3 minute read
Intervista ma’ Ben Camille – Il-preżentatur ta’ X Factor Malta
from Gwida November 2021
BEN CAMILLE
Il-preżentatur ta’ X Factor Malta
Advertisement
Ritratti: Albert Camilleri (X Factor Malta)
Minn Ottubru reġa’ beda l-programm popolari, X Factor Malta. Kull nhar ta’ Ħadd qed niltaqgħu ma’ talent interessanti li għandna f’pajjiżna. Produzzjoni tal-ogħla livell li qed tħalli lil kulħadd b’ħalqu miftuħ. Iltqajna mal-preżentatur Ben Camille u tkellimna ftit fuq dan il-proġett. Għattielet sena, Ben reġa’ ntgħażel biex jippreżenta dan il-programm.
Konna ilna ftit ma narawk fuq it-TV. X’kienet ir-reazzjoni li ħa terġa’ tippreżenta dan il-programm?
Tal-ġenn! Naħseb li X Factor Malta hu l-aktar programm segwit li hawn f’Malta, skont ma jien infurmat. Kien ta’ pjaċir u unur għalija li għattielet sena konsekuttiva qed naħdem ma’ tim brillanti, professjonali u dħuli.
X’qed tistenna mit-tielet staġun?
Bħalma diġà rajna, f’dan l-istaġun hemm talent enormi. Diġà rajna ftit mit-talent fl-auditions li ntwerew iżda dan kollu ser jiżdied. Ċert li n-nies ser jibqgħu affaxxinati iżjed minn qatt qabel b’dak li ser jaraw. Naħseb li f’dan l-istaġun sibna talenti varji li ser jissorprendu lil kulħadd.
Liema familjari ta’ kantant/a/i ħadt gost l-aktar tintervista/tqatta’ l-ħin magħhom qabel jibda x-xow?
Ħa nkun onest miegħek, l-auditions ta’ X Factor huma l-aktar parti emozzjonali u ta’ sfida għalija bħala preżentatur u wkoll mill-lat uman. F’ħin qasir u limitat naraw ħafna kontestanti differenti. Jien inkun hemm mal-membri tal-familja tagħhom. Inkun hemm għas-sapport kemm f’mumenti sbieħ u anke f’dawk koroh. Issa li jien ġenitur ukoll, nista’ nifhem perfettament il-mod kif dik l-omm/missier/zija/nannu jew kwalunkwe persuna li takkumpanja l-kantant tħossha meta tara lill-qarib tagħha jkanta quddiem il-ġurija. Dak il-mument ikun intens ħafna, sitwazzjoni fejn nimtela b’eċitament magħhom. Kulma taraw fuq it-televiżjoni hu kollu minnu, jien verament inkun qed inħoss għall-kantanti, jiġri x’jiġri.
Liema kantant/a/i baqgħu l-favoriti tiegħek miż-żewġ staġuni?
Hemm wisq. Bħala preżentatur ta’ dan ilprogramm, speċjalment fil-live shows, ikolli l-opportunità li nsir naf il-kantanti kollha fil-qrib u nispiċċa bħala ħabib ma’ ħafna minnhom. Dak iż-żmien inqatta’ aktar ħin magħhom minn ma’ tad-dar (waqt il-live shows). Hemm wisq nies li huma f’qalbi biex insemmi lil xi wieħed/waħda partikolari.
Għaliex tħoss li l-X Factor hu importanti?
Minn lat ta’ televiżjoni u xena tal-entertainment, naħseb li tella’ l-livell ta’ produzzjonijiet televiżivi f’Malta. Min-naħa ta’ mużika, naħseb li qed jagħti pjattaforma lill-artisti biex jesprimu lilhom infushom u jgħixu l-ħolm tagħhom.
L-emozzjonijiet li jkun hemm fis-sezzjoni tal-live show huma indeskrivibbli, kull artist joħlom biex ikun hemm. Apparti minn dan, l-effett li X Factor iħalli fuq il-parteċipanti meta jispiċċa huma kbar. Dan narawh f’għadd ta’ kantanti li diġà ħadu sehem u kisbu popolarità qawwija fuq il-mezzi soċjali wara li ntemm il-programm.
Lil hinn minn X Factor, nixtiequ li nitkellmu ftit fuq il-familja tiegħek. Elle din is-sena ser tibda skola, kif qed tippreparawha?
Naħseb aktar hi ta’ wġigħ ta’ ras kif ser nippreparaw ruħna jien u Kristina. Elle hija tarbija ta’ Diċembru allura għandha inqas ħin ta’ preparazzjoni għall-iskola. Il-pandemija biex tgħaxxaq kollox ma tantx għenet għax ma setax ikollha aċċess għaċ-child care. Imma lil hinn minn dan kollu, Elle bħalissa tinsab eċitata immens li ser tibda skola. Hi ser tkun qed tattendi St Michael’s.
Ngħaddu ta’ spiss minn quddiem l-iskola u kull darba li ngħaddu nfakkruha u ngħidulha xi ħaġa biex inżidulha l-eċitament bħal, “Ara Elle, din ser tkun l-iskola l-ġdida tiegħek, ara kemm hi sabiħa!”. B’hekk inkunu qed ngħinuha. Għall-bidu ma tantx ġbidnielha l-attenzjoni u hi ma kellha ebda reazzjoni għal dan, imma ftit ġranet ilu erġajna għaddejna u kienet hi li ntebħet bl-iskola u qaltilna, “Ara mamà, papà, l-iskola tiegħi kemm hi sabiħa”.
Kif inhi r-relazzjoni ta’ Elle u George flimkien?
Sabiħa immens! L-imħabba li għandhom għal xulxin tferraħna ħafna. Hija imħabba indiskrivibbli. Elle ġġib ruħha ta’ oħt kbira. Ovvjament mhux kollox ward u żahar għax kull min għandu l-ulied jaf li jkun hemm xi ġlieda ’l hemm u ’l hawn. Xi drabi pereżempju, George ma jagħtix kas kemm hu b’saħħtu u meta jkun qed jilgħab jispiċċa biex ikun ftit goff, u Elle tispiċċa bil-geddum. Imma xeni bħal dawn ma nkunx irrid nitlifhom, ħelwin wisq. Waħda mill-affarijiet li eċitat dwarha u ħerqan ħafna li nagħmilha hi li nġib lil Elle fuq is-set ta’ X Factor Malta. Illum il-ġurnata tifhem sew u naf li tħobbhom dawn l-affarijiet. Apparti minn dan, għal George din ser tkun l-ewwel darba li ser ikun qed jarani fuq it-televiżjoni.
Awguri lil Ben u t-tim ta’ produzzjoni ta’ X Factor Malta. Tinsewx kull nhar ta’ Ħadd fuq TVM.