4 minute read

Black Friday – is-Sale li kulħadd jistenna

BLACK FRIDAY

Black Friday li oriġina fl-Istati Uniti, sar kunċett dinji, u hija ġurnata magħrufa sew bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin. Fl-Istati Uniti xi ħwienet jiftħu sa minn nofsillejl dakinhar ta’ Black Friday u jagħmlu dan sabiex jiffaċilitaw kju twil ta’ nies li bi ħġarhom joħorġu sabiex jakkwistaw prezzijiet tant imraħħsin fuq kull oġġett li tista’ timmaġina jew taħseb fih.

Advertisement

Din is-sena, Black Friday ser tiġi ċċelebrata f’Malta u f’Għawdex fis-26 ta’ Novembru, però attenti għaliex diversi stabilimenti u ħwienet, minflok Black Friday, qegħdin jiċċelebraw Black November! Għalhekk, ilprezzijiet imraħħsa u raġonevoli m’intix ser issibhom biss dakinhar tas-26 ta’ Novembru, però matul ix-xahar ta’ Novembru kollu!

Fl-aħħar mill-aħħar, min ma jħobbx jagħmel xi bargain tajjeb?

Proprju dan huwa Black Friday – offerti tajbin, valur għal flusek, prezzijiet imraħħsa ferm, raġonevoli u għall-but ta’ kulħadd, u fuq kollox kwalità tajba. Hija l-ġurnata u anka l-perjodu fejn kapaċi takwista dak l-oġġett li ilek li tfajt għajnejk fuqu għall-prezz ferm orħos jew inkella b’xi offerta tajba u li tolqot il-but tiegħek. Ejja naraw ftit x’tista’ tagħmel u kif tista’ tipprepara ruħek sabiex tibbenefika tassew mill-offerti u mill-prezzijiet imraħħsin li ser tiltaqa’ magħhom fi Black Friday.

Dak li trid u dak li għandek bżonn

Tajjeb li nagħmlu distinzjoni bejn dak l-oġġett li ser nixtruh għax irriduh, u dak l-oġġett jew oġġetti li ser nixtruhom għaliex għandna bżonnhom. Sabiex wieħed jipprepara lilu nnifsu għall-offerti ta’ Black Friday, ta’ min jibda billi jagħmel lista ta’ dawk l-affarijiet li jixtieq jixtri u lista oħra tal-affarijiet li jeħtieġ jixtri proprju għaliex għandu bżonnhom. L-affarijiet li nkunu nixtiequ jaf hija lista li ma tispiċċa qatt, fejn naf jien, dik il-libsa li ilek tara fil-vetrina, dak il-basket, dak l-ornament għad-dar il-ġdida, dak is-sett tapiti ġodda għal ġol-karozza, dik ir-rota talaħħar mudell issuġġerita għat-taħriġ, dik il-biċċa għodda li ser tħaffiflek xogħlok però li s’issa għadek ma xtrajtx

għaliex prezzha kien għadu kemxejn għoli, fost diversi affarijiet oħrajn. Insomma, lista li ma tispiċċa qatt.

Mill-banda l-oħra, ikun hemm affarijiet li wasalna biex nixtruhom għaliex għandna bżonnhom jew għaliex wasalna sabiex nibdlu l-affarijiet li għandna għal dawk ġodda u ta’ kwalità aħjar. Din il-lista jaf tkun tinkludi affarijiet bħal ngħidu aħna xi kitla ġdida għaliex li għandna qed trabbi l-ġebla, jew xi magna tal-ħasil, xi ħwejjeġ għall-istaġun tax-xitwa, xi saqqu komdu għaliex li għandek wasal u filgħodu qed tqum b’dahrek imgħawweġ, insomma, din il-lista jaf ukoll hija waħda twila u mimlija b’affarijiet li jeħtieġ li nakkwistawhom kemm jista’ jkun malajr. Għalhekk jeħtieġ li sa minn qabel ma mmorru fil-ħwienet biex nakkwistaw dawn l-oġġetti, nagħmlu ftit tal-homework bilgħaqal.

X’inhu l-homework li ser nagħmlu għall-Black Friday?

Apparti l-listi li ser nagħmlu li tkellimna fuqhom hawn fuq, jeħtieġ illi wieħed jagħraf il-prezz tal-oġġett minn qabel l-offerti jew inkella minn qabel it-traħħis fil-prezz. B’hekk wieħed ikun jista’ jara kemm ser jiffranka, x’offerta ser jieħu u forsi anka liema offerta jaqbillu jagħżel kif ukoll meta, liema u minn fejn jaqbillu jixtri dak l-oġġett, sew dak l-oġġett li għandu bżonn u kif ukoll dak l-oġġett li ser jixtri għaliex jixtieq jixtrih. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju wieħed ikun jista’ jikkumpara kemm il-prezzijiet kif ukoll l-offerti għand tal-ħwienet.

Ta’ min isemmi wkoll illi fil-gżejjer Maltin, Black Friday tista’ tgħid huwa magħruf f’kull ħanut u kull

stabiliment li jbigħ kull xorta ta’ affarijiet madwar l-irħula kollha. Il-ħwienet ikunu miżgħuda b’offerti, b’tabelli, b’kuluri jixegħlu li jiġbdulek l-attenzjoni jirriklamaw l-offerti u r-roħs filprezzijiet. Dawn jinkludu ħwienet tal-ħwejjeġ u tal-aċċessorji, ħwienet li jbigħu ornamenti taddjar u anka bċejjeċ għad-djar tagħna bħal magni tal-ħasil u tat-tindif, ħwienet tal-għodda u kif ukoll ħwienet li huma armati bl-għamara kemm ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra, stabilimenti li jbiegħu aġġeġġi elettroniċi fost il-ħwienet lokali l-oħrajn kollha li jkunu qegħdin joffru roħs fuq il-prezzijiet tagħhom. Ma jonqosx illi wieħed ukoll jibda jagħmel xi xiri għall-festa tal-Milied li niċċelebraw bi kbir kemm f’pajjiżna u kif ukoll madwar id-dinja fix-xahar li jmiss. Wieħed jista’ dlonk jagħmel il-lista tar-rigali u jixtri dawk ir-rigali lill-maħbubin tiegħu jew tagħha proprju fi Black Friday. Lokalment wieħed isib dak kollu li għandu bżonn, dak li jixtieq, u kif ukoll dak li joħlom li jakwista bi prezz verament bargain. Ix-xiri onlajn huwa mod ieħor ta’ kif wieħed jixtri dak li jkollu bżonn jew dak li jixtieq jixtri. Fil-Black Friday, l-iskontijiet fuq il-prezzijiet wieħed isibhom meta jagħmel ix-xiri tiegħu onlajn ukoll kemm minn siti lokali u kif ukoll minn siti internazzjonali.

Insomma, tajtkom ftit tagħrif rigward Black Friday, ftit ideat, u anka ftit tal-homework, sabiex tippreparaw għall-Black Friday, għall-offerti u l-prezzijiet imraħħsa, u anka sabiex tagħmlu l-aqwa bargain f’dan iż-żmien. Permezz ta’ bargain tajjeb jirnexxilek tixtri dak l-oġġett li forsi ilek tixtieq ukoll, u jekk kapaċi jnissillek tbissima, għalfejn le ?

This article is from: