6 minute read
Il-pjanijiet tiegħek għall-Milied
from Gwida November 2021
IL-PJANIJIET TIEGĦEK GĦALL-MILIED MINGĦAND IL-GWIDA!
Fi ftit iktar minn xahar ieħor ser inkunu qegħdin nawguraw Milied mimli saħħa, kuntentizza u paċi lil xulxin. Għaddiet kważi sena oħra u reġa’ wasal dak iż-żmien fejn fih b’mod partikolari niċċelebraw l-imħabba li għandna lejn xulxin, l-għaqda tal-familja u bejn il-ħbieb u s-saħħa. Huwa żmien fejn fost ħafna tlellix, tiżjin, dwal iteptpu ta’ kull lewn mad-djar tagħna u fit-toroq tal-irħula, bambini żgħar u ħelwin fit-tiben f’maxtura mixgħulin fit-twieqi ta’ ħafna djar Maltin u Għawdxin, u ornamenti sbieħ u ta’ kull xorta, niltaqgħu ma’ diversi membri tal-familji tagħna, mal-kollegi tax-xogħol, u ma’ xi ħbieb, kemm dawk li niltaqgħu magħhom ta’ sikwit u kemm dawk li ma niltaqgħux magħhom daqshekk spiss. Kif għedna, huwa żmien li fih nagħtu l-awgurju tagħna lil xulxin u għalhekk inqattgħuh ma’ dawk l-iktar għal qalbna, mal-maħbubin tagħna, mal-familji tagħna, ma’ dawk li magħhom naqsmu xi ċajta fuq il-post tax-xogħol sabiex tgħaddi l-ġurnata u wara nerħulha lejn id-dar bil-kwiet, u ma’ dawk il-ħbieb li fl-aħħar tal-ġimgħa nqattgħu xi siegħa jew tnejn.
Advertisement
Kif ser tgawdih dan il-Milied ?
Hemm diversi affarijiet u attivitajiet li tista’ tagħmel sabiex tgawdi dan iż-żmien ta’ festi sew jekk tiddeċiedi li tqatta’ ż-żmien f’Malta jew f’Għawdex u sew jekk tiddeċiedi li tqatta’ dan il-perjodu ta’ festi barra minn xtutna. F’dawn l-aħħar xhur għaddejna minn diversi taħbiliet fil-ħajja tagħna, u għalhekk ilkoll ninsabu ħerqanin sabiex ingawdu dan il-Milied bl-aħjar mod possibbli mal-familji, qraba u ħbieb tagħna.
Tagħmel x’tagħmel importanti żżomm f’moħħok l-importanza li tibbukja post għalik u għal dawk ilfamiljari jew ħbieb li ser tkun magħhom, u dan ukoll sabiex ma tiddiżappuntax ruħek. Bħalek hemm oħrajn li
ser jibbukjaw, għalhekk aħseb minn kmieni u tħallix għall-aħħar. Kif għedna, hemm diversi attivitajiet li wieħed jista’ jagħmel bħala mezz ta’ rilassament, pjaċir u divertiment. Wieħed jista’ jibbukja mejda f’xi ristorant lokali kemm fil-gżejjer Maltin u kif ukoll Għawdxin. Ta’ min ma jħallix wisq għall-aħħar sabiex jagħmel dan, u qabel ma jibbukja jara x’inhuma l-gosti tal-ikel tal-familjari jew tal-ħbieb tiegħu sabiex l-għażla tal-ikel tkun waħda li tolqot il-gosti ta’ kulħadd. F’dan iż-żmien ir-ristoranti jkunu qegħdin jipprovdu ikel mill-aqwa u kif ukoll menu speċjali proprju għaż-żmien tal-Milied. Minflok ma joħroġ mid-dar tiegħu, wieħed jista’ wkoll jistieden xi familjari jew xi ħbieb id-dar. Filwaqt li jista’ jipprepara xi riċetta speċjali, jista’ wkoll jordna l-ikel minn xi ristorant lokali u dan jasal wara l-bieb tad-dar fi ftit tal-ħin.
M’għandniex xi ngħidu għal-lukandi kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex li għaż-żmien tal-Milied ikunu qegħdin joffru pakketti tajbin ħafna kemm għall-vaganzi qosra fil-lukanda u kemm għall-vaganzi itwal. Il-lukandi ikunu armati b’tiżjin il-ġmiel tiegħu, b’atmosfera li tpaxxik, b’ambjent għall-familja kollha u b’divertiment għal kull età, minn dawk ta’ età żgħira sa dawk iktar maturi fl-età. M’għandniex xi ngħidu għall-ikel. L-iprem koki jkunu ilhom iħejju riċetti partikolari u bnini sabiex għal dawn il-festi jkunu preparati sabiex idewqu kemm lill-Maltin u kif ukoll lil dawk ta’ nazzjonalità barranija li għażlu li jqattgħu l-festi f’Malta, ikel Malti li huwa tajjeb, ġenwin, frisk u bnin. Btala qasira f’xi lukanda fil-gżejjer tagħna hija mod ieħor ta’ kif wieħed igawdi l-festa tal-Milied, fejn jirrilassa u fejn għandu kollox maħsub għalih. Il-lukanda tkun mgħammra b’kollox u b’dak kollu li wieħed jista’ jkollu bżonn sabiex verament igawdi din il-festa u kif ukoll biex jistrieħ. Għalhekk kulma trid tagħmel huwa li tibbukja post għalik u għall-maħbubin tiegħek, u tista’ sserraħ moħħok li ser ikollok Milied mill-aqwa, fejn kollox huwa maħsub u pjanat għalik.
Fi żmien il-Milied diversi kumpaniji lokali jorganizzaw panto tal-Milied u spettakli marbutin ma’ dan iż-żmien fejn l-atmosfera tkun waħda meraviljuża u fejn l-ambjent huwa adattat għal kulħadd ukoll. Attività bħal din hija ideali kemm għall-familji, kemm għażżgħażagħ kif ukoll għall-anzjani. L-atmosfera f’xi teatru mill-isbaħ Malti, il-mużika, il-kesħa, il-ħwejjeġ xitwin, it-tbissima fuq fomm it-tfal ċkejknin immeraviljati bil-kostumi tal-Milied talatturi u d-dwal spettakolari fit-teatru flimkien mas-sħana li jarmu huma stess, bla dubju
huma biżżejjed sabiex jagħmlu dan l-avveniment talMilied wieħed indimentikabbli. Il-postijiet disponibbli għall-attivitajiet bħal dawn jittieħdu f’tebqa t’għajn u għalhekk jeħtieġ li taħsiblu minn tal-ewwel. Tinsiex, l-adulti wkoll jagħmlu kif kultant jagħmlu t-tfal, fi kliem ieħor, twebbel lil ħadd b’xi lejla xitwija f’xi teatru Malti mbagħad tgħidlu jew tgħidilha li ma lħaqtx biljett, għax kif jgħidu, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, u biex inkun għedtlek ukoll, ikollu jew ikollha raġun iddendel ilgeddum. Jgħidu wkoll, li bniedem avżat nofsu armat, jiġifieri tgħidx li m’avżajniekx!
Jekk minflok ma tqatta’ dan iż-żmien f’Malta tiddeċiedi li ssiefer barra minn xtutna, ħu ħsieb aqta’ l-biljetti, sib akkomodazzjoni kemm jista’ jkun lejn iċ-ċentru jekk tixtieq li tgawdi l-attività tal-madwar u tħallix wisq iżjed għall-aħħar. Tfittxija malajr malajr fuq l-internet malajr tissuġġerilek liema huma dawk il-pajjiżi lill hinn minn Malta fejn il-Milied jiġi ċċelebrat fihom b’mod spettakolari bħal pereżempju fil-Ġermanja u flIngilterra. F’dawn iż-żewġ pajjiżi partikolari kemm l-ikel assoċjat mal-Milied u kif ukoll ix-xiri huma magħrufin ħafna u żgur li ser iħallu timbru fuq il-vaganza tiegħek hemmhekk. Jekk ser tagħżel li dan iż-żmien tqattgħu f’vaganza barra minn xtutna, agħmel ftit riċerka fuq il-pajjiż minn qabel, ara x’inhu l-ikel tipiku t’hemmhekk u tista’ anka tibbukja f’xi ristoranti popolari bil-lest. Ara ftit x’inhuma l-affarijiet li tista’ tagħmel, bħal ngħidu aħna xi attivitajiet li tista’ tagħmilhom anka bla ħlas jew b’xi offerta. Tista’ taqra wkoll rigward tradizzjonijiet marbutin mal-Milied li huma segwiti f’dak il-pajjiż partikolari u kif tkun hemm tfittex li titkellem ma’ xi nies tal-lokal sabiex titħarreġ iżjed fuq kemm it-tradizzjonijiet marbutin mal-Milied u kif ukoll fuq il-kultura tal-Milied, u l-użanzi marbutin miegħu f’dak il-pajjiż partikolari. Kif għedna, idealment tipprepara minn qabel ħalli ma toħroġx diżappuntat u tgawdi kemm tista’ kemm iż-żmien spettakolari tal-Milied, kemm il-pajjiż u kif ukoll l-atmosfera tal-pajjiż fi żmien il-Milied li hija unika f’kull pajjiż li żżur.
It-tinsel ta’ kull kulur, is-siġra, il-Bambin ħlejju u l-kalendarju taċ-ċikkulata sa dakinhar talMilied!
Kif għedna, il-Milied magħna u l-bidu tas-sena l-ġdida wkoll. Qegħdin fi żmien opportun sabiex nibdew nippjanaw kif ser niddekoraw id-djar tagħna bi tħejjija għal dan iż-żmien. Nibdew billi naraw x’dekorazzjonijiet għandna, u jekk għandniex bżonn li nżidu ma’ li għandna diġà jew nixtru xi dekorazzjonijiet ġodda. Diversi stabilimenti lokali huma mimlijin dekorazzjonijiet ħelwin. Hawn min jaħdem fuq il-presepji, talent tal-meravilja. Huwa impressjonanti d-dettall kemm fil-presepju u mhux b’inqas f’għajnejn il-pasturi magħmulin millkartapesta. Nitpaxxa nħares lejhom bħal donnhom verament li għandhom xi storja x’jirrakkuntaw. Is-siġra tal-Milied ta’ min tintrama mill-familja kollha jew mit-tfal permezz tad-dekorazzjonijiet li jkunu għamlu l-iskola mal-għalliema tagħhom bi preparazzjoni għall-Milied. Filwaqt li hawn min iżomm is-siġra fuq lewn wieħed, hawn min iżejjinha bi blalen ileqqu u ta’ kull kulur, u hawn min anka jimlieha bil-fjuri ħomor tal-ponsjetta. Il-preparamenti fid-djar tagħna sabiex nilqgħu din il-festa minnhom infushom iwassluk għall-għaqda fil-familja għaliex permezz ta’ ftit ċikkulata sħuna u ftit melodiji talMilied fl-isfond waqt li qed tiddekora d-dar tiegħek, inti u dawk ta’ madwarek tingħaqdu f’dik l-atmosfera maġika. It-twieqi mixgħulin b’xi kewkba jagħmlu sabiħ wisq u bħal donnu t-toroq jieħdu xejra ferm iżjed serena u trankwilla permezz ta’ dak id-dawl isfar inemnem u li timmaġinah jew tixtiequ jmellislek wiċċek.
Xi ġmiel, żmien li bħal tkun tixtiequ ma jispiċċa qatt. Għalhekk tajjeb li nippreparaw minn qabel ħalli verament ingawduh bl-aħjar mod ma’ dawk li huma għal qalbna. Kif inkunu hekk flimkien nawguraw lil xulxin kuntentizza, saħħa, paċi u prosperità għallMilied hieni u sena ġdida mimlija saħħa. Awguri!