4 minute read
Il-Moda tax-Xitwa – X’ser tilbes?
from Gwida December 2021
X’INHI L-MODA BĦALISSA?
Smart, casual, formali jew chic
Advertisement
F’dan iż-żmien ta’ festi u ċelebrazzjonijiet, ikollna diversi attivitajiet li ser nattendu għalihom bħal ikliet ma’ tal-familja, mal-kollegi u anka mal-ħbieb. Dawn l-attivitajiet huma avvenimenti ta’ ferħ u pjaċir hekk kif ilkoll insellmu s-sena li għaddiet u bil-mod il-mod nilqgħu s-sena li jmiss. M’hemmx dubju li matul dan iż-żmien ta’ festi kulħadd ikun irid jidher xi ftit speċjali u differenti mis-soltu. Li tipprepara x’ser tilbes, u kif ser tidher, hija parti milleċitament li jġibu magħhom dawn il-festi li ser ikunu magħna minn hawn u biss ftit ġranet oħra!
Flimkien ser naraw x’inhu moda bħalissa u ser naqsam magħkom ukoll xi ftit ideat u suġġerimenti li bihom kapaċi tibdel id-dehra tiegħek, anka jekk ser tibqa’ sejra r-riċeviment li ġejt mistiedna għalih dritt wara x-xogħol.
Ritratti: Pixabay
Kif ser nidhru l-aħjar, attraenti u kunfidenti kull fejn immorru f’dawn il-festi?
Hija idea komuni ħafna li tilbes x’tilbes l-importanti huwa li tkun komda fih. Idea oħra li nistgħu ngħidu saret pjuttost moda wkoll hija dik illi nilbsu b’mod li jidher sempliċi filwaqt illi d-dehra tkun waħda li kien jistħoqqilha xi ftit tal-effort sabiex tidher daqshekk attraenti, irrispettivament mis-sempliċità tagħha. Is-sena 2021 rat diversi stili ta’ ħwejjeġ u anka żraben li ħaduna lura għas-snin disgħin. Dawn jinkludu ġersijiet ta’ kull lewn, disinn, tul u qosor, u l-aktar popolari huma dawk qosra li jintlibsu kemm fuq dbielet u anka fuq qliezet. Moda oħra hija dik li wieħed jilbes dik li nafuha bħala tracksuit, però tintlibes fuq takkuna, jew inkella naraw moda oħra fejn ġakketta każwali tintlibes proprju taħt blazer. Moda oħra partikolari wkoll hija dik ta’ qmis b’disinn iċċangajt li għalkemm qmis hija magħmula wkoll b’tali mod li tagħti dehra ta’ ġakketta. Moda oħra li reġgħet magħna hija dik tal-kmiem kbar, magħrufin bħala puff sleaves u kif ukoll tal-basktijiet żgħar b’ċinga qasira u f’forma ta’ nofs qamar, basket li fis-snin disgħin kulħadd kellu xi wieħed jew tnejn minnhom fil-gwardarobba. Din is-sena moda immens ukoll it-tiger print fuq ġersijiet, kowtijiet u qliezet. Il-kpiepel magħrufin bħala bucket hats huma prominenti fid-djar tal-moda għal din is-sena, u kif ukoll l-boots magħrufin bħala tractor boots, fejn b’mod partikolari nosservaw li l-qiegħ tal-boots ikun wieħed għoli u kemxejn wiesa’.
Fendi
Fir-rigward tal-moda għall-irġiel naraw il-kulur aħmar bħala wieħed popolari ħafna għal din is-sena, u kif ukoll ġersijiet ta’ disinni ta’ kull xorta u ta’ kull lewn. Prominenti wkoll huma suits, però suits bi stil modern, u mhux suits kif normalment imdorrijin naraw. Nosservaw ukoll kemm huma moda ġersijiet bil-għonq kbir magħrufin bħala polo necks, u kif ukoll kwalunkwe oġġett tal-ilbies magħmul mill-ġilda. Reġgħu moda ħafna fuq l-irġiel ukoll il-kowtijiet magħrufin bħala trench coats u t-tractor boots li semmejna bħala moda għan-nisa huma wkoll moda għall-irġiel.
Stili tax-xagħar u tal-make-up għall-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena
L-istil tax-xagħar jirrifletti wkoll l-okkażjoni li ser nattendu għaliha. Stilisti tax-xagħar jissuġġerixxu lil dawk xagħarhom innukklata sabiex f’dan iż-żmien jaraw illi n-nokkli f’xagħarhom jidhru fl-aħjar tagħhom u b’ċertu volum. Mill-banda l-oħra, min għandu xagħru twil jista’ jiġbru f’toppu eleganti fil-ġenb, inkella jgħollih u f’xagħru jżid xi aċċessorju jekk hu mistieden għal xi festin jew għal xi ikla partikolari f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Il-malji u l-kulur fix-xagħar imorru tajjeb ħafna fuq xi żagħżugħ jew żagħżugħa li ser jattendu għal xi festin ta’ divertiment. Fir-rigward tal-make-up tajjeb li dan ukoll ikun addattat għall-okkażjoni li nkunu sejrin u kif ukoll jaqbel mal-ilbies li nkunu lebsin. Ħuġbejn mimlijin, xufftejn ħomor jew miżbugħin lewn skur, ħaddejn lewn roża, u xagħar tal-għajnejn twil, huma kemm fost il-moda u kif ukoll issuġġeriti għal dawn iżżminijiet ta’ festi.
Tagliatore
Ħarġa mal-ħbieb, ikla jew staff party
Jekk ser toħroġ mal-ħbieb f’dawn il-festi għandek diversi għażliet ta’ x’tista’ tilbes però ara li f’dak li tilbes ikun hemm xi ftit jew wisq dehra ta’ festività u ta’ avventura, għaliex le. Tista’ tilbes ħwejjeġ li tilbes normalment ukoll, anka jeans, però għandek taqla’ l-ilbies permezz ta’ xi ġakketta pulita jew casual smart. Permezz ta’ ġojjellerija jew takkuna kapaċi tibdel l-ilbies minn dak każwali għall-casual smart jew anka dak ta’ stil formali. Mill-banda l-oħra, jekk irċivejt xi invit għal xi avveniment formali, ara li tilbes xi libsa jew xi suit addattata. Għal xi ikla filgħaxija f’dawn il-festi m’inti ser tmur żmerċ qatt jekk tilbes xi libsa b’xi disinn, boots u kowt. L-ilbiesi b’komma twila jagħmlu stil eleganti u chic immens, filwaqt li ġersijiet u blazers fuq takkuna jagħtu stil casual smart.
Ftit ideat tal-aħħar : Il-ġojjellerija u l-aċċessorji joħduk milluffiċċju jew minn fuq il-post tax-xogħol għal dik l-ikla li inti mistieden jew mistiedna għaliha, u permezz ta’ hekk jirnexxilek tibdel l-istil tal-ilbies tiegħek skont l-okkażjoni wkoll. Flimkien mal-aċċessorji, jekk iżżid ftit make-up addattat u tibdel anka jekk imqar oġġett wieħed minn dak li inti liebsa, pereżempju minn ġakketta għal blazer, tista’ tgħid li tkun bdilt id-dehra tiegħek kompletament.
Sabiex nagħlqu hawnhekk, ser naqsam magħkom ħsieb żgħir – matul is-sena kollha, u mhux b’inqas matul dawn il-festi, tinsiex ukoll tilbes it-tbissima tiegħek. Ħudu pjaċir, ingħaqdu u gawdu dawn il-festi li ġejjin. Awguri!
Jacquemus Haney