4 minute read

Ġurnata missjunarja

ĠURNATA MISSJUNARJA: ARA FTIT X’SER ISIR DIN IS-SENA

Is-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji huma magħrufa f’ħafna pajjiżi bħala Missio. Dan huwa l-isem ta’ grupp ta’ soċjetajiet missjunarji Kattoliċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni talPapa. Dawn l-organizzazzjonijiet jinkludu s-Soċjetà talPropagazzjoni tal-Fidi, is-Soċjetà ta’ San Pietru Appostlu, l-Assoċjazzjoni tas-Santa Infanzja u l-Unjoni Missjunarja tas-Saċerdoti u r-Reliġjużi. Sa mis-sena 1922, Missio kien u għadu l-organizzazzjoni li joffri l-appoġġ uffiċjali tal-Knisja Kattolika lill-missjonijiet barranin. Il-Papa speċifikament jitlob lill-Missio sabiex jgħin iwassal il-messaġġi ta’ Kristu liddinja, speċjalment f’pajjiżi fejn il-Kristjaneżmu huwa ġdid, għadu fil-bidu tiegħu u/jew huwa fqir.

Advertisement

Missio, b’aktar minn 120 uffiċċju madwar id-dinja, jagħti kura u appoġġ lill-knejjes li għadhom jibdew sakemm dawn ikunu kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Missio huwa l-unika organizzazzjoni li jagħti appoġġ lil kull min jagħmel parti mill-1,200 djoċesi missjunarja fid-dinja. Missio jibqa’ ħaj permezz tal-ġenerożità tal-Kattoliċi u jilgħab parti kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar, il-mard, l-inġustizzji u l-isfruttar.

Ta’ kull sena x-xahar ta’ Ottubru jkun kollu kemm hu ddedikat għall-missjoni. Il-kura tal-Papa għall-knejjes kollha hija espressa permezz tat-talb u tas-solidarjetà, li huma inkoraġġuti minn Missio. Permezz tal-Kattoliċi Maltin u Għawdxin, Missio jippermetti li knejjes f’djoċesijiet missjunarji jilħqu l-komunitajiet tagħhom bl-imħabba u l-kompassjoni ta’ Ġesù Kristu. Kien għalhekk li fis-sena 1926 Papa Piju XI ddikjara l-Ħadd ta’ qabel l-aħħar ta’ Ottubru bħala l-ġurnata missjunarja – jum ta’ talb għall-missjonijiet. Aktar ’il quddiem ix-xahar ta’ Ottubru ġie ddikjarat bħala x-xahar missjunarju. Din is-sena din il-ġurnata ser taħbat nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru u t-tema magħżula minn Papa Franġisku hija: “MA NISTGĦUX MA NITKELLMUX FUQ DAK LI RAJNA U SMAJNA.” (Atti 4:20)

Xi proġetti ser isiru?

Din is-sena aħna mistednin li nissieħbu mal-Knisja filKambodja, peress li dawn jipprovdu protezzjoni u żviluppi kontinwi lil tfal li huma vulnerabbli. L-Isqof Kike u t-tim tiegħu fetħu dar għal tfal b'diżabilità kkawżati minn mini tal-art (landmines) jew mard bħall-poljo u l-kanċer. Mill1975 sal-1979, il-pajjiż għadda minn tbatija kbira minħabba l-gwerra ċivili. Tul is-snin 70 u 80, fil-Kambodja tpoġġew miljuni ta’ bombi moħbija taħt l-art li kif tirfishom jisplodu. Minkejja l-isforzi għal aktar minn 20 sena biex jitneħħew dawn il-mini tal-art, huwa stmat li għad hemm ’il fuq minn 3 miljun mina tal-art u armi oħra midfuna madwar il-pajjiż. Dawn jikkawżaw madwar 100 inċident u diżgrazzja kull sena.

Għin lill-Isqof Kike jagħti kuraġġ lin-nies b’diżabilità fiċċentru Arrupe fil-Kambodja, għax mingħajr l-appoġġ tiegħek iċ-ċentru ma jistax ikompli l-missjoni sabiex jieħu ħsieb lil dawn in-nies fil-Kambodja. Inti tista’ tgħin lill-Isqof Kike u liċ-ċentru Arrupe kif ukoll missjonijiet oħra, billi matul dan ix-xahar missjunarju tagħti d-donazzjoni tiegħek: • Permezz tal-website tagħna www.missio.org.mt/donate • Fl-envelopp li tirċievi d-dar • Kif ukoll tpoġġi d-donazzjoni fil-knejjes nhar il-Ħadd Missjunarju.

