7 minute read

Intervista ma’ Jade Cini – Tirbaħ Miss Universe Malta

Ritratti: SnapArt Photography Ilbies: Nina Covaci Irtokk: Justin Brincat Xagħar: Texture by Damon Briffa

JADE CINI

Advertisement

Tirbaħ Miss Universe Malta 2021

Il-preparamenti biex tieħu sehem f’dan il-konkors bdew minn kważi sena qabel. Għall-ħabta ta’ Settembru 2020 bdiet tittrenja fiżikament, bidlet id-dieta u l-lifestyle tagħha. F’Jannar bdiet tittrenja aktar regolari! Meta għalqu l-gyms minħabba l-pandemija xorta waħda kienet issib mod kif tittrenja kuljum. F’Marzu bdew il-preparamenti mad-diżinjatur għal-libsa u f’Mejju bdiet tipprepara ruħha mentalment b’coaching sessions mar-rebbieħa ta’ Miss Universe 2018, Catriona Gray, permezz ta’ kors online, ma’ Giselle Boone li hija pagenat coach l-Amerka u anka catwalk training ma’ Marvin Buncayo mill-Filippini.

Kif tiddeskrivi s-serata? Ġara xi ħaġa wara l-kwinti? Kif kienet l-atmosfera mat-tfajliet l-oħra?

Is-serata kienet emozzjonanti ħafna. Tkun ilek taħdem għal serata ta’ sagħtejn, sena sħiħa u tkun taf li għandek biss ftit sekondi biex turi min int, dak li taf u dak li tixtieq tagħmel, u biex twettaq il-ħolma tiegħek realtà. Kulħadd jaġixxi differenti, ikun hemm min iħalli l-emozzjonijiet jiġru bih u juri d-diżappunt tiegħu, fil-maġġoranza tagħhom kienu professjonali, però dejjem issib lil min ma jkunx ġenwin daqskemm taħseb.

X’kienu l-ewwel reazzjonijiet tiegħek xħin irbaħt?

Dak il-ħin ma stajtx nemmen u bdejt ngħid “imma żgur smajt sew?”. Ir-reazzjoni tal-familja tiegħi fis-sala għenitni nikkonferma li smajt sew. Dak il-mument għextu kemm-il darba f’moħħi u immaġinajtu ħafna drabi imma li tiġri vera u tisma’ ismek bħala r-rebbieħa kienet emozzjoni indeskrivibbli. L-ewwel kliem li għidt lili nnifsi kienu “I did it” għax it-triq kienet waħda twila u diffiċli, u bdejt ngħid lili nnifsi, “irnexxielek akkost ta’ kollox!”. Wasalt fejn dejjem xtaqt pass pass.

Lil min ċempilt l-ewwel?

Lil ħadd għax il-mobile weħilli tant kemm daħlu messaġġi u telefonati. Apparti minn hekk, xtaqt ingawdi l-mument. Kont imdawra b’madwar 45 membru tal-familja u ħbieb li ġew jarawni, u allura stajt naqsam il-ferħ magħhom dak il-ħin. In-nies li xtaqt inċempel sfortunatament ma jistgħu qatt jirrisponduni, għalhekk l-ewwel ħaġa li għamilt filgħodu kif qomt, qbadt il-bukkett tal-fjuri li tawni meta rbaħt u mort iċ-ċimiterju bihom ħdejn in-nanniet u z-ziju li ħalliena s-sena l-oħra għax nemmen li kienu instrumentali fis-suċċessi tiegħi u kienu miegħi tul is-serata żgur.

X’tgħidilna fuq Michela Galea li klassifikat fit-tieni post?

Michela hija tfajla eżemplari, edukata u bravissima. Meta ġejna id f’id għidtilha “jirbaħ min jirbaħ ittnejn ħaqqna nkunu hawn” u dak il-kliem għadni nemmnu sal-lum. Ilni nafha minn meta konna tfal u dejjem baqgħet tfajla umli u onesta.

Liema tibdila mis-serata l-aktar li laqtitek u għalfejn?

Il-libsa eleganti. Iddisinjajtha jien stess bl-għajnuna tad-diżinjatur mondjali Rian Fernandez millFilippini li libbes artisti kbar u rebbieħa ta’

Miss Universe preċedenti u għalija kien ta’ unur kbir li naħdem miegħu. Bniedem professjonali ħafna li millewwel fehem xi rrid. Xtaqt libsa li tirrifletti l-kuluri taxxemx u l-baħar tal-Port il-Kbir li huwa parti minn tfuliti. Apparti minn hekk, peress li din is-sena ġiet inawgurata kuruna ġdida, qabbilna l-kulur tal-fosos magħha wkoll.

Xi tfisser li tkun Miss Universe Malta?

Unur kbir u responsabbiltà li trid iġġorrha għal sena b’ħafna impenji u sagrifiċċji biex tkun tista’ tirrappreżenta lil pajjiżek bl-aħjar mod possibbli fuq livell internazzjonali. Jirrikjedi ħafna ħin mill-ġurnata tiegħek kemm biex tippjana, tikkomunika man-nies u anka biex iżżomm l-apparenza tiegħek tajba.

X’għamilt wara li rbaħt u kif iċċelebrajt?

Għamilt tlett ijiem nirrispondi l-messaġġi u naqra l-kummenti sbieħ li rċivejt mingħand ħafna nies li ma nafx. Kont sorpriża ħafna bil-mijiet ta’ messaġġi imma xtaqt nirrispondihom kollha b’mod individwali biex nirringrazzjahom tal-ħin li ħadu biex jawgurawli wieħed wieħed u waħda u waħda.

X’kienu l-impenji tiegħek wara li rbaħt?

Mill-ewwel bdejna bil-kampanja ta’ Miss Universe u bil-preparamenti għal Israel. Beda l-proċess tal-ħsieb talkustum nazzjonali Malti, il-libsa finali, photoshoots għal social media u ritratti għal barra minn Malta. Fuq nota personali bdejt ngħaqqad it-team tiegħi għal din is-sena, infittxu sponsors li huma importanti ħafna bħalissa u nies li jgħinuni biex ikolli l-aħjar preżentazzjoni possibbli. Apparti minn hekk, kelli ħafna intervisti, speċjalment ma’ bloggers u pageant fans barranin.

Għaliex ħassejt li għandek tikkompeti?

Għax nemmen li l-ħolm tagħna m’għandux jibqa’ biss ħolm. Meta tkun tixtieq xi ħaġa li taħdem għaliha u twettaqha b’ħafna sagrifiċċju, tbatija u b’mod ġenwin, ir-rebħ jiġi sekondarju għax il-fatt li tkun għamilt dak kollu li stajt biex tasal, ikun diġà xhieda tal-perseveranza u d-dixxiplina tiegħek. Apparti hekk ħassejt li kien ilmument opportun biex intemm il-karriera twila u sabiħa tiegħi fil-qasam tal-beauty pageants fuq nota għolja bl-aktar konkors prestiġġjuż fid-dinja.

Tkellimt ukoll fuq l-għajnuna li għandhom ifittxu ż-żgħażagħ. Għaliex dan is-suġġett?

Sfortunatament illum saret komuni ħafna li ż-żgħażagħ iħossuhom waħedhom għalkemm fuq is-social media jkunu jidhru ferħanin, popolari u b’ħafna ħbieb. Ir-realtà hija differenti ħafna u nsibu li ħafna drabi jkun l-oppost. Huwa importanti ħafna li nitkellmu dwar id-diffikultajiet tagħna daqskemm nitkellmu fuq is-suċċessi biex inkunu realistiċi u ż-żgħażagħ iħossuhom komdi jitkellmu u jfittxu l-għajnuna meħtieġa.

Irbaħt ukoll Miss Personality. Għalfejn kien jistħoqqlok dan it-titlu?

Kien ifisser ħafna aktar minn sempliċiment award. Il-personalità hija fattur essenzjali li jagħmlek beauty queen, speċjalment illum bis-saħħa u l-influwenza tassocial media fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Huwa importanti li tkun kunfidenti bil-mod kif tikkomunika man-nies, u tkun taf kif twassal il-messaġġ tiegħek mingħajr ma tweġġa’ l-opinjoni ta’ ħadd għaliex tkun qed tolqot ħafna nies bla ma taf.

Tisħaq ħafna fuq il-vjolenza domestika. Għaliex dan is-suġġett? Għaddejt ukoll minn esperjenza personali? X’impatt ħalliet din fuq il-ħajja tiegħek?

Nemmen li għandi nkun il-vuċi ta’ ħafna nies, speċjalment nisa li jbatu fis-silenzju ta’ kuljum għax jekk imqar għent persuna waħda bl-istorja tiegħi,

Ritratt: Benjamin Snapartfoto

inkun kuntenta. Qatt m’għandek tħalli lil ħadd iġiegħlek tħossok li m’intix kapaċi tiddefendi lilek innifsek, jew li huma superjuri fuqek kemm emozzjonalment u anka fiżikament. Trid tkun kuraġġuża u tagħżel li ttejjeb ilkwalità tal-ħajja tiegħek. Aktar ma tirrealizza kmieni u tifhem li ħaqqek aħjar minn dak l-aġir, aktar għandek ċans toħroġ mis-sitwazzjoni qabel ikun tard wisq.

Bdejt ta’ 3 snin timmudella. X’tiftakar? Ġieli marret xi ħaġa mhux prevista?

Niftakar li ħafna mill-weekends tiegħi kienu jkunu fittings, rehearsals u shows meta kont għadni żgħira. Kif bdejt nikber kont nagħżel li ma noħroġx mal-ħbieb għax ikolli xi preparamenti jew rehearsals u dik rawmet fija sens ta’ dixxiplina kbira. L-immudellar huwa bħal sport, u jirrikjedi ħafna dedikazzjoni u sagrifiċċji għal min jagħżel li jieħdu bis-serjetà. Kelli karriera sabiħa ħafna b’ ħames esperjenzi barra minn xtutna li ħaduni l-Ġermanja, it-Turkija, iċ-Ċina, l-Eġittu u s-Sri Lanka fejn tgħallimt, għamilt ħbieb madwar id-dinja u anka ksibt riżultati tajbin, u rbaħt titli prestiġġjużi għal pajjiżi.

F’kompetizzjoni ġieli jkun hemm sorpriżi, u iva kelli d-diżappunti tiegħi wkoll bħal kulħadd, però nemmen li meta n-nies jibqgħu jiftakruk u jgħidulek kien ħaqqek aħjar dak huwa l-akbar premju li tista’ tieħu għax f’qalb il-poplu li qed tirrapreżenta tkun diġà rebbieħa, u finalment titgħallem minnhom ukoll.

Liema kien l-aktar konkors li ħadt sehem fih u baqa’ f’moħħok u għal qablek?

Top Model of the World 2015 ġewwa l-Eġittu. Kont l-unika Maltija li rnexxieli nikklassifika mat-top 10, ġejt ittieni bil-kostum nazzjonali u t-tieni fit-titlu ta’ Queen of Europe. Malta hija meqjusa bħala weak sash ħafna drabi fejn pajjiżi kbar li jkollhom ħafna sponsors u budgets kbar. Dik il-kompetizzjoni kienet waħda diffiċli u ta’ livell għoli ħafna imma għenitni nifhem li jekk taħdem għal dak li tixtieq, xejn mhu impossibbli.

Fl-2013 ġejt inkurunata bħala Miss Malta. X’kienu l-ħsibijiet tiegħek? Kif kienet din l-avventura? X’kienet tfisser għalik?

Kelli biss tmintax-il sena meta kont inkurunata bħala l-50th Miss Malta u rbaħt id-dritt li nirrappreżenta lil pajjiżi għall-ewwel darba fuq livell internazzjonali. Kien unur u privileġġ li għallimni, immaturani u għenni nikber f’dan il-qasam għax kont l-iżgħar kontestanta fost 62 tfajla. Dik kienet esperjenza li għenitni nirrealizza li dak li dejjem immaġinajtni nagħmel meta kont għadni żgħira kont qed ngħixu u ridt nagħmel esperjenzi kemm stajt.

Taħdem ukoll bħala għalliema tar-raba’ sena. X’qalulek l-istudenti xħin rawk? X’kienet irreazzjoni tagħhom?

Ovvjament peress li bniet, isegwu bi ħġarhom, ferħu bija u tgħidx kemm iggustajthom! Kburin ħafna li għandhom it-teacher Miss Universe Malta, għalkemm infakkarhom li t-titlu mhuwiex biss il-kuruna u l-ilbiesi sbieħ imma l-perseveranza u l-grinta li tibqa’ taħdem għal dak li tixtieq.

Ilek għalliema issa 5 snin. X’kienu l-isbaħ memorji?

L-isbaħ memorji huma l-aktar mumenti sempliċi. Jien dejjem għidt li l-istudenti tiegħi mhux ser jiftakru dak kollu li ngħallimhom u ngħidilhom kuljum, imma dejjem iġorru f’qalbhom il-mod kif ħassewhom fil-klassi tiegħi. Nisħaq fuq l-importanza li nkunu magħqudin, nittolleraw lil xulxin bid-differenzi kollha tagħna, naħfru u ngħinu kemm nistgħu bla ma nippretendu xejn lura, u peress li erbat ijiem oħra jkunu nisa, infakkarhom li l-ħajja mhux kompetizzjoni ma’ ħaddieħor. Kulħadd qiegħed fil-linja tiegħu u għandna nħarsu lejn is-suċċessi ta’ xulxin bħala ambizzjoni u mhux b’għira.

Messaġġ għal dawk it-tfajliet li jixtiequ jieħdu sehem f’dan il-konkors…

Esperjenza unika, li tittestjak f’kull aspett sal-limiti tiegħek. Iġġiegħlek taħdem għall-għan li jkollok quddiemek, tifhem min int u tesplora kemm int kapaċi tkun reżistenti kontra l-kurrent. Ser ikun hemm drabi fejn it-triq tidher twila u diffiċli imma emmen fik innifsek biex ħaddieħor jemmen fik. Aħseb f’kemm-il ostaklu għelibt qabel u dak kollu li tara qed iżommok lura biex takkwista dak li trid użah bħala l-motivazzjoni tiegħek. Finalment ifhem li l-aqwa kuruna li qatt tista’ tirbaħ hija r-rispett tan-nies bl-onestà u l-umiltà tiegħek, u ftakar li mis-sema ’l isfel kulħadd l-istess.

This article is from: