3 minute read

Intervista ma’ Ivan Grech

IVAN GRECH

Ġurat ġdid f’X Factor Malta

Advertisement

Segwejthom l-istaġuni preċedenti? Kien hemm xi kantant/a grupp li vera għoġbok?

Kont insegwi xi ftit siltiet fuq il-midja socjali, però ħafna mil-live shows kont insegwihom fuq it-televiżjoni. Kien hemm talent ġdid u interessanti, kien hemm uħud li għoġbuni, fost oħrajn Luke Chappell u F.A.I.T.H. Kont sorpriż ħafna bl-eliminazzjoni ta’ Jasmine Abela; għoġbitni ħafna Justine Shorfid – vuci impressjonanti, u ma nistax ma nsemmix lil Destiny – brava immens.

X’qed tistenna mit-tielet staġun?

Qed nistenna li niskopru aktar talent ġdid, personalitajiet differenti li b’xi mod jesprimu dak li huma. Xejn ma jagħmel l-artisti aktar interessanti u oriġinali milli meta jesprimu dak li huma, aktar ma jkunu leali lejn dak li jagħmilhom uniċi aktar hemm ċans li jimxu 'l quddiem.

Għaliex tħoss li X Factor hu importanti?

X Factor huwa importanti għax joħloq spazju u pjattaforma fejn artisti ġodda jistgħu jiġu skoperti u jingħataw opportunitajiet fejn jistgħu verament jimirħu u jsaħħu t-talent tagħhom. L-importanti huwa li dawn l-artisti jifhmu li dan huwa biss bidu, X Factor jista’ jqabbdek it-triq, però safejn ser jaslu jiddependi ħafna minnhom, iridu jkunu mija fil-mija determinati u ddedikati. F’din l-industrija trid tagħti kollox, ma taqtax qalbek u ma tħoss qatt li wasalt.

Kif ħadtha l-aħbar li ntgħażilt biex tkun ġurat fl-X Factor?

Jien tul il-karriera kelli ħafna stediniet sabiex inkun parti minn ġurija f’avvenimenti ewlenin, però dejjem kont xettiku u qatt ma aċċettajt. Din id-darba wkoll ma kontx ċert, però tkellimtha, ħsibtha sew u bdilt fehemti. Irraġunajt li l-maġġoranza assoluta talparteċipanti huma talent ġdid u l-aktar ħaġa li inkuraġġietni hi li nista’ nagħti l-kontribut tiegħi billi ngħaddi u naqsam ma’ dan it-talent frisk dak kollu li nista’ mill-esperjenza tiegħi fid-dinja tal-mużika.

Liema kategorija tixtieq li tieħu ħsieb din is-sena?

Mistoqsija iebsa, ma ħsibtx fuqha. Forsi talOvers?! Fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi merħba bih.

Covid-19 ma kienet xejn faċli għalik u għall-familja tiegħek. Tgħidilna ftit fuq din l-esperjenza?

Iva, barra li xogħli bħala mużiċist waqaf tista’ tgħid kompletament minħabba l-pandemija u allura batejna ħafna finanzjarjament bħal ħafna oħrajn, sfortunatament f’Marzu li għadda ħriġt pożittiv bil-Covid-19. Għadni ma nafx kif għax kont dejjem attent. Kelli niżola ruħi f’kamra waħdi għal ħmistax-il ġurnata. Kienet esperjenza kerha ħafna; tlitt ijiem minnhom uġigħ fl-għadam u fil-muskoli, konfużjoni u taħwid fil-moħħ, tlift is-sens tax-xamm u spiċċajt bla saħħa, iżda l-agħar kien għadu ġej. Wara li għamilt test u ġejt negattiv, ħsibt li l-kbir għadda, però ma kienx hekk. Jumejn wara tlift leħni u domt aktar minn xahrejn u nofs, ħafna minnhom mingħajr leħen kompletament. Kont immur għand it-tabib u l-professur li poġġewni fuq mediċina apposta, però domt ħafna biex nara xaqq ta’ tama. Kif tistgħu timmaġinaw

kienet fażi devastanti għalija, affettwatni ħafna moralment u mentalment. Kieku ma kinux dawk viċin tiegħi u ma sibtx saħħa ġewwa fija biex nibqa’ nittama li kollox ser jerġa’ jiġi għan-normal, ma nafx kif kien ser jirnexxili noħroġ minn din il-fażi mudlama f’ħajti.

Bżajt li ser titlef il-vuċi?

Iva kien hemm mumenti fejn xejn ma kien ċert. Beda jgħaddi ż-żmien mingħajr ma nagħmel ebda tip ta’ progress, inkubu li ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minnu. Min baqa’ jgħid li l-Covid hija xi tip ta’ influwenza bħall-oħrajn ma jafx x’qed jgħid. II-Covid mhux ċajta. Ma ninsewx li kien hemm min spiċċa ħafna agħar minni u ħafna oħrajn tilfu ħajjithom. Kondoljanzi sinċiera lil kull min ġarrab telf.

Kif tiddeskrivi s-sajf 2021?

Lejn nofs is-sajf bdejt ġej f’sikkti u bil-mod leħni beda ġej lura u kelli xi guest performances żgħar f’events differenti. Iżda fuq kollox komplejt naħdem fuq mużika ġdida, ikkomponejt diski ġodda li ser tisimgħuhom fil-futur qarib, erġajt ksibt il-muża li ħarġitni ’l barra mill-comfort zone tiegħi. Ħloqt

ħafna biċċiet instrumentali, tipo soundtracks tal-films, nixtieq li dawn jiġu rranġati sabiex jindaqqu minn orkestra u eventwalment nirrikordjahom, u noħloq esperjenza awdjoviżiva.

Kompli din: Ngħid IVA biss jekk….

Naqbel vera, il-bqija ngħid LE u dak li nħoss.

Mill-karriera tiegħek, x’għandna nistennew fiż-żmien li ġej?

Winter Moods lura wara stennija twila b’silta gdida “The Journey”, silta li ċert ser tinżel għasel mas-segwaċi tal-grupp. Eventwalment nagħmlu kunċert ieħor ta’ Winter Moods.

Jiena bħala solist… aktar siltiet, kollaborazzjonijiet, perfomances u affarijiet oħra li tipprovdi l-ħajja u l-vjaġġ mużikali tiegħi.

This article is from: