4 minute read

Għajnejn ileqqu bl-imħabba – Artiklu fuq l-annimali tad-dar

GĦAJNEJN ILEQQU BL-IMĦABBA

“Jitkellem jonqsu!”. Ma ngħoddx kemm-il darba għedt din il-frażi għall-kelb tiegħi. Kemm ilu d-dar ħlief ferħ ma ġabx miegħu. Jekk toħroġ mid-dar għal ħames minuti għax tkun ħallejt xi ħaġa fil-karozza jew imqar sakemm toħroġ tiċċekja l-posta, jerġa’ jifraħ bik xħin tiftaħ il-bieb daqslikieku ilu ma jarak wisq aktar minn ħames minuti. Jitla’ miegħek, jimliek bil-pil li bħal-labra jaqbad ma’ ħwejġek, iġebbed fi ħwejġek, jilgħaqlek wiċċek, jolqtok b’denbu li kultant iweġġgħak, insomma, f’kelma waħda, jew aħjar tnejn, imħabba u lealtà assoluta. Insejt insemmi wkoll li sabiex jonorak bil-preżenza kbira tiegħu, għaliex dan il-kelb tiegħi jiżen ftit kilos mhux ħażin, jitmattar fejn saqajk, u jidħol bejn idejk u l-mejda tal-ikel bi mnieħru mxarrab bl-intenzjoni ċara, u b’ħafna attenzjoni, sabiex jurik li qed jarak tiekol. Jagħmel dan biex ifakkrek li trid jew ma tridx, ser ikollok tħallilu l-aħħar naqra tal-ikel li għandek fil-platt.

Advertisement

Intom kollha li qegħdin taqraw dan l-artiklu u għandkom xi annimal fid-dar tagħkom, żgur li dan li għadni kemm qsamt magħkom rigward l-esperjenza mal-kelb tiegħi, tesperjenzawh intom

bl-istess mod mal-annimal domestiku tagħkom. Forsi dawk l-aktar komuni huma l-klieb u l-qtates, u forsi l-għasafar ukoll, però kif ser naraw iktar ’il quddiem fl-artiklu hawn annimali oħrajn li qegħdin isiru iżjed popolari, u li ħafna Maltin u Għawdxin qegħdin ukoll irabbu fid-djar tagħhom.

Arahom jitgeddsu taħt il-friex!

Il-kelb tiegħi l-hena tiegħu jitgeddes taħt il-friex hekk kif it-temp jibda jiksaħ. Issa li l-istaġun tax-xitwa magħna, tajjeb li naraw li l-annimali li għandna d-dar ma jonqoshom xejn, bħal ngħidu aħna xi libsa li nistgħu nlibbsulhom kemm fiddar u kif ukoll barra. Naraw li s-sodda tagħhom għandha kutri li jżommuhom sħan. Tajjeb li naraw li saqajhom u subgħajhom ikunu nexfin u mhux imxarrbin. Għandna niċċekkjaw ukoll li ma jkollhomx xi qsim jew ħmura fil-qiegħ ta’ subgħajhom, u f’dan il-każ nistgħu napplikaw xi ftit żejt tal-ġewż. Fl-istaġun tax-xitwa naħsluhom inqas u dan sabiex nevitaw milli nneħħulhom żjut li jipproteġuhom milli jiżviluppaw ġilda xotta. L-istess japplika għall-pil, hekk kif fixxitwa għandna nevitaw milli nneħħulhom il-pil, u dan proprju għaliex naturalment dan jintuża mill-annimal sabiex jipproteġih mill-ksieħ taxxitwa. Fejn jidħol l-ikel fix-xitwa, jekk għandna annimali li qegħdin iqattgħu x-xitwa ġewwa u li qed jagħmlu ftit li xejn eżerċizzju, ma nagħmlux ħażin jekk innaqqsulhom xi ftit mill-porzjon talikel, filwaqt li jekk għandna annimali domestiċi li però joqogħdu barra, f’dan il-każ inkunu qegħdin ngħinuhom iżjed jekk inżidulhom xi ftit fil-porzjon tal-ikel. Matul l-istaġuni kollha importanti ferm li l-annimali li jkollna fid-djar tagħna dejjem ikollhom aċċess għal skutella b’ilma nadif.

Id-dieta u n-nutrizzjoni

Kieku kellna nsemmu l-aħjar ikel għallqtates, irridu naraw li dan fih kemm proteini, karboidrati u kif ukoll xaħmijiet. Fir-rigward tal-klieb, mill-banda l-oħra, flimkien ma’ bilanċ tajjeb bejn l-ingredjenti msemmijin hawn fuq, irridu naraw ukoll li l-ikel li qegħdin nagħtuhom fih ukoll biżżejjed fibra, u dan sabiex jgħin lissistema diġestiva. Inżommu f’moħħna wkoll li l-ikel huwa addattat għall-età tal-annimal li għandna, għas-saħħa tiegħu jew għal xi

kundizzjoni jew kundizzjonijiet li jista’ jkollu, u kif ukoll li l-ikel jaqbel mal-livell ta’ attività li l-annimal tagħna jagħmel. Tajjeb li waqt dan il-proċess inżommu infurmat lit-tabib tal-annimali u dejjem nikkonsultaw miegħu.

Xi ngħidu għat-tilqim u għall-kura tas-snien?

Li nlaqqmu lill-annimali tagħna kontra mard li jista’ jiġi evitat hija r-responsabilità tagħna. Hekk kif inġibu xi annimal id-dar l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hija proprju appuntament għand it-tabib tal-annimali sabiex naraw x’tilqim ser jieħu u meta. It-tabib ser jigwidak meta għandek tmur għat-tilqim li jkun imiss, u huwa fl-obbligu tagħna li nżommu dak l-appuntament. Jekk l-annimal kiber, ma jfissirx li ma jistax jimrad jew li m’hemmx tilqim li għandu jieħu. It-tilqim ikollu bżonn jiġi mġedded u għalhekk huwa essenzjali li nżommu nota u kuntatt mat-tabib tal-annimali minn tal-inqas darba fis-sena sabiex dan jara li l-annimal qed jiekol ikel tajjeb għalih, huwa f’saħħtu u qed jagħmel l-eżerċizzju neċessarju. Fir-rigward tal-kura tas-snien, irridu naraw li dawn qegħdin innaddfuhomlhom kuljum bi xkupilja tas-snien li tixbah ħafna lil dik li nużaw aħna l-bnedmin. Madanakollu, il-kura tas-snien għandha dejjem tibda b’vista għand it-tabib tal-annimali.

L-ħut u r-rettili: iżidu fil-popolarità

Qegħdin naraw dawn l-annimali iżjed bħala annimali domestiċi. Fir-rigward tal-ħut, l-ewwel għandek tibda billi tiddeċiedi liema hija dik l-ispeċi ta’ ħut li trid għaliex dan ser jiddetermina liema akkwarju ser ikun adegwat. Iktar kemm l-akkwarju jkun kbir, iktar il-ħut ser ikun komdu, ser jgħix iżjed u ser tnaqqas problemi ta’ aggressività bejn il-ħut. Ser tkun iżjed faċli għalik ukoll sabiex iżżomm l-akkwarju f’kundizzjoni tajba. Żomm f’moħħok post addattat għall-akkwarju, għax il-ħut jaf ikun irid iddawl jew is-sħana, li tinvesti f’filtru addattat u li żżejjen l-akkwarju b’mod u manjiera li jixraq lill-annimali li għandek fih.

Ir-rettili, bħal gremxul, fkieren, u sriep ukoll qed iżidu filpopolarità bħala annimali domestiċi. Jekk m’intix komdu b’rettilu kbir, ibda billi trabbi rettilu iċken. Kun konxju tat-temperatura, tal-livell ta’ umdità u anka tal-ammont ta’ dawl għaliex dawn il-fatturi kollha jinfluwenzaw lirrettilu u lis-saħħa tiegħu. Dejjem żomm idejk nodfa meta tmisshom jew terfagħhom u żomm ruħek aġġornat fuq l-aħjar kura għalihom.

Nagħlaq dan l-artiklu billi ngħid li l-annimali jistħoqqilhom l-istess imħabba u rispett li juru huma lilna l-bnedmin. L-għajnejn ileqqu bl-imħabba mhuma xejn għajr għajnejn il-kelb tiegħi Roy li addottajt sentejn ilu, u għajnejn l-annimali kollha li jħobbu bi mħabba mingħajr kundizzjonijiet jew limiti.

This article is from: