Storja Prinċipali
IN-NANNA MONICA
It-tieni omm ta’ Destiny
Peress li Destiny toqgħod man-nanna tagħha, ħsibna li nitkellmu magħha wkoll u nistaqsuha ftit mistoqsijiet fuq in-neputija! In-nanna Monica qisha t-tieni omm ta’ Destiny għax tieħu ħsieb li tippreparalha kollox. M’għandniex xi ngħidu, Destiny hija l-mimmi t’għajnejha u tara li ma jonqosha xejn. Kif tiddeskrivi lil Destiny? Destiny hija tfajla allegruża u storbjuża imma qalbha tajba. Jien naraha li tmur tajjeb ma’ kulħadd, anzi tipprova tagħmel li tista’ biex tirranġa ma’ dak li jkun. Tiftakar meta twieldet Destiny? Għaddew 18-il sena u għadni niftakar qisu lbieraħ; kienet l-ewwel neputija tagħna. L-ewwel ħarġa mill-isptar ta’ Destiny kienet proprju għandi! Kellna u għad għandna d-dinja biha. Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tagħkom? Relazzjoni tajba ħafna u mmorru tajjeb ħafna flimkien. Imma Destiny ġieli tibda tkanta u teħodli rasi. Ġieli nitlobha biex tmur f’kamra oħra għax tistordini. Inkella tinqafel
fil-kamra tagħha u ma tinżilx ħdejna. Hemm nirrabja ftit magħha! Min jaf kemm timmissjaha meta ma tkunx miegħek! Ħafna. Xħin ngħaddi minn ħdejn il-kamra tagħha u naraha vojta, niddejjaq ħafna. Is-sena l-oħra fil-bidu tal-pandemija, Destiny kienet għamlet xi żmien tgħix m’ommha u missierha għal xi xahrejn u vera ħassejt in-nuqqas tagħha. Xi tqabbdek tagħmel? Kollox nagħmlilha, mit-tindif tal-kamra sal-ħwejjeġ! Imma l-ikel tkun trid tippreparah hi. Imma taħsibx li ser tnaddaf warajha tafx! Tal-inqas issajjar tajjeb ħafna. Meta ġġib ilħbieb tagħha d-dar, tieħu ħsieb li tnaddaf kullimkien u ġġib kollox nadif tazza! Bla dubbju, Destiny hija żagħżugħa mimlija imħabba u li tgħożż il-familja tagħha. Tfajla simpatika, bl-leħen impekkabbli li ser tagħmel lil Maltin u Għawdxin kburin. Nawguraw lil Destiny l-isbaħ xewqat, kif ukoll nawguraw lil omm u n-nanna ta’ Destiny l-isbaħ xewqat f’Jum L-Omm.
GWIDA Mejju 2021 19