4 minute read
Intervista ma’ Charles Stroud – Direttur ta’ Ulied il-lejl
from Gwida November 2021
CHARLES STROUD
Fuq Ulied Il-Lejl
Advertisement
Ulied Il-lejl hu d-drama li qed jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fuq NET Television. Kyle Zarb iltaqa’ ma’ Charles Stroud, biex immorru wara l-kwinti ta’ din id-drama.
Tgħidilna ftit kif nibtet l-idea għal din is-sensiela?
Kont qed naħdem fuq sensiela oħra li ħierġa bħalissa u diġà kont qed ninkwieta x’ser nagħmel wara. Ikkuntattjani Karl Gouder minn NET TV u stedinni biex nidderieġi sensiela bbażata fuq il-kotba ta’ Charles Micallef Saint John li kienu ġew issuġġeriti mill-Operations Manager tan-NET Clayton Tanti – SUWED ULIED IL-LEJL. Aċċettajt basta nieħdu l-ħin għall-preparazzjoni u li jingħata attenzjoni għal kull dettall. Minn direzzjoni spiċċajt nieħu ħsieb il-kitba u l-produzzjoni wkoll.
Ser naraw xi ħaġa differenti f’din is-sensiela minn produzzjonijiet tal-passat?
Jien għalija kull produzzjoni fiha d-diffikultajiet u aspetti differenti, u kull ħaġa li għamilt għamiltha b’ħilti kollha għas-sodisfazzjon tal-udjenza. L-istejjer dejjem differenti. F’din il-kitba, l-udjenza ħa tesperjenza rakkont sempliċi b’dettalji interessanti u eċitanti.
Xi sfidi ltqatju magħhom peress li hi sensiela ambjentata fi żmien ieħor?
L-ewwel u l-aqwa kienu l-locations. Għax-xeni ta’ ġewwa, il-biċċa l-kbira solvejnieha billi nbena kumpless ta’ kmamar ġo studios li NET għandhom f’Santa Lucia. Total ta’ erbatax-il kamra nbnew bi spazju biżżejjed, minbarra
għall-atturi, kamera, sound, dwal u krew. Ix-xeni ta’ barra kienu problema akbar milli ħsibt. M’hawnx post f’Malta li mhux minsus bl-avvanzi moderni bħal serer tal-plastik, pannelli, arbli tad-dawl, sinjali mal-ħitan u mat-toroq, u mitt ħaġa oħra. Ukoll fuq il-ħitan tas-sejjieħ sibna bricks tal-konkos, u tħażżiż ta’ mħabba b'dati riċenti. Imma bl-għajnuna ta’ bosta qed insolvu l-problemi.
Kostumi wkoll kienu għaljin wisq biex jinkrew u l-kostumista Elvia Leone Ganado ħadet biċċa xogħol immens biex jinħietu mill-ġdid għallatturi u għall-extras kollha. Il-make up ta’ Angele Stafrace mhux biss biex isebbaħ imma wkoll iħammeġ il-bdiewa, tallaba u t-tfal jilagħbu fittajn. Imbagħad hemm is-sħana, ir-riħ, il-ħsejjes, il-mard, is-safar... imma grazzi għall-assistenta tal-produzzjoni, Mariaelena Tanti Gregoraci, kollox jiġi solvut.
X’għandu jistenna l-pubbliku mill-kast ta’ din is-sensiela u l-karattri li ħa niltaqgħu magħhom?
Ma jistenna xejn ħlief uħud mill-aqwa li għandna fuq it-televiżjoni lokali bħalissa. Naturali u sinċiera. Il-karattri huma diversi fejn ħadt il-libertà biex nibni fuq dak li diġà kien hemm fil-kotba. Sitwazzjonijiet li m’għandhomx bżonn kliem. Emozzjonijiet li tarahom fl-għajnejn.
Bla ma trid tiġi f’moħħna din il-mistoqsija fid-dawl tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Kif affettwat il-pandemija tal-Covid-19 fil-ġbid ta’ din il-produzzjoni?
Ovvjament il-ħin kollu konxji ta’ dak li qed jiġri u kull minuta attenti għall-ewwel sintomi f’kull membru tal-kast u krew. Tlifna ġranet minħabba kwarantina, swab tests, tobba u distanzi minn xulxin. Imma nirringrazzjaw lil Alla li mixjin.
Immorru lura fiż-żmien. Kieku kellek issemmi sensiela waħda li dderiġejt, u li l-pubbliku jibqa’ jsemmilek u taħseb li baqa’ jiftakar, liema hi?
Meta tkun qed tidderieġi, għall-inqas jien, nagħmel ħilti kollha li dak li qed nagħmel ikun l-aħjar li nista' nagħmel f’dak il-mument, bil-faċilitajiet, finanzi u riżorsi li jkolli għal dik il-produzzjoni partikolari. Jekk saqsejtni liema l-aktar li tani sodisfazzjon, ngħidlek kollha, għax f’kollha kont qed nagħmel dak li għalija hu ħajti. Ħafna nies isemmu F’Baħar Wieħed, jew Kristu Tal-Kerrejja, jew Pupi, jew Krist fl-Iżbarra, imma hemm ħafna oħrajn.
Għaliex taħseb?
Aktar ma t-telespettaturi jsemmu jew jiltaqgħu ma’ isem ta’ drama, tidħol aktar f’moħħhom, mhux għax veru li dik tkun l-aħjar imma għax l-aktar li ssemmiet. Fl-aħħar survey tal-Awtorità tax-xandir reġa' deher F’Baħar Wieħed meta dan sar daqs għoxrin sena ilu u li l-kittieb Lino Grech ma kienx iżommu bħala l-aħjar li qatt kiteb.
Kemm hi faċli jew diffiċli biex tagħżel il-kast li ħa jkun qed jieħu sehem fil-produzzjonijiet tiegħek u kif saret l-għażla ta’ dan il-kast partikolari?
Issa ormai drajt ħafna mill-atturi televiżivi Maltin u awtomatikament tibda timmaġina lil dak u lil dik fit-tali parti. Imma jien illum nemmen li xorta jkun hemm bżonn audition. Ħafna atturi din ma jifhmuhiex u jippretendu li jiġu magħżula xorta waħda. Jien mhux hekk. Jien infittex challenge għall-attur biex hu joħroġ karattru ġdid, differenti minn dak li s-soltu jaħdem. Saru auditions u rajna ħafna, ħafna nies. Kien hemm min ħareġ diżappuntat li ma ġiex magħżul għax tajjeb kemm hu tajjeb ma kienx hemm karattru li joqgħodlu. Oħrajn ġodda wrew talent moħbi u ngħataw l-opportunità. Kien eżerċizzju twil imma sodisfatt ħafna bir-riżultat.
X’inhuma dawk l-affarijiet li tfittex f’attur?
Waqt il-provi tal-auditions u saħansitra waqt il-ġbid proprju, inħares f’għajnejn dak li jkun u nipprova naqralu qalbu, x’qed iħoss, mhux biss dak li qed jgħid, imma dak li l-kliem qed jaffettwah, u nżid jew nikkoreġi u nidderieġi lejn id-destin tal-istorja. Aktar ma l-attur ikun flessibbli u jagħti interpretazzjonijiet differenti, aktar nistgħu naħdmu flimkien. Ħafna drabi nispiċċa li permezz ta’ kelma waħda mingħandi, l-attur jifhem u jinterpreta l-karattru b’mod aktar reali.
Infittex, serjetà, sinċerità, li jisma' u joħloq.