Xi stejjer qed tiltaqgħu magħhom?

Chen huwa ġuvnott simpatiku li jgħix fiċ-ċentru Arrupe. Sa għaxar snin ilu, il-ħajja ta’ Chen kienet differenti ħafna hekk kif kien jieħu gost imur l-iskola, jgħin lill-familja tiegħu fir-razzett u jilgħab il-futbol ma’ sħabu. Imma ftit taż-żmien ilu kollox inbidel, meta Chen rifes fuq mina tal-art li ħaditlu saqajh it-tnejn. Fil-bidu kienet diffiċli wisq għal Chen biex jaċċetta li ma setax jimxi iktar b’mod normali bħal qabel. Il-limitazzjoni kienet kemm fiżika kif ukoll mentali, hekk kif beda jħossu ta’ piż fuq il-familja tiegħu li diġà kienet qed titħabat finanzjarjament. Meta t-tama dehret mitlufa, Chen instab mill-Isqof Kike Figaredo u t-tim taċ-ċentru Arrupe. Illum il-ġurnata, Chen mhux biss ma jħossux ta’ piż, imma jgawdi suċċess akkademiku u professjonali. Fil-fatt, illum il-ġurnata Chen qed jistudja l-ipprogrammar tal-IT fl-università, filwaqt li jaħdem fiċ-ċentru tat-tessuti, La Paloma. Apparti minn hekk, huwa meqjus ta’ eżempju kbir għal żgħażagħ residenti oħra fiċ-ċentru, għax bl-istess mod li sab issapport u l-imħabba hu, issa qiegħed jagħti s-sapport huwa stess lil residenti oħra sħabu. Chen qed jingħata ċans ieħor grazzi għaċ-ċentru Arrupe u għall-Missio li jgħin lil dan iċ-ċentru bis-saħħa tad-donazzjonijiet u l-qlub ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin.

Dara huwa tfajjel li wkoll jgħix fiċ-ċentru Arrupe, ċentru li jagħti għajnuna, edukazzjoni u taħrig lil tfal b’diżabilità bħal Dara. Ftit tas-snin ilu, huwa tilef il-pala t’idu u parti mid-dawl t’għajnejh meta waqt li kien m’oħtu flgħalqa ta’ nannuh ġabar xi ħaġa tleqq li sab fl-art. Dak li ġabar kienet fil-fatt mina tal-art li splodiet f’idu. Illum il-ġurnata, Dara jmur l-iskola u apparti li jmur tajjeb flistudji, jogħġbu ħafna l-isports. Illum il-ġurnata, iħossu membru attiv fil-komunità tiegħu u jgħid li t-tim taċċentru Arrupe jimbuttah ħafna sabiex kuljum iħossu iktar motivat u ħerqan li ’l quddiem jidħol fid-dinja tax-xogħol, f’xogħol għal qalbu. Missier Dara jirringrazzja ’l Alla li Dara waqaf iħossu waħdu u minsi, dan wara li nstab mit-tim taċ-ċentru Arrupe. Il-missier jgħid li huwa ma kellux riżorsi biżżejjed sabiex iżomm lil Dara miegħu meta tilef il-pala t’idu u l-vista, u li hu kburi u ferħan li ċ-ċentru Arrupe ħa lil ibnu u qed itih taħriġ edukattiv sabiex ikun jista’ jaħdem fil-futur. Dara qed jingħata ċans ieħor grazzi għaċ-ċentru Arrupe u għall-Missio li jgħin lil dan iċ-ċentru bis-saħħa tad-donazzjonijiet u l-qlub ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin.

Nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru ftakar fil-ġurnata missjunarja u għin lill-Missio!

Tinsewx wkoll il-programm “ARA MIN MAR!” li ser jkun qed jerġa’ jixxandar min Ottubru li gej fuq NET TV.

Kif diga tafu, individwi u personalitajiet minn sfondi differenti tal-ħajja qed jiġu intervistati bil-għan li jaqsmu l-esperjenza kollha tagħhom fil-missjoni; mill-bidu nett tal-preparazzjoni għall-vjaġġ ta' esperjenza attwali li għamlu barra mill-pajjiż, kif ukoll il-konsegwenza ladarba l-individwu jkun lura d-dar. L-intervista ta’ 50 minuta ddur ukoll madwar il-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-mistednin, allura t-telespettaturi huma assigurati bi programm divertenti u ta' għarfien! Taħlita ta' mistednin, minn personalitajiet tat-TV sa membri tal-Knisja u żgħażagħ!

Għal aktar tagħrif wiehed jista’ jsibna fuq il-paġna ta' Facebook “Ara Min Mar!”

This article is from: