2 minute read
Tgħid xi ħadd iġibli pupa?
from GWIDA October 2021
Martina* tinsab fil-kamra tagħha, fuq is-sodda taqra ktieb. Fid-dar hemm ħemda hekk kif it-tlett itfal l-oħra li jgħixu magħha, qegħdin il-judo, kif is-soltu jagħmlu nhar ta’ Ħamis. Jinstema’ biss leħen Rosey, waħda mill-carers li b’tant għożża jieħdu ħsieb lil dawn iċ-ċkejknin ta’ kuljum, tkanta b’leħen baxx ħafna mar-radju li jinsab fil-kċina, minn fejn kienet ġejja riħa taqsamlek qalbek.
Martina ilha tgħix f’din id-dar għal dawn l-aħħar ftit xhur, wara li nstab li l-ġenituri tagħha ma kinux jitrattawha sewwa. Hija tilfet ħafna skola meta kienet tgħix magħhom u kienet titħalla bil-ġuħ u tfendi għal rasha, minkejja l-età tenera tagħha ta’ 7 snin. F’dawn il-ftit xhur, Martina għarfet x’ jiġifieri tgħix f’ambjent seren, li tkun mitmugħa b’għożża u li tmur l-iskola u tieħu ħsieb l-edukazzjoni tagħha. Għamlet progress kbir u minkejja li timmissja lill-ġenituri tagħha, tifhem li bħalissa tinsab ikkurata ferm aħjar.
Advertisement
Ftit tal-ġimgħat ilu, Sara*, il-professjonista li taħdem ma’ Martina, mid-Direttorat Kura Alternattiva, staqsietha x’toħlom li tirċievi fi żmien il-Milied. Martina tfixklet għax lanqas tiftakar li xi ħadd qatt staqsieha. Fil-verità lanqas taf eżatt x’jiġri fil-Milied. Wara li Sara spjegat lil Martina x’jiġri fil-Milied, Martina tbissmet u bi ftit mistħija qaltilha li kemm ilha tmur l-iskola, semgħet lit-tfal tal-klassi jitkellmu fuq kemm jilagħbu bil-pupi d-dar. Kemm ilha fil-community home tad-Direttorat, sabet xi pupi biex tilgħab bihom, imma qatt ma rċeviet pupa tagħha bħala rigal. Bħal Martina, hemm ħafna tfal oħrajn, li minkejja l-età tenera tagħhom, għaddew minn ħafna wġigħ f’ħajjithom. Dak li wliedna jieħdu bħala ovvju, ħafna drabi dawn it-tfal qatt ma jkunu biss ħolmuh, aħseb u ara gawdewh. Huwa għalhekk li disa’ snin ilu twaqqfet, Children Dreams Malta, website fejn fiha jinġabar il-ħolm kollu tat-tfal li jinsabu fi djar tat-tfal f’Malta u oħrajn li jinsabu jgħixu mal-familji tagħhom u li wkoll jesperjenzaw diffikultajiet f’ħajjithom.
Dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kampanja huma mitluba jżuru s-sit, www.childrendreamsmalta. org u jaraw il-ħolm kollu tat-tfal. Minn hemm jagħżlu ħolma, jidħlu fuq din l-istess ħolma sabiex isibu iktar informazzjoni, u jħallu d-dettalji tagħhom. Malli jagħmlu hekk, dik il-ħolma ma tibqax tidher fis-sit u l-ħolma tkun f’idejhom sabiex titwettaq. Huma jiġu mitluba sabiex jixtru din l-istess ħolma u jwassluha ġewwa l-uffiċini tagħna, fil-Mosta. Minn hawnhekk, il-professjonisti tagħna jwasslu dan ir-rigal għand it-tfal.
Ingħaqad mal-mijiet ta’ individwi u kumpaniji, li ta’ kull sena jaqtgħu x-xewqat ta’ dawn it-tfal, u agħmel tmiem is-sena 2021 wieħed sinifikanti bil-ġest tiegħek.
*L-ismijiet inbidlu biex nipproteġu l-identità tagħhom.
Kuntatt: Remenda Grech, Children Dreams Malta, C/O Triq l-Għasel, Mosta. M: 9928 2198/ 9934 5129/ 2169 5585; E: childrendreams@gov.mt; W: www. childrendreamsmalta.org; F: Children Dreams Malta