer sabiex isarrfuh f’xi stabiliment li joffri interventi ta’ rilassament bħal pereżemepju massaġġi. Xi ftit iktar ideat huma xi oġġett personalizzat għalihom it-tnejn bħala koppja li jistgħu jżejnu bih fid-dar il-ġdida, jew inkella xi magna li tagħmel kafè prim jekk huma t-tnejn fanatiċi tal-kafè, xi pittura tagħhom it-tnejn flimkien f’xi avveniment partikolari, jew inkella xi pittura ta’ xi xena li inti taf li għalihom hija waħda speċjali u li żgur ser iġġibilhom memorji sbieħ.

Dawk il-koppji li qegħdin jippjanaw li jkollhom tarbija, jew inkella dawk li qegħdin jistennew tarbija, żgur illi dan il-Milied jieħdu pjaċir b’rigal mogħti lilhom proprju għat-tarbija li qegħdin jistennew. Lokalment wieħed isib diversi prodotti li huma ta’ bżonn fiddar tiegħu meta wieħed ikollu tarbija, u dawn huma oġġetti li tiġi bżonnhom fid-dar, u anka oġġetti li l-użu tagħhom huwa partikolarment prattiku għal meta l-ġenituri jinstabu barra mid-dar bit-tarbija. Sakemm jasal proprju l-ikbar rigal, it-tarbija, din il-koppja żgur li ser tapprezza l-ħsieb tiegħek fit-tarbija tagħhom. U lil dik il-koppja miżżewġa ħbieb jew familjari tagħna x’nistgħu nixtrulhom ? Vawċers, trattamenti tas-sbuħija għalihom it-tnejn, ornamenti jew appliances għad-dar tagħhom, xi bukkett fjuri sabiħ jew xi qasrija ta’ ġewwa, xi hamper mimli prodotti favoriti tagħhom it-tnejn jew inkella xi oġġett personalizzat għalihom it-tnejn bħal pereżempju xi bord tal-kċina b’isimhom fuqha.

Irridu naħsbu wkoll f’nies ikbar fl-età, li jiġu familjari tagħna, kollegi, ħbieb jew ġirien tal-qalb. Xi jħobbu jagħmlu, u kif qegħdin jgħaddu l-ħin li jkollhom li fih mhumiex impenjati ? Dawk li jħobbu l-ktieb nistgħu nixtrulhom xi ktieb kontroversjali sabiex imbagħad ingawdu magħhom diskussjoni li ma tispiċċa qatt, qsari u pjanti lil dawk li jħobbu l-ġnien, prodotti marbutin mal-ikel, mal-mużika u mal-arti għal dawk l-artistiċi jew dawk li minn dejjem xtaqu jagħrfu iżjed l-arti, xi ritratt ħelu fil-gwarniċ tagħhom meta kienu għadhom tfal u ieħor tagħhom riċenti, prodotti u vawċers ta’ rilassament u sbuħija. Fl-aħħar mill-aħħar, żgur li dan il-Milied jixirqilhom oġġett li sempliċiment joħolqilhom tbissima, li jqanqalhom u jferraħhom.

Lin-nanniet għeżież tagħna dan il-Milied, apparti li ngawdu l-ħin magħhom filwaqt li nżommulhom idejhom u nħarsu lejhom b’ammirazzjoni, ngħaddulhom xi rigal li nafu li ser ikun speċjali u għal qalbhom. Xi ftit ideat jinkludu, ritratti tagħhom u tal-familja li bnew magħquda lkoll flimkien, xi rigali personalizzati għalihom u kif ukoll aġġeġġi moderni sabiex in-nanniet tagħna jibqgħu mexjin maż-żmien tal-lum, li fih iva, it-teknoloġija tibrilla, u għalhekk, mhux biss għaliex jixirqilhom l-aħjar, jeħtieġ li n-nanniet tagħna dan il-Milied iduqu xi ftit mill-aħħar teknoloġija li ġabet magħha s-sena 2021!

Lil dik il-ħabiba speċjali jeħtieġ li naħsbu fiha wkoll. Naraw ftit xi tħobb jew inkella naħsbu f’xi ħaġa li ġieli semmiet li tixtieq li jkollha jew li tixtieq tagħmel. Dan il-Milied nistgħu nagħtuha sorpriża bir-rigal tal-Milied u dan għaliex ikun jinkludi xi biljett għal xi avventura li tant ilkom titkellmu fuqha flimkien, jew inkella xi biljett għal xi safra li wkoll ilkom tiddibattu fuqha flimkien. Tmiem il-ġimgħa f’xi lukanda jew xi vawċer għal xi trattament tas-sbuħija ma naf l-ebda ħabib jew ħabiba li ser tgħid le għalih, anzi ninsabu ċerti li jkun wieħed mir-rigali favoriti li tkun irċeviet din il-persuna speċjali għalina. Lokalment wieħed isib diversi oġġetti wkoll li xħin tarahom mill-ewwel ser tiġik il-persuna f’moħħok li għaliha għandek tixtri dak ir-rigal partikolari.

Tal-aħħar, u żgur mhux tal-inqas, x’ser nixtru lirraġel jew lill-maħbub tagħna, jew lil ħutna rġiel u lil missierna? Din ħafna drabi jaf tkun xi ftit jew wisq diffiċli, jew inkella, sena wara sena, nagħtu l-istess rigal. Din is-sena minflok nistgħu naħsbu iżjed fid-dettall forsi anka ta’ x’għandu bżonn il-persuna, fejn naf jien, forsi xi oġġett għall-karozza jew għall-mutur tiegħu, jew xi aġġeġġ partikolari li kapaċi jagħmillu l-ħajja ta’ kuljum iżjed faċli. Trattamenti tas-sbuħija u ta’ rilassament huma affarijiet li jieħdu pjaċir bihom l-irġiel ukoll u għalhekk dejjem nistgħu nagħmlu vawċer li jissarraf f’xi stabiliment lokali.

Wasalna fit-tmiem. Nittamaw li dawn l-ideat ser jgħinukom sabiex jirnexxilkom tixtru l-aqwa u l-isbaħ rigal lill-maħbubin tagħkom, u għalhekk rigal li jibqa’ kemm fil-memorja u fuq kollox filqalb. Min-naħa tagħna nawguralkom Milied mimli kuntentizza u saħħa!

This article is from: