8 minute read

Intervista ma’ Jomike u Lydon – Ir-rebbieħa ta’ Malta’s Got Talent missier u iben li ġennew lil Malta bil-makkjetti!

Ritratti: Matthew Cutajar – iCam Photography JOMIKE U LYDON

Il-missier u l-iben li ġennew lil Malta bil-makkjetti!

Advertisement

Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent kienu Jomike u Lydon. Ħafna kienu l-Maltin li esprimew is-sodisfazzjon xħin raw lil dawn it-tnejn ikantaw flimkien. Kien għalhekk li għall-edizzjoni ta’ Jum il-Missier għażilna lil dan id-duo fenomenali li tant qed jagħmlu ġieħ lill-Malti, lill-għana u lill-makkjetti! Biss hemm imnejn li ma’ Jomike u Lydon jingħaqad membru ieħor fil-makkjetti, għax Jomike u l-maħbuba tiegħu qed jistennew tarbija!

Nawguraw lilek u lill-maħbuba tiegħek għat-twelid tat-tieni wild. Kif għedtulu lil Lydon li ser ikollu ħuh jew oħtu?

Jomike: Lydon kien ilu sena jgħidilna li jrid ħuh jew oħtu. Dejjem waħdu; ma jkollux ma’ min iqatta’ l-ħin. Kont nitħassru jilgħab waħdu. Xħin għednielu, feraħ ħafna. Li kieku jista’, id-due date f’Awwissu, jagħmilha għada. Fil-finali ta’ Malta’s Got Talent eżatt, kelli ferħa doppja għax dakinhar sirt naf li ser nerġa’ nsir missier.

Għandkom xi ħsibijiet ta’ ismijiet?

Jomike: S’issa għadna ma nafux x’ser ikollna u nixtiequ li tibqa’ sorpriża! Niftakarni li fit-tqala ta’ Lydon, it-tabib kien qabad u żvela, imma din id-darba avżajnieh mill-ewwel. Bħala ismijiet jekk tkun tifla għażilna l-isem ta’ Trista, u jekk ikun tifel Jaiden, ħalli jaqbel ma’ Lydon!

Kif qed tħossok Lydon li ser ikollok ma’ min tilgħab?

Lydon: Eċitat ħafna! Irrid li kieku jasal illum!

Tirrakkontalna ftit fuq it-twelid ta’ Lydon?

Jomike: Peress li ma kellniex esperjenza ta’ tfal, mal-inqas uġigħ konna mmorru lejn l-isptar. Fil-fatt f’Lydon dħalna l-isptar fid-9 ta’ filgħodu u twieled fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu tal-ġurnata ta’ wara.

Danica (omm Lydon): Meta twieled, Lydon ma bekiex u għamilna ġimgħa hekk. Konna inkwetati fuq hekk, aktar u aktar meta smajna l-professur jgħidilna li din kienet problema. Talbuna noqogħdu ndejquh sa ma jibki u għalxejn! Wara ġimgħa wriena kif jibki mbagħad!

Imbagħad wara li twieled Lydon, inti ddeċidejt li tieħu l-għana bis-serjetà?

Jomike: Iva, mat-twelid ta’ Lydon bdejt ngħanni fil-ħwienet. Meta Lydon għalaq sena, bdejt narah li diġà qed jinteressa ruħu. Għandi filmati tiegħu jżomm widnejh u lil Danica bdejt ngħidilha li kien ser ikollna għannej. Hi ma tantx bdiet temminni, imma kelli raġun!

Kif bdiet in-namra tal-għana fik?

Jomike: Minn tfuliti ta! Żmien ilu kont naħdem b’tal-linja.

Inzertajna konna qegħdin erba’ dilettanti tal-għana, u dħalt f’nofshom u rrispondejthom bl-għana. Niftakar konna l-Belt u konna x-xufiera bejnietna. Qabeż wieħed minnhom u rrispondieni lura u jien weġibtu bl-għana. Minn hemm bdew jagħtuni l-kuraġġ biex immur ngħanni ġo ħwienet. Kienu stednuni għal serata u tellgħuni fuq il-palk biex ngħanni. Tibda tmut bil-mistħija imma rnexxieli!

U inti Danica, togħġbok li Jomike jgħanni?

Danica: Meta ħareġ hu għall-għana, u bdejt nara t-tifel tibda tidħol fiha! Il-makkjetti jogħġbuni ħafna u anke meta kont żgħira kont nieħu pjaċir nisma’ lil John Laus. Fil-familja tiegħi għandi għannejja, imma qatt ma interessajt ruħi daqs issa.

Jomike tgħidilna ftit fuq il-parteċipazzjoni tagħkom fil-Malta’s Got Talent?

Jomike: Jien f’ Malta’s Got Talent ma ridtx nidħol! Jien it-tip ta’ bniedem li ninsa ħafna, il-lirika niktibha jien, iżda ninsieha dak il-ħin stess. Meta Lydon ra r-reklami beda jinsisti li nidħlu. Għedtlu biex jidħol hu waħdu għax bżajt li nagħmel pudina. Imma Lydon riedni bilfors, dħalna u bqajna tilgħin.

Għaliex ridt tidħol tieħu sehem Lydon?

Lydon: Interessani u xtaqt insir famuż!

Bdejtu tistennew li ħa tirbħu?

Jomike: Ħa nkun onest. Kulħadd għandu s-social media u minn hemm tinduna li konna mal-favoriti. Ma tistax tagħmilha fatta, għalhekk bqajna saqajna mal-art u tajna l-aqwa prestazzjoni li stajna.

Kif ħassejtek meta kantajt f’Malta’s Got Talent?

Lydon: Ferħan ħafna, anke li kieku ma rbaħniex xorta kont inkun ferħan. Għax ngħid li għall-inqas ħadt sehem f’dak ix-xow!

Il-premju ta’ min jirbaħ kien €25,000. Lydon dak iż-żmien kien qal li jixtieq li jmur l-Awstralja bihom u jagħti kunċert hemmhekk lill-Maltin. Għadkom sejrin l-Awstralja?

Jomike: Minkejja li taħseb li din hi ħolma sempliċi, bil-Covid tagħmilha diffiċli immens. S’issa l-pjan hu li għal Novembru tal-2022, ser inkunu l-Awstralja ngħannu lill-Maltin t’hemmhekk.

Iżda minn Malta’s Got Talent sirtu aktar popolari. X’inhu l-pass li jmiss?

Jomike: Infatti ħriġna CD wara l-finali u vera

morna tajjeb biha. F’Mejju li għadda ħriġna album ġdid kollha b’makkjetti. L-album jismu Id-Di u Do u f’xi makkjetti ngħaqdet magħna Danica wkoll.

Lydon, tieħu pjaċir meta jistidnuk?

Lydon: Nieħu ħafna pjaċir!

Jomike: Għamel xi żmien Lydon beda jiddejjaq. Il-Milied li għadda kien ikollna xi ħaġa kuljum. Beda jgħidli li ma kellux ħin jilgħab ftit. Kellna l-Istrina, parties, intervisti... ma xtaqtx narah jiddejjaq. Immaġina xħin jiġi mill-iskola kont ngħidlu biex jippakkja ħalli mmorru xi mkien. Beda jiddejjaq ftit u ma tagħtihx tort! Imma meta konna mmorru kien jieħu pjaċir jitkellem man-nies. Konna mmorru l-Belt u kulħadd jiġi jieħu ritratt miegħu. It-tifel kulma għandu 5 snin u issa beda jifhem li hu popolari. Bdejt infiehmu ftit u bil-mod il-mod beda jieħu gost aktar u jaċċetta.

X’jgħidulek it-tfal tal-iskola?

Lydon: Jgħiduli proset u hekk. Idoqquli d-diski tiegħi ta’ Malta’s Got Talent. Jgħiduli biex ngħannilhom u joqogħdu jilagħbu miegħi.

U inti għalfejn dejjem tidħaq?

Lydon: Inkun ferħan u nixtieq li kulħadd ikun bħali!

Liema hi l-isbaħ makkjetta li ktibt?

Jomike: Jien togħġobni ħafna tal-Milied, Ittra lil Santa Klaws li hija waħda mill-isbaħ miktubin. Fil-makkjetti normali, waħda li togħġobni ħafna jisimha Il-Kalendarju, li qiegħda fl-album il-ġdid.

Lydon: Jien l-aktar waħda favorita tiegħi hi, Parir mingħand missieri.

Il-makkjetti mill-Malta’s Got Talent spiċċaw fissillabu tal-iskola! Tgħidilna ftit is-sehem ta’ Lydon fl-iskejjel?

Jomike: L-għalliem George Cremona t’Għawdex, ċempilli u qalli li kien ser jorganizza xi klassijiet online bis-sehem ta’ Lydon. Barra George, bagħtuli ħafna għalliema biex jużaw il-kliem tal-kanzunetti tiegħi. Qaluli li ġo fihom jaraw ħafna kliem bil-Malti interessanti, eżempju flok ngħajjat nuża l-kelma nħanxar! Inħobb nuża ħafna kliem li rari nużawh biex nagħtuh ftit ħajja. Fejn nista’, nuża Malti li ma nużawx is-soltu biex l-espressjonijiet joħorġu isbaħ. Il-Malti sabiħ wisq!

Hemm xi għannej li jispirak?

Jomike: John Laus, għalija, kien għannej prim! Ma kiteb ebda għanja bil-pinna, imma kien iżomm kollox ġo moħħu! Immaġina mal-400 taqbila! Jien ix-xogħol tiegħu narah perfett, kellu leħnu straordinarju. Kien jgħanni ta’ mara, ta’ raġel, jibdel l-ilħna u kien jagħti prestazzjoni mill-isbaħ!

Naf li apparti John Laus, jispirak ħafna l-mużiċist Augusto Cardinali. Min hu għalik?

Jomike: Augusto qisu t-tieni missier tiegħi fejn tidħol il-mużika! Ħabib kbir u dejjem jara kif jagħmel biex jikkuntentani. L-ewwel darba li mort għandu konna grupp ta’ għannejja u bqajt dejjem naħdem miegħu. Augusto jagħmilli l-arranġamenti mużikali tal-makkjetti kollha. Jien immur bil-melodija u hu jirranġali l-kanzunetta kif inkun nixtieq. Lil Lydon beda jmexxih hu u ħajru biex jibda jkanta u jdoqq il-pjanu.

Lydon ħa jibda jitgħallem il-pjanu?

Jomike: Meta konna mmorru nirrekordjaw xi makkjetta għand Augusto, kien jarah idoqq il-pjanu u joħloq ilmelodija, u beda jinteressa ruħu. Xtrajtlu wieħed għax xtaqu u issa qed jitgħallmu. Lydon jitgħallem malajr u dan il-pjanu jilgħab bih aktar mill-ġugarelli. Nieħu pjaċir narah jitgħallem u jesperimenta. Issa wkoll qed imur għallezzjonijiet tal-kant għand Julie Pomorski.

Allura Lydon, x’tixtieq issir la tikber?

Lydon: Pulizija u għannej!

Jomike: Ilu ħafna jgħid hekk issa! Darba konna qegħdin nieħdu ġelat, forsi kellu xi 3 snin... Ħin minnhom tefa’ l-ġelat maġenbu, għamel sieq fuq sieq u beda jgħanni. In-nies bdew jinġabru jarawh jgħanni u jien bdejt niħmar bil-mistħija. Lydon riedni nkanta miegħu, imma jien kont qed nistħi. Kulħadd iggustah, u bdew jitfgħulu l-flus biex jgħanni aktar. Xħin kien qed jgħanni, ra pulizija tat-traffiku li waqaf biex jarah. Dan Lydon ġie fuqi u talabni nsaqsieh setax jitla’ fuq ilmutur. Lil dan il-pulizija xħin saqsejtu, tgħidx kemm ħa gost. Tela’ fuq il-mutur, beda jispjegalu kif jintuża, beda jixgħellu d-dwal u l-għada riedni bilfors nixtrilu mutur tal-pulizija.

Illum għandu ħafna pulizija fuq Facebook li jibagħtulu xi affarijiet. Jien missieri fil-korp u naħseb li minn hemm beda l-interess.

Inti tiffoka ħafna fuq ir-relazzjoni tagħkom, mat-tifel, imma kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ missierek?

Jomike: Missieri ma tantx hu dilettant tal-għana, m’intix ħa tarah ġo xi ħanut. Missieri jistħi ħafna aktar minni, imma l-hena tiegħu jismagħna ngħannu u nieħdu pjaċir. Ikun l-ewwel wieħed li jisma’ xi għanja ġdida li nkun ktibt jien. Missieri dilettant kbir tal-karozzi u ħadtha minnu din! Nieħdu pjaċir nitkellmu fuqhom. Apparti minn hekk, missieri trabba ġol-għelieqi u żera’ fija n-namra tal-għalqa, għalkemm hu ma tantx iħobbhom dawn l-affarijiet.

Xi tgħidli fuq il-passatemp tal-għalqa?

Jomike: L-għalqa nieħu pjaċir u nirrilassa ħafna. L-hena tiegħi meta mmorru nqattgħu ftit ħin hemm. Jien trabbejt l-għalqa tista’ tgħid, kellna biċċa sqaq is-salib fejn illum hemm Mater Dei. Hemm trabbejt, naqta’ l-ħaxix, niżbor is-siġar, niġri wara l-friefet, b’xi tiġieġa ddur ma’ saqajja, xi gidi biċ-ċinga niġri bih... Dik il-ħajja nimmisjaha, allura nipprova li dawn l-affarijiet inderrihom lil Lydon u fil-futur lit-tarbija l-ġdida. Tant togħġobni li kieku kelli nneħħi d-dar u ngħix ġo razzett nagħmilha!

Danica: Għandna għalqa żgħira u nieħu ħafna pjaċir meta mmorru fiha, imma li ngħix fiha ma nafx! Minn banda togħġobni l-ħajja, fil-kwiet u l-hena, imma naħseb li kieku kelli niġi biex nagħmilha, ma nafx x’nagħmel, għax in-nies inħobbhom u l-kumpanija togħġobni. Lydon: Jien nagħżel li ngħix ġo għalqa però fil-weekend immorru d-dar!

Kif inhi r-relazzjoni tagħkom mat-tifel?

Jomike: Lydon huwa l-ħabib tagħna, naqbdu miegħu, niċċajtaw miegħu u naraw li ma jonqsu xejn. Jekk jitlobni din, inġiblu tnejn, li jista’ jkun forsi qed nagħmel ħażin. Id-dar nitkellmu miegħu u ndaħħluh anke fid-deċiżjonijiet li jkunu addattati għalih. Saħansitra, jekk inkun ħa nixtri karozza nieħdu jaraha u nistaqsih għall-opinjoni, minkejja li għadu żgħir! Tiskanta x’parir jista’ jagħtik.

Minn qalbna nawguraw il-familja ta’ Jomike u Danica l-isbaħ xewqat għat-tarbija l-ġdida li ser titwieled f’Awwissu li ġej. Ċertament li b’Jomike u Lydon ser nisimgħu ħafna aktar fil-futur għax huma duo mill-aqwa.

This article is from: