4 minute read
L-Ikel tal-Milied – X’ser issajjar?
from Gwida December 2021
ŻMIEN L-IKEL!
Advertisement
Ritratti: Pixabay
X’ser tiekol dal-Milied? ... Ikel, ikel u iżjed ikel
Ikel kemm ittik il-vista ta’ għajnejk u ikel li ma jispiċċa qatt. Żgur li matul dawn il-festi, l-ikel u r-riċetti ġodda ma jonqsux fid-djar Maltin u Għawdxin. Nammetti, nħobb niekol u l-ikel huwa wieħed mis-suġġetti favoriti tiegħi. IlMaltin u l-Għawdxin ma jirbħilhom ħadd għallaptit tagħhom, aptit li ma jieqaf fl-ebda ħin u speċjalment l-aptit assoċjat mal-ikel u l-ħelu fi żmien il-Milied u l-bidu tas-sena l-ġdida.
L-ikel iġib miegħu għaqda bejn il-familji u l-ħbieb
L-ikliet kemm tal-Milied u kif ukoll tal-Ewwel tasSena jġibu magħhom għaqda u ġabra bejn il-familji u l-ħbieb. Huwa żmien mill-isbaħ sabiex tqatta’ l-ħin prezzjuż tiegħek mal-familjari u l-ħbieb tiegħek, għaliex wara kollox, Milied hieni u sena ġdida mimlija prosperità u kuntentizza x’jirrappreżentaw jekk mhux serenità u għaqda bejn il-familja u l-ħbieb? L-ikel bnin u frisk jagħmel dan il-ħin iżjed u iżjed partikolari, interessanti, ċajtier u seren għaliex
bla dubju li wara ikla bnina u togħma tajba, l-affarijiet dejjem jidhru aħjar u itjeb milli proprju kienu qabel. Dan iż-żmien huwa wkoll żmien ideali sabiex tistieden f’darek membri tal-familja tiegħek u ħbieb, sabiex flimkien taqsmu xi ċajta jew xi rakkont, filwaqt li tnaqqru xi ftit appetizers, qabel ma tgħaddu għal xi platt għaġin warrablu minn nofs. Insomma, fi kliem sempliċi, l-ikel għandu l-kapaċità li jqanqal emozzjonijiet differenti, li jġiegħlek titbissem u fuq kollox li tingħaqad u li taqsam ma’ dawk għal qalbek il-ħin tiegħek.
Tbissima u tgħanniqa
Lill-mistednin għandna nilqgħuhom fid-djar tagħna għall-ikla tal-Milied jew tal-Ewwel tas-Sena fuq kollox bi tbissima u b’tgħanniqa kbira. Wara dan l-awgurju, nistgħu ngħaddulhom xi kpiepel tal-Milied jew xi aċċessorji marbutin ma’ dan iż-żmien li nkunu preparajna minn qabel, bħal pereżempju xi ġiżirana tixgħel, sabiex permezz tagħhom tinħoloq ukoll atmosfera ta’ pjaċir u ta’ ferħ. Importanti li d-dar tkun tilqgħek sabiex il-mistednin iħossuhom komdi u għalhekk tajjeb li d-dar tkun armata b’xi tiżjin ħelu wkoll. Xi ftit mużika marbuta mal-festi fl-isfond twassal ukoll għal ħafna kant u anka stunar mingħand kulħadd. Dawn l-affarijiet jagħmlu l-ikla waħda li ma tintesa qatt! Ftit iżjed ideat jinkludu li tistaqsi lill-mistednin tiegħek sabiex kulħadd jilbes xi ħaġa assoċjata ma’ dan iż-żmien talfesti, u tista’ wkoll tagħti lill-mistednin xi rigal ċkejken bħala tifkira tal-ħin li gawdejtu flimkien tieklu, tieklu, u tieklu fost xi ċajta jew xi storja li tkunu semmejtu lil xulxin. Ovvjament, fuq kollox, apparti dan kollu, importanti li jkollok l-ikel. Trid taħseb għal xi affarijiet żgħar tal-ikel li tistgħu tnaqqru sakemm jinġabar kulħadd u anka għal xi ħaġa oħra tal-ikel li mbagħad ser taqsmu flimkien hekk kif tingħaqdu mal-mejda tal-ikel. Qis li tħawwar l-ikel sew, kif għedna, b’togħma tajba, l-affarijiet jieħdu xejra oħra wkoll.
Il-famuża mejda tal-ikel
Il-mejda tal-ikel armata għall-ikla tal-Milied tiġbed l-għajn, anka jekk l-ikel ikun għadu ma ħariġx. Id-dekor tal-mejda tal-ikel huwa xi ħaġa li speċjalment fi żmien il-Milied, jolqot ħafna dettall, kulur, attenzjoni u delikatezza.
Sabiex tħejji l-mejda u kif ukoll l-ikel, tajjeb li tipprepara minn qabel u jkollok pjan ta’ x’inhu l-ikel li ser issajjar u għalhekk il-mejda tal-ikel kif ser tkun armata. Ara li l-mistednin ser ikunu komdi u għalhekk jekk hemm bżonn, żid mejda oħra ma’ li għandek diġà u għattiha b’xi dvalja; m’għandniex xi ngħidu, bid-dekor tal-Milied. Tista’ wkoll taħseb f’tema ta’ kif trid li tarma l-mejda u tlesti wkoll l-ismijiet tal-mistednin skont kif ser ipoġġu mal-mejda ħin l-ikel. Għax-xorb ta’ qabel l-ikel tista’ tarma mejda ċkejkna fil-ġenb tal-kamra wkoll sabiex tħalli biżżejjed spazju fuq il-mejda għall-ikel u għad-dekor. Ara li għandek il-pożati, it-tazzi u l-platti kollha meħtieġa għall-ikel li tkun preparajat – l-ikel tal-bidu li ħafna drabi jkun jikkonsisti f’soppa, għaġin jew xi insalata mħawra, l-ikla prinċipali bħal ngħidu aħna u popolari ferm fi żmien il-Milied, dundjan imsajjar fil-forn, imħawwar bil-patata u ħwawar ta’ kull xorta, u d-deżerta – xi biċċa gateaux, kejk tal-Milied mimli frott u ċikkulatini ta’ kull forma u għamla.
Riċetti għall-ikla tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena 2022
Tradizzjonalment id-dundjan imsajjar fil-forn għadu popolari ħafna speċjalment bħala l-ikla nhar il-Milied. Madanakollu, hemm diversi riċetti oħrajn li wieħed jista’ jipprepara kemm għal nhar il-Milied u kif ukoll nhar l-Ewwel tas-Sena. Xi wħud mir-riċetti huma dawn; majjal, salamun imsajjar bil-frotta ananas, taljarini mħawrin bil-majjal u bil-ħxejjex, weraq tal-kaboċċi mimlijin bil-laħam u rrumblati bħall-braġjoli, qargħa ħamra mqattgħa rqiqa u msajra fil-forn minn tulha, u canapés magħmulin mit-tiġieġ, ġobon brie u cranberry. Fir-rigward tad-deżerti, wieħed jista’ jipprepara blalen tal-coconut imdawrin fiċ-ċikkulata, trifle permezz ta’ frott, sponge u krema fuq tliet saffi jew iżjed, u bla dubju l-kejk tradizzjonali tal-Milied li jirrikjedi li tlestih xi ftit minn qabel sabiex il-frott jilħaq jiġbor fih it-togħma tal-liquor. Diġà qed inxomm ir-riħa ta’ dan l-ikel bnin kollu u ma niċħadx, li r-riħa tal-kejk tradizzjonli talMilied hija l-iżjed waħda għal qalbi!
Wasalna fit-tmiem, u minn qalbi nawgura lilkom il-qarrejja tal-GWIDA ikla nhar il-Milied u l-Ewwel tasSena li ma tinsewha qatt, imdawrin b’ikel bnin malmaħbubin tagħkom – Awguri!