12 minute read
Intervista ma’ Ron u Ray – il-Mustaċċuni
from Gwida November 2021
MUSTAĊĊUNI
Nitkellmu maż-żewġ preżentaturi tal-Ġimgħa filgħaxija!
Advertisement
Minn Ottubru fuq TVM beda jixxandar programm ġdid, Mustaċċuni! L-ewwel programm ta’ dan is-serje ma tantx niżel tajjeb mal-udjenza, kien hemm kritika qawwija u kulħadd gergrilhom. Imma x’kien ġara eżatt? Tkelllimna ma’ Ron u Ray fuq il-programm tagħhom u biex insiru nafu ftit min huma dawn iżżewġ komiċi brillanti!
Kellkom pressjoni fuq il-programm il-ġdid?
Ron: Kbira. Jiena ħassejtni iktar pressured mis-sena l-oħra. Is-sena l-oħra, is-sitwazzjoni kienet antipatka għaliex konna qed nieħdu post ġgant tat-televiżjoni Maltija. Din is-sena, wara li l-udjenza drat dan it-tip ta' programm, il-pressjoni qiegħda hemm biex tagħtina l-enerġija biex inkunu ħafna aħjar.
Ray: Hemm il-pressjoni tal-udjenza, għaliex illum lill-udjenza ma tistax ittihom ċiċri għax iridu affarijiet tajba. Jiena fuqi personali poġġejt pressjoni kbira għaliex ridt nirritorna lura għat-televiżjoni wara tmien snin bi prodott li huwa tajjeb u li jħallini kburi, bħalma ħallewli l-proġetti li kelli qabel. Ovvjament fil-bidu kien totalment mhux dak l-effett, jiġifieri dawk l-aspettattivi u l-inizjattivi, it-targets li għamilna u dak kollu, marru kompletament l-oppost u flok tlajna s-sellum għalija jiena ħaffirna ħofra twila ’l isfel. Imma l-uniku għażla li jkollok meta taffaċja affarijiet bħal dawn fil-karriera hi li titfarfar, tqum, titgħallem minnha, tidħak daħka bik innifsek, u terġa’ tibda. M’hemmx soluzzjoni oħra, ħlief li tittama f’Alla u fit-tim ta’ madwarek li jkollok, li toħroġ minnha u toħroġ minnha rebbieħ. Ma tistax togħġob lil kulħadd il-ħin kollu imma tagħmel l-almu tiegħek biex dak ikun it-tir tiegħek.
Ritratti: Matthew Cutajar (iCam Photography)
Imma intom qrajtuhom il-kummenti li bdew jiktbu?
Ray: Jien qrajt ftit minnhom. Ftit minnhom ikkummentajna fuqhom fit-tieni programm u qrajniehom. In-nies tgħid li trid. In-nies għandha dritt tikkummenta għalhekk hemm il-pluraliżmu u l-libertà tal-espressjoni.
Ron: Jiena qrajt ħafna minnhom. Ikun hemm minnhom li ġenwinament qed jesprimu ruħhom u jgħidu l-verità. Anzi napprezza, għax qed jieħdu l-intrigu u qed jiktbu messaġġ. Jien jekk ikun hemm xi ħaġa ma togħġobnix, jiena personalment, rari jew qatt ma nikteb fuq il-Facebook. Imbagħad ikun hemm min ikollu skopijiet forsi li jniggeż xi ftit jew li juża dak il-kumment biex jieħu l-opportunità biex isawtek ftit imma d-dritt li wieħed jikkummenta huwa kardinali.
Ray: Barra l-fatt ukoll li ħafna nies li jikkummentaw jinsew ħaġa li dak li inti kkummentajt poġġejtu hemmhekk u huwa pubbliku, huwa proprjetà ta’ kulħadd dak li inti ktibt għall-eternità. U dak li inti tkun ktibt huwa l-legat li inti ħallejt, il-wirt għallkomunità. Jien naħseb li ħafna nies jiktbu fuq social media u ma jirrealizzawx li dak li qed jiktbu huwa pubbliku u jista' jintuża mit-televiżjoni u minn nies pubbliċi oħrajn biex jagħmluh aktar pubbliku. Mhux qed ngħid hekk biex niddefendi dak li kitbu għaliex ħafna minnu naqbel miegħu fil-prinċipju, mhux kif kien miktub.
Rajtuh l-ewwel programm qabel ixxandar?
Ron: Mhux kollu. Xtaqt li kelli l-paċenzja nara iktar mill-biċċa li rajt.
Ray: Qabel ma ħareġ le, waqt li kien qed jixxandar iva. U ftehemna jien u Ron flimkien; dak il-ħin ċempilna lil xulxin u xtrajna qabar l-Addolorata bejnietna u dfinna lilna nfusna.
Ron, kif kienet ir-reazzjoni tiegħek xħin qalulek li Ray ħa jippreżenta miegħek?
Ron: Jekk hemm persuna li nimmaġinani nippreżenta il-Ġimgħa filgħaxija miegħu huwa Ray Calleja. Ma narani nippreżenta ma’ ħadd ħlief ma’ Jacqui u ma’ Ray. Meta qaluli li hemm probabbiltà li ninkludu lil Ray miegħi, bdejt naħseb li qed nagħmel xi ħaġa ħażina. L-iskop tagħhom kien ulterjuri, jiena xi kultant forsi wisq intens meta nippreżenta, allura li jkun hemm Ray jimmansani, jinnewtralizzani ftit, togħġobni dik.
Ray, wara tmien snin irritornajt. X’ħajrek tkompli?
Ray: Il-fatt li xi ħadd staqsieni biex nirritorna. Ngħid id-dritt ma kontx qed nippjana, imma kont qiegħed fix-xifer li nibda nimmissja t-televiżjoni. Kienu ilhom li qaluli minn Ġunju imma xejn ma kien konkret, kien hemm il-ħsibijiet, kien hemm diskussjonijiet, kollox kien fl-arja. Jiena għidtilhom meta tiddeċiedu xi tridu tagħmlu kellmuni u ngħidilkom jekk irridx nagħmilha jew le. Meta mbagħad ġiet il-proposta li nippreżenta ma’ Ron, għidt iva istantanjament, mingħajr ma kelli ħafna dettalji għaliex lil Ron kelli x-xorti li ħdimt miegħu u ħdimna tajjeb flimkien u ħadt gost. Jien għalija Ron huwa ġentlom fl-attitudni tiegħu u dik għalija hija ta’ ħafna valur.
Ray, ir-raġel tiegħek Svediż, x’qallek xħin għidtlu li ħa tkompli televixin?
Ray: Kien eċitat. Ovvjament irrid noqgħod attent għaliex l-istandards tat-televixin Svediż huma differenti. Jien nammirahom ħafna. It-televixin Svediż għandu l-libertà li jirrifletti l-libertà tal-kultura Svediża, li jien nammira ħafna. M'għandhomx fanfara u xinxilli u formalitajiet. Hemmhekk tindirizza lil kulħadd b’ismu, l-onestà japprezzawha immens, allura jirriflettuha fuq il-prodotti tagħhom, fosthom it-televiżjoni u kif jgħixu ħajjithom. Jiena għallmitni ħafna f’dawn l-aħħar snin kemm ilni miżżewweġ lir-raġel tiegħi, kemm hija xi ħaġa prezzjuża l-onestà u n-nuqqas ta’ formalità. Kemm iġġibek iżjed bniedem sħiħ u komplet. Aħna għadna mxekklin b’sistemi Vittorjani li naħsbu li lil ħajjitna jġibuha ’l quddiem meta fil-verità jxekkluna.
Mustaċċuni minn Ottubru. Kienet ta’ sfida għalik u l-isem inti għażiltu?
Ray: Jien u ħiereġ mill-PBS, wara xi laqgħat li kellna fejn konna qed niddiskutu x’se jkun l-isem. Wara li kissirt rasi għal xi tliet sigħat, nara ħanut barbier eżatt faċċata tal-bieb ta’ barra li kellu t-tabelli bil-mustaċċi kbar fuqu u ġietni l-idea għall-isem Mustaċċuni. Ovvjament marbuta malespressjoni meta aħna ngħidu “dak mustaċċun/a”.
Ron: Tajjeb li wieħed jinnota li avolja użajna mustaċċi fl-identità tal-programm, penġejniehom bħala whiskers (mustaċċi tal-qtates) biex b'hekk ma jinħolqux kontroversji dwar il-ġeneru.
Imma intom it-tnejn fiex tħossukom mustaċċuni?
Ron: Ray mustacċċun kbir biex dak li jaħseb b'moħħu joħolqu b'idejh. Ray huwa r-raġel ta’ ħafna talenti, iħobb jagħmel l-affarijiet DIY (doit-yourself) id-dar. Għamel walk-in wardrobe bi tmintax-il kexxun. Iħobb isajjar ħafna wkoll!
Ray: Ron mustaċċun kbir f’li jkun tard! Imma wkoll persuna pożittiva ħafna! Jiġri x’jiġri dejjem ikun pożittiv u jagħmel lin-nies ta’ madwaru ferħana.
L-ewwel żewġ programmi kienu l-irtir fejn laqqajtu l-personalitajiet biex tagħmlulhom prova ta’ min hu l-aqwa mustaċċun. Issa qegħdin tippreżentaw il-programm millistudjo ġewwa St Vincent De Paul. X’qed jiġri?
Ron: Issa dħalna fl-ambjent proprja tal-programm. Mustaċċuni huwa maħluq biex ikun f’dan l-istudjo. L-ewwel parti kienet il-preparazzjoni u kienet raffa apposta biex illum il-ġurnata qed tħallilna r-riżultati li ridna fir-rigward ta’ mistiedna u l-preparazzjoni għalihom. Qed ikollna għażla ta’ mustaċċuni li ħa jkunu magħna kull ġimgħa flimkien ma’ mistednin oħra.
Ray: Qed ikollna magħna wkoll l-avukat tax-xitan kif ukoll mistiedna li qed nilagħbu magħhom logħob interessanti. Fil-programm ukoll qed nagħtu ġieħ lil persuna li ħaqqha tkun rikonoxxuta bhala l-mustaċċuna tal-ġimgħa. Għandna rokna wkoll tal-aħbarijiet bi stil komiku, kif ukoll rokna dwar dak li qed jiġri Malta bħalissa. Dan apparti sorpriżi li minn ġimgħa għal ġimgħa qed jiżdiedu u jikbru!
Matul il-programmi rajna wkoll biċċiet satira minn żewġ karattri, Max u Martin, li qed tinterpretaw intom. Ser tkomplu bihom dawn?
Ron: Dak huwa miniserje u ħa jiżviluppa. Jien Martin u Ray qed jagħmilha ta’ Max.
Għal min mhux qed jarah, għalfejn għandu jarah?
Ray: Għaliex huwa garanzija ta’ sagħtejn ta’ logħob u divertiment bil-wegħda li qegħdin ukoll immexxu biex nieħdu t-televiżjoni Maltija f’livelli ġodda, bi produzzjoni ta’ kwalità u ta’ kontenut.
Nawguraw lil Ray u lil Ron għall-programm Mustaċċuni li qed jixxandar fuq TVM kull nhar ta’ Ġimgħa fid-9 ta’ filgħaxija.
RON BRIFFA
Mustaċċun biex jimita lill-papri!
Ħafna jaqbdu miegħek għax għandek leħen partikolari. Ġieli ppruvajt tgħid xi ħaġa serja u m’emmnukx?
Ron: Ma joħdunix bis-serjetà, jaħsbuni qed niċċajta. Ġieli ġratli anke f’laqgħat serji, jgħidulu “ehh mela inti vera titkellem hekk?”
Ray: Jien kont naħseb li “it was a put-on voice”.
Ron: Ejja ngħidu li l-vuċi tiegħi ma tgħinx.
Imma tieħu għalik fuq xi ħaġa?
Ron: La tkun qiegħed fl-għajn pubblika ma tistax toqgħod tieħu għalik. Trid tkun lest għal kollox. Anzi jien nieħu pjaċir li anke fl-iskript jiċċajtaw bid-difetti tiegħi. Vera ma niddejjaqx u ma taffettwani xejn.
Fis-sekondarja ma kontx daqshekk bubbly. Kont mistħi?
Ron: Vera, jien kont vera mistħi, sa anka biex immur it-toilet kont nistħi u niddejjaq ħafna għax kont inħoss l-attenzjoni kollha fuqi u qisu kulħadd qed iħares lejja.
Imbagħad x’ġara?
Ron: Naħseb li fi żmien il-Junior College kont rabbejt il-kunfidenza, x’aktarx kien it-teatru li għeni li nkabbar din il-kunfidenza.
Iltqajt ma’ ħafna personalitajiet. Tgħidilna ftit b’min ħadt gost l-iktar?
Ron: Emma Muscat li kienet ġiet l-ewwel personalita filprogramm tas-sena l-oħra. Keith Demicoli kien vera talġenn għax ikompli. Naħseb Emmy Bezzina tani l-aktar sfida għax ma tikkontrollahx. Min-naħa l-oħra, Denise Dalton ġellditna mal-udjenza ftit iktar konservattiva.
X’tgħidilna fuq Ray?
Ron: Ray huwa super organizzat, minjiera fiddinja tal-arti. Someone to look up to, great fun. Fl-opinjoni tiegħi huwa l-aqwa attur versatili li għandna fuq it-televiżjoni f’Malta. M’hawnx min joħloq il-karattri li joħloq hu. He is a character actor (ħafna drabi aħna l-Maltin nirreferu għal dan it-tip t'attur bhala Impersonator)
Kellek xi karattru ta’ Ray favorit?
Ron: Tal-pastizzi kont niggustah wisq. Ilkarattru tiegħu kien jogħġobni ħafna. Ilpsikologu kien ukoll karattru interessanti ħafna. Ray hu ġgant fit-televizjoni u d-drama Maltijau żgur ħaqqu kull tifħir.
RAY CALLEJA
Mustaċċun biex ikun diplomatiku!
L-aħħar programm li għamel fuq it-televiżjoni kien Illostra ma’ Larissa Bonaci fuq ONE. Minn dakinhar iggradwa filpsikoloġija u l-antropoloġija, ħa ħsieb il-ftuħ taċ-CHOGM u kompla jieħu sehem fid-drama.
Taqbad ma’ ħafna nies imma int tieħu għalik fuq xi ħaġa?
Ray: Meta kont żgħir kont, imma issa m’għadni nieħu għalija fuq xejn. Maż-żmien tirrealizza li jekk tagħti importanza lil dawk l-affarijiet li jagħmluk imdejjaq, ħajtek tiġi tad-dwejjaq. Meta titgħallem tidħaq bik innifsek inti jirnexxilek issalva u tgħix aktar kuntent. Dak hu l-unika sigriet tal-ħajja; li jkollok il-kapaċità li tidħaq bik innifsek. Il-poplu rnexxielu jegħleb it-traġedji billi juża l-umoriżmu.
Fejn sirt taf lil Ron l-ewwel darba?
Ray: Naħseb minn żmien Mini u Griz niftakar lil Ron jippreżenta. Ma kontx insegwi l-programm filgħodu imma filgħaxija meta ma stajtx norqod, kont naqliblu u nsib lil Ron f’dan il-programm. Kont nieħu pjaċir narah u fih kont nara ġenwinità.
Ir-raġel tiegħek hu infermier. Kif kienet l-esperjenza tagħkom fil-pandemija?
Ray: L-istorja bdiet meta aħna nqbadna Sqallija minħabba l-pandemija. Kif faqqgħet konna hemm proprju għallbirthday tiegħi. Konna ħamest ijiem vaganza u faqqgħet lockdown l-Italja u mat-tielet ġurnata kellna niġu lura. Ikolli nammetti li dak iż-żmien ma kienx sabiħ. Jien kelli anke severe panic attacks dak iż-żmien, anke bl-inċertezza li kien hawn. Hu nqabad hawn u kellu jerġa’ jmur lura għax-xogħol u ma setax. Kien qed jirriskja li se jitlef ix-xogħol. Kien wieħed mill-iktar departures li kien diffiċli għalina t-tnejn. Meta rnexxielna naqtgħu l-biljetti tal-ajruplan, hu kellu jaqbad tliet ajruplani biex jasal fuq perjodu ta’ tliet ijiem; daqshekk kienet ikkomplikata biex jerġa’ jasal lura d-dar. Ħadtu l-ajruport, l-ajruport kien totalment vojt ħlief hu fuq repatriation flight. Kienet esperjenza tal-biżgħa; qatt ma naf li ħassejtni daqshekk ħażin. Trid tgħid ċaw mingħajr idea ta’ x’se jiġri u meta se terġa’ tiltaqa’ u kif se tispiċċa din l-istorja. Għaddew sitt xhur qabel ma erġajna ltqajna u s-sitwazzjoni kif kienet, jiena stajt naħdem minn hemm, billi nkompli x-xogħol tiegħi billi nkun Sweden u tlaqt għal xahrejn u nofs. Però l-ivjaġġar f’dawk iż-żminijiet kien attroċi u tal-biżà.
Jiġifieri meta inti kont qed idaħħak lin-nies mid-dar u titfa’ d-dates, int kont għaddej minn panic attacks gravi?
Ray: U iżjed. Kelli issues ta’ familjari li kienu barra minn Malta u kienu qed jippruvaw jiġu Malta. Kif qam dan kollu, kien hemm inċertezzi kbar. Eżatt kif spiċċatli l-kwarantina, dakinhar, ħriġt nixtri għax f’dak il-perjodu konna qed niddependu fuq in-nies biex iġibulna l-affarijiet, allura flaħħar tgħid ejja taf kif, nista’ nerġa’ noħroġ. Hekk kif nidħol fis-supermarket itini panic attack gravi għas-sempliċi raġuni li filli konna fil-ħajja kif kienet normali, filli mort kwarantina u ma kontx qed nara x’qed jiġri barra, u kif nidħol fis-supermarket stajt inħoss, kulħadd bil-maskri, innies, kien hemm din il-biża’ fil-wiċċ. Taraha biss fl-għajnejn. Dak kien fil-bidu, ħadd ma jersaq qrib xulxin u kidditni għax jien waħda mill-affarijiet li nħobb f’ħajti hi li n-nies jieqfu jkellmuni u jsellmu, min jieqaf jgħid kelma; kien jiġrili hekk speċjalment fis-supermarket. Kif f’daqqa waħda esperjenzajt supermarket u qisu ma daħal ħadd (hawn iz-zombies) u kulħadd qed jibża’ minn xulxin, tant kidditni li kien tani dak il-panic attack gravi u ovvjament ir-raġel tiegħi, għaliex hemmhekk imdorrijin differenti u mdorrijin fid-distanza, dar lejja u qalli: “Għaliex? Mhux hekk is-soltu jkun is-supermarket?” Kien mument fejn dħakna ftit u ġabni f’tiegħi, speċi.
Ma ddejqikx li n-nies iwaqqfuk u jkellmuk?
