4 minute read

Ivan Gaffiero – il-preżentatur u missier maħbub u li jgħin lil ħafna

IVAN GAFFIERO

Advertisement

Il-preżentatur u missier maħbub u li jgħin lil ħafna!

Ivan Gaffiero huwa missier ta’ żewġ ulied, missier ta’ ħafna studenti tal-modelling, ħabib ta’ ħafna semmiegħa li jisimgħu l-programm tiegħu tard filgħaxija u negozjant. Iżda tajjeb li tkunu tafu li Ivan kellu jibda mix-xejn, saħansitra għamel perjodu li ma kellux saqaf fuq rasu! Illum hu ta’ spalla għal ħafna nies u fil-fatt għamilna din l-intervista ġoluffiċċju/ħanut li fetaħ apposta biex ikun jista’ jilqa’ n-nies u jgħinhom fid-diffikultajiet tagħhom.

Ħa niħdok lura għal meta sirt taf li ser tkun missier għall-ewwel darba. Tirrakkontalna ftit x’ġara?

Mela jien sirt missier ta’ età żgħira, kelli tnejn u għoxrin sena; nista’ ngħid li kien l-isbaħ mument ta’ ħajti. F’dawk id-disa' xhur jiena u l-mara tgħidx kemm konna ħerqanin nistennew l-ewwel tarbija tagħna, Tiziana, li llum għandha ħamsa u għoxrin sena. Tiziana ġabet ħafna ferħ għalkemm f’dak il-perjodu, jien u l-mara konna għaddejjin minn żmien vera diffiċli għax konna spiċċajna bla dar fejn noqogħdu u l-vjaġġ tiegħi bħala missier beda bi tbatija. Iżda kif kellna lil Tiziana f’idejna nsejna kollox.

Jiġifieri meta twieldet Tiziana intom kontu bla dar?

Sfortunatament aħna għaddejna minn problema vera kerha – fil-bidu taż-żwieġ tagħna konna ppreparati li ser nkunu qed ngħixu ma’ membru tal-familja, però l-affarijiet ma ġrawx hekk u spiċċajna mkeċċija minn din id-dar. Ilmara kienet diġà tqila meta spiċċajna barra fit-triq, imma mbagħad il-Bambin ipprovdilna post żgħir, żewġt ikmamar kollox. Infatti llum il-ġurnata nifhem sew minn xiex jgħaddu dawk in-nies li ma jkollhomx saqaf fuq rashom.

Wara tmien snin ħadt ferħa oħra! Għidilna ftit fuq it-twelid ta’ Martina...

Wara tmien snin kellna liż-żgħira, Martina, li llum għandha sbatax-il sena. It-twelid ta’ Martina bħal donnu reġa’ tani spinta fil-ħajja tiegħi, għaliex f’dawk it-tmien snin ukoll kellna mumenti ta’ tbatija u anka nuqqas ta’ finanzi. Martina wkoll ġabet ħafna ferħ.

Ftit snin wara t-twelid ta’ Martina, jien u l-mara sseparajna, imma xorta waħda bqajna ħbieb anka minħabba t-tfal. Wara li sseparajt jien ħriġt l-istorja tiegħi, li kont isseparajt u qlibt is-sesswalità tiegħi bħala gay. Però f’ħajti ma nħossx li għamilt żball għax kieku ma kienx għal dak iż-żwieġ, kieku jien m’iniex missier u m’iniex kuntent bit-tfal. Ma jiddispjaċini xejn li jien missier. Minkejja dak li jien illum, xorta waħda għandi relazzjoni sabiħa ferm mat-tfal u nħobbu ħafna lil xulxin, pjuttost qishom il-ħbieb tiegħi.

Kif ħaduha t-tfal li ser tisseparaw?

Meta saru jafu li se ninfirdu, Tiziana kellha tnax-il sena u Martina kellha biss erba’ snin, infatti lil Martina ma tantx

affettwatha imma l-kbira ħasset aktar in-nuqqas tiegħi. Il-bidu kien iebes, anka għalija peress li kont tlaqt mid-dar. Kont ngħix waħdi, norqod waħdi u anka nibki waħdi, kont ngħid ara fiex ġejt bħal donnu kont inwaħħal fija nnifsi li spiċċajna hekk. Għall-ewwel sena lit-tfal kont narahom biss, ma kinux jorqdu għandi għaliex ma ridtx li nħawdilhom ir-rutina. Lit-tfal kont nimmissjahom ħafna, inħares lejn ir-ritratti tagħhom u nibki. Jien minn dejjem kelli relazzjoni tajba mat-tfal, anka meta kienu trabi jien kont inqum billejl għax il-mara kienet tbati minn postnatal depression u t-tfal minn dejjem kienu miġbudin ħafna lejja. Meta bdew jikbru ġieli staqsejthom jekk iridux li nerġa’ lura d-dar imma huma kienu jgħiduli li l-aqwa li jarawni kuntent u dik jien dejjem apprezzajtha u b’hekk ir-relazzjoni tagħna dejjem baqgħet titjieb.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mat-tfal issa?

Illum Tiziana tgħix id-dar miegħi u ż-żgħira spiss tiġi żżurni wkoll. Mat-tfal fuq kollox nitkellem, jagħtuni pariri u anka jirrabjaw miegħi meta nkun, kif jgħidu, “too good”. Tiziana wkoll tinteressa ruħha fix-xogħol li nagħmel jien, filkumpanija privata tiegħi u ma tistax għaliha meta xi ħadd jikteb xi ħaġa kontrija fuq il-mezzi soċjali.

Tgħidilna ftit fuq missierek. Kif inhi r-relazzjoni tagħkom?

Ir-relazzjoni tiegħi ma’ missieri hija sabiħa. Ma kontx hekk ħa nkun onest, kont naħseb li missieri ma jifhimnix għax jien minn dejjem kont il-fessud t’ommi u taf kemm inħobbha. Imma missieri wara li ġara li ġara fiż-żwieġ tiegħi, sar jifhimni ħafna u aċċettani kif jien u dik l-isbaħ ħaġa li missieri tani.

X’inhu l-aqwa rigal għal Jum il-Missier?

Jien ma nistax ingerger minn uliedi, għax uliedi ħa jkunu miegħi u dejjem qegħdin qrib tiegħi, imma l-ikbar rigal li tista’ tagħti lil missierek li mqar f’Jum il-Missier taħseb fih, imqar ittih kartolina żgħira u dak ir-rigal żgħir, jew forsi tmur dawra miegħu jew toħorġu, għaliex il-missier iħoss. Aħna ħafna drabi nsemmu, imma daqskemm tħoss l-omm ma jħossx il-missier, imma għandhom żball għaliex kemm l-omm u anka l-missier iħossu għal uliedhom. Il-missier ukoll għandu r-responsabilità għal uliedu u jrid jara li jkunu komdi fil-ħajja. Wara kollox l-isbaħ rigal li tħobbu u tirrispettah, u għamel x’għamel missierek jew ommok ftakar li huma ġabuk fid-dinja u allura inti trid tkun hemm u tħobbhom. Ftakar li lil missierek illum tista’ tagħtih rigal u s-sena d-dieħla ma tafx jekk hux ħa ttihulu f’idu jew ħa tmur tagħmel il-fjuri fuq il-qabar. Uri l-imħabba ta’ persuna meta jkun għadu miegħek mhux wara mewtu.

L-intervista ma’ Gaffiero tkompli x-xahar id-dieħel fir-rivista ta’ Lulju. Minn qalbna nawguraw lil Gaffiero u lill-missirijiet kollha l-isbaħ xewqat f’Jum il-Missier.

Ritratt: DV Photography

This article is from: