2 minute read

F’Ġunu niftakru – fil-Jum dinji kontra l-abbuż tad-droga

F’ĠUNJU NIFTAKRU...

Fil-Jum dinji kontra l-abbuż tad-droga

Advertisement

Fis-sitta u għoxrin ta’ Ġunju 2021, id-dinja tiċċelebra l-jum dinji kontra l-abbuż tad-droga u t-traffikar tas-sustanzi. L-għan ta’ din l-inizjattiva hija li nsaħħu l-ħidma kontra l-abbuż, u biex organizzazzjonijiet madwar id-dinja, inkluż l-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, jaħdmu biex iwasslu għarfien dwar ir-realtà, u l-kura, marbuta mal-użu ta’ dawn l-istess sustanzi (United Nations, 2020).

L-Aġenzija Sedqa tipprovdi diversi servizzi għall-prevenzjoni u l-kura tal-użu tas-sustanzi. Fosthom insibu l-programmi li t-tim tal-prevenzjoni jagħmel fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Il-programmi huma immirati għall-individwi ta’ etajiet varji li jattendu t-tielet sena u l-ħames sena taliskejjel primarji, dawk li jattendu l-iskejjel sekondarji u dawk post-sekondarji. Dawn il-programmi huma wkoll immirati biex jilħqu lill-komunità in ġenerali. Il-programmi dejjem ikunu relevanti għall-età tal-istudenti u huma programmi interattivi fejn huma jkunu jistgħu jiddiskutu s- suġġett.

Il-programm Teen Outside The Box ġie maħluq għallistudenti tat-tieni sena fis-sekondarja. Il-programm jingħata fl-iskejjel tal-Istat u anka tal-Knisja, kif ukoll dawk indipendenti. Diversi suġġetti jiġu diskussi, bħal kif wieħed ikampa f’ sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja, kif wieħed għandu jagħmel deċiżjonijiet għaqlin, l-użu għaqli tat-teknoloġija u l-vizzji. Fis-sessjonijiet l-istudenti jipparteċipaw f’logħob u attivitajiet interattivi, kif ukoll jingħataw l-opportunità li jiddiskutu s-suġġett f’ambjent liberu u sigur. Jingħata wkoll ktejjeb lill-istudenti kollha li jipparteċipaw fil-programm, fejn hemm informazzjoni dwar drogi u l-alkoħol, attivitajiet relatati mal-ħiliet biex tkampa ma’ sitwazzjonijiet diffiċli, u anka tweġibiet fuq diversi mistoqsijiet li jista’ jkollhom rigward il-vizzji.

Il-pandemija tal-Covid ġabet sfidi kbar magħha. Ħafna individwi affaċċjawha b’mod aktar diffiċli minn oħrajn. Ġabet sfidi ta’ solitudni, ansjetà u dipressjoni magħha, fost oħrajn (Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, 2019). Dan qiegħed jinħass fost kulħadd, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li naturalment qegħdin f’età fejn iridu jaffaċċjaw ħafna sfidi fil-ħajja tagħhom. Għaldaqstant din is-sena aktar minn snin oħra, il-jum dinji kontra l- abbuż, kompla jsaħħaħ din il-ħidma madwar id-dinja kollha sabiex il-komunità tgħix ħajja li tkun ħielsa mis-sustanzi.

Jekk wieħed ikollu bżonn aktar tagħrif fuq xi wieħed mill-programmi, jew servizzi li toffri l- Aġenzija Sedqa, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq 2388 5110, jagħmel aċċess għall-paġna tal-Facebook Sedqa Malta, jew iċempel fuq is-support line 179, li huwa servizz aċċessibbli erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Riżorsi: Mental health and coping during COVID-19. Centers for Disease Control and Prevention 2020. www.cdc.gov/ coronavirus/2019-ncov/about/coping.html

International Day Against Drug Abuse and Illicit Trafficking (United Nations) www.un.org/en/observances/end-drugabuse-day June 2020

This article is from: