12 minute read
Intervista ma’ The Travellers – Album ġdid minn dan il-grupp
from Gwida November 2021
INTERVISTA MA’ THE TRAVELLERS
Ritratti: Kris Micallef
Advertisement
F’Lulju li għadda, il-grupp Għawdxi, The Travellers, tella’ attività b’differenza fejn taw opportunità lil dawk magħżula bil-polza sabiex jisimgħu l-album il-ġdid bl-isem ta’ Tlajja’ u Inżul qabel kulħadd. Aħna morna nisimgħu wkoll x’għandhom lest għalina dan il-grupp tant maħbub kif ukoll tkellimna mal-kantant Chris Gatt u mal-awtur u l-kitarrist Andrew Vella dwar il-mużika ta’ The Travellers u s-signor si ta’ wieħed mill-membri.
Dan huwa t-tieni album tagħkom wara Iljuni fisSilġ. Mid-diski li smajna, jidher li ser nisimgħu ħoss kemxejn differenti minkejja li t-timbru ta’ The Travellers ser jibqa’ hemm. X’għandhom jistennew in-nies?
Chris: L-album huwa evoluzzjoni naturali tal-grupp fejn li qed nistennew huwa li s-segwaċi tagħna jisimgħu elementi ta’ The Travellers, dawk li aħna magħrufin għalihom, imma fl-istess ħin ser jisimgħu xi ħaġa differenti – stil differenti fejn qed naraw lill-grupp jimraħ f’postijiet differenti; kemm bħala stil, kif ukoll bħala lirika u l-ħoss b’mod ġenerali.
Innutajna li f’diversi kanzunetti fl-album jidher li hemm tifsira personali warajhom kif ukoll kurrenti. X’ispirakom?
Andrew: Jekk taqbad il-lirika tal-kanzunetta Xemx u Xita naraw li hija pjuttost vaga, astratta, tista’ tinterpretaha kif trid u ġġielgħek tħossok kuntent – u dak kollox. Din iddarba wħud mill-isfidi li ħadt fil-lirika kienu pjuttost dik li nimxu mill-astratt għal xi ħaġa li forsi ma tantx għamilna, mhux għax fih xi ħaġa ħażina imma sempliċiment għax diġà għamilnieh. Missejna aktar esperjenzi reali fil-
ħajja ta’ kuljum li n-nies jistgħu jirrelataw magħhom, fosthom id-diska Simili li titkellem fuq il-bullying u l-internet.
Uħud minnhom huma kanzunetti personali ħafna għalija filwaqt li kanzunetti oħra huma vvintati, iżda ma jfissirx li mhumiex reali. Niftakar meta kont qed nikteb il-kanzunetta Siġġu Vojt, l-idea warajha nibtet minn lyrics exercise li kont qed nagħmel fejn xtaqt li nikteb kanzunetta sempliċi li tiffoka fuq l-istorja nnifisha u ħriġt b’din l-idea ta’ tifel li mietlu missieru. Din hija xi ħaġa li ħafna jgħaddu minnha u tirrealizza li n-nies meta jisimgħuha jirrelataw magħha għax ikunu għaddew minn esperjenza simili huma jew xi ħadd viċin tagħhom. Din il-kanzunetta b’mod partikolari titkellem fuq persuna li hija qrib tal-familja, għaldaqstant bla ma trid, ser tqanqal xi memorja. Kanzunetta oħra li hija personali ħafna fil-kuntest tagħha hija Ħdejja.
Chris: Fejn qabel konna nwasslu messaġġi aktar astratti, minkejja li dak nixtiequ li nżommuh, ma nistgħux ma nitkellmux fuq ir-realtajiet li hemm madwarna. Fosthom xtaqna li nolqtu aspetti partikolari bħal cyber bullying, il-biża’ jew id-dipressjoni, kif ukoll kwistjonijiet emozzjonali oħra. Xtaqna ħafna li niffukaw fuq dawk l-aspetti li ż-żgħażagħ jew l-udjenza tagħna qed jesperjenzaw. Xtaqna wkoll li ngħaddu messaġġ ta’ tama lil dawk li għaddejjin minn diffikultajiet psikoloġiċi jew soċjali li jeżistu madwarna, bħall-problemi ta’ saħħa mentali. Dawn huma wkoll temi li dejjem qegħdin fil-pjan tagħna li nitrattaw, permezz ta’ kampanji ta’ għarfien ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet, fosthom Fondazzjoni Richmond.
Andrew: Minn diskussjonijiet li għamilna bejnietna, indunajna li meta navviċinaw dawn l-organizzazzjonijiet sabiex jgħinuna, nkunu qed inwasslu dan il-messaġġ aħjar. Infatti nirċievu rispons tajjeb ħafna u jkun hemm interess kbir sabiex jikkolaboraw magħna. Għaldaqstant xogħolna hu li nwasslu l-messaġġ b’mod
artistiku filwaqt li huma, bħala esperti fil-qasam, jgħinuna sabiex nilħqu udjenza ikbar u ġdida. Infatti diġà għandna numru ta’ kollaborazzjonijiet pjanati u ninsabu ħerqana sabiex naħdmu fuqhom. Dan l-album qed itina opportunità li qabel ma kellniex, għax kienet ħa tkun diffiċli ħafna li nużaw kanzunetta minn dawk preċedenti sabiex immorru biha għand organizzazzjoni u nsaqsuhom sabiex jikkollaboraw.
Kulħadd jagħti sehmu meta tiġu biex tiktbu l-album? X’inhu l-proċess?
Chris: Kulħadd għandu l-irwol tiegħu u l-irwol ta’ Andrew huwa li jiffoka fuq il-kitba, kemm fejn tidħol il-lirika kif ukoll il-melodija. Sintendi niltaqgħu f’daqqa l-garaxx u anke niddiskutuha, però l-maġġoranza taxxogħol huwa f’idejh.
Andrew: Fil-każ tal-kanzunetta Vjaġġatur, din ġiet miktuba diversi drabi u daqqa għax ma togħġobniex xi ħaġa u daqqa għax nikkritikaw lilna nfusna żżejjed. Infatti l-vantaġġ li naħdmu b’din is-sistema hija li jiena naħdem fil-bubble tiegħi, u meta nkun lest li nurihom jew insemmgħalhom xi ħaġa, huma ser ikollhom dik li ngħidulha fresh ear għaliex ser ikunu qed jisimgħuha għall-ewwel darba. Il-mod kif ktibt dan l-album huwa
b’differenza għall-ieħor; bdejna b’madwar mitt idea, imbagħad jiena niżżilthom għal madwar erbgħin jew ħamsin kanzunetta. Eventwalment flimkien malgrupp jerġgħu jinżlu għal madwar għoxrin, imbagħad flimkien mal-producer jaqgħu għal madwar tlettax. Dak il-proċess dejjem qisu naturali u ma jfissirx li dawk li ma jintgħażlux ma jkunux tajbin imma sempliċiment ma jkunux joqogħdu mal-kumplament li għażilna. Imma nassigurawkom li ma jintremewx!
Kemm jirrikjedi żmien sabiex jinkiteb album?
Andrew: Il-proċess tal-kitba qatt ma waqaf wara l-ewwel album tagħna Iljuni fis-Silġ, anzi bqajna għaddejjin. L-aħħar kanzunetta li ktibt kienet Inżul u Tlajja’ filwaqt li kanzunetti bħal Siġġu Vojt u Ħdejja wkoll ġew miktuba kważi fl-istess żmien. Bejn l-ewwel album u dan, waqaft għal sena millkitba imma fl-istess ħin xorta jibqgħu jiġuk l-ideat u tħarbex xi noti ’l hemm u ’l hawn. Imbagħad nibbukkja xi ġimagħtejn fi żmien Awwissu u niddedikahom għall-kitba. Infatti matul dawn ilġimagħtejn nagħmel madwar tlieta jew erba’ sigħat ta’ kitba kuljum.
Chris: Ħafna drabi, hawnhekk qed nitkellmu dwar sentejn jew tliet snin sakemm jitlesta l-proċess kollu tal-album. Normalment l-aħħar sena tkun iddedikata sabiex tgħaqqad l-affarijiet flimkien u tirrekordja ġolistudjow. Infatti avvenimenti bħal dik ta’ Ejj’ Isma Ftit ser ikunu qed jgħinuna ħafna għaliex dan it-tip ta’
Ritratt: Albert Camilleri
feedback ser jgħinna sabiex nippjanaw aħjar dak li jagħmel sens għall-udjenza tagħna. Jgħinna wkoll sabiex naraw x’inhu dak li l-aktar li ħadem, ma’ liema kanzunetti ħadmu l-iktar, liema stili, liema grafika u l-aspetti kollha possibbli.
Andrew: L-idea ta’ dan l-avveniment partikolari nibtet millfatt li dejjem insemmu kif il-kanzunetta Xemx u Xita kienet dik il-kanzunetta li ma konniex ser inniedu. Niftakar konna ddeċidejna li nnieduha spontanjament u wara nagħmlu waqfa qasira. Aħna dħalna għaliha b’dik it-tip ta’ attitudni u spiċċat kienet l-aktar kanzunetta li għamlet ħoss. Dan normalment jiġri għax ħafna drabi, aħna li nkunu fiha, nitilfu l-widna u ma jkollniex idea x’ħa jaħdem u ma jaħdimx. Ġieli jkun hemm ċertu kanzunetti u ngħidu din ħa tmur tajjeb u mbagħad ma tmurx tajjeb daqs kanzunetti oħra. Imbagħad ikun hemm kanzunetti oħra, li għalkemm ma nedejniehomx fl-album xorta jmorru tajjeb ħafna, eżempju bħall-kanzunetta L-Imħabba Hija Kelma Kbira Wisq.
Kif intlaqgħet is-sejħa għall-pubbliku li jistgħu jisimgħu l-album qabel kulħadd?
Chris: Il-feedback kien tremend! Bdejna nirċievu għexieren ta’ messaġġi ftit minuti biss wara li ħabbarnieha. Infatti kellna nsibu sistema ta’ kif ser nagħżlu n-nies u għażilna li nagħmlu dan bil-polza biex b’hekk inkunu imparzjali kemm jista’ jkun. Waħda mir-raġunijiet għalfejn ma stajniex nilqgħu numru kbir ta’ nies kienet l-ewwel nett minħabba l-protokolli marbuta mas-saħħa u l-limitazzjonijiet li ġġib magħha, u t-tieni għax preferejna li nżommu n-numru tal-attendenza limitat sabiex ovvjament inkunu nistgħu nassiguraw li dawk in-nies li ġejjin għandhom il-ħin neċessarju u qegħdin f’ambjent komdu biżżejjed biex huma jesprimu dak li jħossu. Fl-aħħar mill-aħħar aħna xtaqna l-opinjoni onesta ta’ dawk li pparteċipaw.
Kif utilizzajtu ż-żmien tal-pandemija bħala artisti u bħala The Travellers?
Chris: Fil-bidu, l-ewwel ftit xhur, qisna waqafna għalkollox, imbagħad bdejna nirrealizzaw illi din mhix xi ħaġa temporanja u ser titlaq malajr, allura kellna opportunità li fejn qabel konna għaddejjin gas down, issa għandna ċ-ċans li nibdew naħsbu f’affarijiet u ideat differenti. Fosthom kien hemm dan l-avveniment Ejj’ Isma Ftit u kollaborazzjonijiet oħra li tawna ċ-ċans li npoġġu bilqiegħda u niddiskutu kull kanzunetta u nassoċċjawha ma’ aspett partikolari jew xi tema oħra, bil-ħsieb li noħolqu xi tip ta’ kollaborazzjoni jew xi kampanja ta’ għarfien. Kieku konna f’sitwazzjonijiet normali u mhux waqt pandemija, dawn it-tip ta’ ideat kienu jispiċċaw fix-xejn għaliex tant ikunu żviluppaw b’mod mgħaġġel li ma kienx ikollna ċ-ċans kollu sabiex niffokaw kif suppost fuqhom.
Andrew: Infatti l-avveniment Ejj’ Isma Ftit kienet idea li nibtet f’moħħna meta konna ftit aktar kalmi mis-soltu. Allura bdejna ngħidu li issa wasal iż-żmien li nersqu aktar viċin tal-pubbliku u naraw x’inhi l-opinjoni tagħhom dwar dan l-album il-ġdid. Infatti dan il-proċess ħa ż-żmien tiegħu aktar minn kemm kien pjanat, għaldaqstant stajna nirriflettu iktar u noħolqu xi ħaġa ta’ kwalità għolja. Stajna wkoll niffukaw fuq proġetti oħrajn bħall-kunċert tal-Milied, li qabel anqas qatt ma konna nikkunsidraw jew noħolmu li nagħmluh, bejn għax ma kellniex iċ-ċans u għax jinvolvi ħafna ħin u preparamenti biex toħloq xi ħaġa mill-ġdid. Apparti minn hekk matul il-pandemija kellna naddattaw u sibna sistema kif nistgħu naħdmu b’mod virtwali bejnietna u b’xi mod inkunu nistgħu niddiskutu l-ideat tagħna u nibqgħu għaddejjin.
Chris: Issa erġajna qbadna ftit ir-ritmu, infatti għal Ġunju u Lulju erġajna bdejna ndoqqu fit-tiġijiet.
Andrew: Imma ovvjament nimmissjaw dak il-feedback tan-nies, li jkunu hemmhekk preżenti u nħossu dak li jkunu qegħdin iħossu waqt xi gig live. Nittamaw li xi darba fiżżmien qarib inkunu nistgħu nerġgħu għall-inqas b’xi mod nerġgħu nsibu ruħna fuq palk mal-bqija tan-nies.
Maż-żmien sirtu wieħed mill-aktar gruppi mużikali prominenti f’pajjiżna. Stennejtuha li l-istil tagħkom u l-fatt li tkantaw bil-lingwa Maltija ser jintlaqa’ b’dan il-mod?
Andrew: Fiż-żmien li aħna bdejna ma tantx kien hemm gruppi li jużaw il-lirika Maltija f’kuntest kontemporanju ħa ngħidu hekk u dak mainstream, għaliex kien meqjus bħala riskju. Aħna l-ewwel mira tagħna kienet li minn tal-inqas waħda mill-ħames kanzunetti li jinsabu fl-EP li għamilna, fosthom Sempliċità, Dak Li Int u Xemx u Xita, tindaqq fuq ir-radju, kwalunkwe radju. Li sempliċiment tindaqq, għalina kienet tfisser li konna nkunu lħaqna l-mira li kellna, għax dak iż-żmien konna xtaqna li nilħqu dik it-tip ta’ udjenza. Infatti wara 24 siegħa, ir-radjijiet kollha, anke dawk li forsi ma kinux onboard mill-ewwel u ma kinux jagħtu daqshekk prominenza lill-kanzunetti bil-lingwa Maltija, daqqewha.
Temmnu li kontu pijunieri fil-bidla fil-perspettiva lejn il-mużika bil-lingwa Maltija?
Andrew: Dik in-narrativa tiġi mill-fatt li għal żmien twil, saħansitra anke diċenji, kien hemm nuqqas kbir ta’ mużika bil-lingwa Maltija fuq ir-radju. Waħda mill-affarijiet li sibna vera diffiċli fil-bidu kienet li konna qegħdin niktbu l-kanzunetti u naddattaw il-proċess tas-soltu, imma konna qegħdin nindunaw li l-istil mhuwiex fejn nixtiquh. Dan għaliex ma kienx hemm ma xiex inqabbluh biex nippruvaw nifhmu l-preferenzi tal-udjenza. Fl-istess ħin meta bdejna noħorġu u bdejna anke nintlaqgħu tajjeb, ma nħobbx ngħid li ma għamilna xejn ta’ barra minn hawn, imma xi ħaġa rnexxielna nagħmlu. Kien wieħed mill-għanijiet tagħna li l-kanzunetti tagħna jindaqqu fuq ir-radjijiet u meta aħna dħalna hemm, inħoloq preċedent li ħaddieħor jista’ jagħmel l-istess. Għaldaqstant dik tat kuraġġ lil min lest li jinvesti ħinu u lest li jieħu r-riskju u jagħmilha. Li tilħaq ir-radji mhux daqshekk faċli daqskemm wieħed jaħseb, maż-żmien saret iktar faċli għax tibda ssir stabbilit u taf kif taħdem is-sistema u jibda jkollok idea aħjar ta’ x’ħa jaħdem u ma jaħdimx.
Chris: Ma jfissirx li din hija l-uniku mira tagħna. Fil-verità, illum il-ġurnata, naħseb li dik il-mira konna lħaqnieha, allura issa ma aħniex narawha bħala l-prijorità li l-kanzunetti bilfors iridu jkunu radio friendly.
Andrew: Hekk kif il-Malti rnexxielna ndaħħluh f’dik li nsejħulha l-kultura pop, imbagħad kienet aktar faċli għalina u anke forsi għal ħaddieħor li segwa l-istess passi u għalhekk ħloqna preċedent aħna. Is-suċċess li ħalliet warajha l-kanzunetta Sempliċità probabbli qanqlet aktar interess. Sintendi aħna gwadanjajna ħafna mill-fatt li hawn għatx kbira għal-lingwa u l-kultura tagħna, ħafna aktar milli qatt konna naħsbu – kemm hi maħbuba l-lingwa, xi ħaġa li qabel, naħseb fid-disgħinijiet u l-2000 speċjalment, ma konniex nemmnu jew mgħarrfa biżżejjed. Infatti konna nemmnu li ta’ barra dejjem aħjar u dejjem kellna dik innarrattiva. Naħseb li llum dik inbidlet ħafna!
Chris, din is-sena inti u Charlene żżewwiġtu. Kif ħassejtek li stajt taqsam din il-ġurnata speċjali minn ħajtek ma’ sħabek tal-grupp?
Chris: Naħseb għal kull persuna li jgħaddi minn din l-esperjenza jqisha bħala mument speċjali. Xtaqt ovvjament li din l-esperjenza ngħaddiha mal-iktar nies qrib tiegħi u ovvjament il-kumplament ta’ The Travellers mhumiex biss il-ħbieb tiegħi iżda huma wkoll il-familja, fejn jiena ovvjament inqatta’ ħafna aktar ħin magħhom, ġieli ħafna aktar minn mal-mara. Għaldaqstant ma stajtx inqatta’ din il-ġurnata mingħajr ma jkun hemm huma miegħi. Infatti kienu kollha groomsmen u xħin kont qed nistenna lit-tfajla tiegħi, illum il-mara, fuq l-artal, kienu qegħdin hemmhekk ħdejja jagħtuni s-sapport, allura kien mument sabiħ ħafna. Ma stajtx inħallihom barra għax ara kemm kienu jgergruli kieku! Bħala esperjenza nista’ ngħid li kienet waħda indimentikabbli!
Kif iltqajtu inti u Charlene? U kif proponejtilha?
Chris: Iltqajna waqt attività fejn jiena kont parti minn grupp tal-karnival u hi kienet hemm u kelma ġġib l-oħra. Kien ilna nitkellmu u noħorġu flimkien għal dawn l-aħħar seba’ snin u mbagħad kien il-mument li niżżewġu. Proponejtilha b’mod sempliċi, konna qegħdin f’post waħedna fuq l-irdum u mbagħad ħriġt iċ-ċurkett u staqsejtha.
Kellkom tieġ waqt pandemija. Kemm domtu tippreparaw u xi sfidi affaċċjajtu?
Chris: Bħal kull min għaddej minn dan il-proċess bħalissa, jista’ jgħidlek li l-proċess mhux wieħed sempliċi u ovvjament is-sitwazzjoni hi li hi. Fortunatament jiena u Charlene sibna mod kif nistgħu norganizzaw xi ħaġa żgħira imma fl-istess ħin doable u li tista’ ssir bl-aktar mod sempliċi. Pereżempju qabel ma kellniex ħsieb li jsir seated it-tieġ imma llum ma jiddispjaċinix, anzi naħseb li kien wieħed mill-isbaħ mumenti fejn inti qiegħed bilqiegħda hemmhekk tara lil kullħadd miegħek, miġbur madwarek. Fl-aħħar mill-aħħar il-valuri tajniehom prominenza u dik kienet xi ħaġa importanti ħafna għalina.
Kien hemm pjanati xi sorpriżi waqt it-tieġ?
Chris: Xħin għadda ftit il-ħin iddeċidejna ndoqqu xi żewġ kanzunetti flimkien u tlajna fuq il-palk biex nibdew indoqqu; iżda f’nofs dan il-palk sħabi ddeċidew li jagħmlu speech u ovvjament bdew jirrakkontaw ċertu esperjenzi li għaddejna minnhom, kemm dawk li forsi kellhom jinstemgħu u anke dawk li le, imma minkejja kollox kien mument li ħadna gost fih u vera dħakna flimkien.
Kurżità. L-ewwel żifna li żfintu bħala miżżewġin kienet diska minn tagħkom?
Chris: Iva, kienet mash up żgħira bejn waħda millkanzunetti l-ġodda, Ersaq fil-Qrib u L-Imħabba Hija Kelma Kbira Wisq. Aħna t-tema dawwarnieha madwar l-imħabba ovvjament u tajna prominenza lil dik il-frażi li hemm fillirika tagħna li hija “L-Imħabba Hija Kelma Kbira Wisq” u allura ma stajtx ma nużax lilha bħala waħda mill-kanzunetti waqt l-ewwel żifna tagħna.
Kif ħassejtek – il-fatt li fit-tieġ tiegħek żfint l-ewwel żifna mal-mara tiegħek ma’ diska minn tiegħek?
Chris: Meta kont żgħir qatt ma ħsibt li xi darba ħa nkun mużiċist jew kantant li llum nistgħu ngħidu ħafna nies jafuni, jew li niżżewweġ u nisma’ l-kanzunetta tiegħi tindaqq. Jiġifieri dik hija xi ħaġa li ovvjament qatt ma ħsibt fuqha imma kien mument li tapprezza l-esperjenzi differenti tal-ħajja kemm f’dik ta’ relazzjoni mat-tfalja u anke dik li tkun żviluppajt ma’ sħabek l-oħrajn tal-grupp. Huma żewġ affarijiet, żewġ pilastri li kienu importanti ħafna f’ħajti ovvjament u kienu qegħdin flimkien f’mument wieħed u għalija kienet esperjenza indimentikabbli.