Ray: Lanqas xejn, anzi nħossni sigur ħafna li qiegħed fejn qiegħed, in-nies li jien ma nafx, isellmuli. Għandi dak is-serħan tal-moħħ li jekk jinqala’ xi ħaġa, hemm xi ħadd li b’xi mod jafni.
Apparti Mustaċċuni, qed tieħu ħsieb xi ħaġa oħra?
Ray: Jien bħalissa wkoll id-direttur artistiku talIspecial Olympics li se jsiru Malta f’Mejju. Inħossni onorat li ġejt fdat b’dan l-eżerċizzju għaliex l-Ispecial Olympics l-ewwel nett hemm konnessjoni għax bdew fl-1968, meta twelidt jien. Imma l-kunċett tagħhom evolva biż-żmien u huwa xi ħaġa sabiħa immens li iktar ma nagħmel riċerka fuqha u iktar ma nara, iktar inħossni nagħmel self development għaliex il-kunċett huwa li “this is all about us”. M’hemmx distinzjoni ta’ diżabilità intellettwali jew diżabilitajiet oħra. L-istorja tagħna tal-umanità hija fuqna lkoll u dan huwa l-kunċett prinċipju talIspecial Olympics.
X’għandna nistennew?
Ray: Għandna nistennew ftuħ spettakolari li se jsir Malta, saqajna mal-art, qed nitkellmu fuq affarijiet li qed isiru wara pandemija wara restrizzjonijiet, jiġifieri anka ekonomikament ma stajniex inroxxu l-bżar bla rażan. Ridt li nkunu attenti għaliha imma naħseb għandna naraw ftuħ u parteċipazzjoni fil-logħob li għandna nkunu kburin biha. L-atleti Maltin se jieħdu sehem kollha għax hekk jiġri meta timxi minn pajjiż għall-ieħor, l-atleti ta’ dak il-pajjiż jieħdu sehem kollha u mhux selezzjoni, hija waħda mill-prinċipji tal-Ispecial Olympics. Hemm tim eċċezzjonali wara l-Ispecial Olympics Malta li huma ddedikati, l-affarijiet li jagħmlu mal-atleti u l-atleti per se huma ta’ ispirazzjoni kbira. It’s a very humble experience.
Mhux l-ewwel darba li ħdimt fuq xi ħaġa ta’ skala kbira...
Ray: Imma c-CHOGM huwa intenzjonat għall-kbarat. Dan huwa l-Ispecial Olympics li jieħdu sehem atleti b’diżabilità intellettwali imma l-kunċett tiegħu huwa li “it’s all about us” u dan il-ħsieb tant huwa sempliċi u sabiħ li inti m’inti tagħmel l-ebda distinzjoni, hija kompetizzjoni vera għalihom u akkanita, jiġifieri dawn jegħrqu l-għaraq tad-demm biex jaslu fejn iridu jaslu u biex jagħmlu t-taħriġ. Imma li toħloq kunċett imdawwar mal-idea li “din hija l-istorja tagħna”, m’hemmx differenzi, jien naħseb li hija xi ħaġa li kull bniedem għandu jieħu xi ħaġa minnha u jitgħallem minnha. Dan il-kunċett kienet bdietu oħt John F Kennedy, għax kellhom oħthom Catherine li kellha diżabilità intellettwali u għalhekk bdiet ilkunċett in her back garden.
Fuq Mustaċċuni ser narawha lil Jo Żette?
Jo Żette, karattru li kont nagħmel jien. Mhux ser nirrispondik għal din il-mistoqsija! Jo Żette hu karattru li ma ninsa qatt, karattru li saħansitra għal ftit ma ħaditx sehem fil-Malta Eurovision. Kien qam hype enormi fuqha! Il-kunċett ta’ Josette li tapplika għall-Eurovision kien kunċett li ħaduh Verka Serduchka tal-Ukranja li kważi rebħet il-Eurovision. Ħassejtni kburi li kont ħriġt b’xi ħaġa li setgħet tkun tajba.