6 minute read
Is-saħħa kollox – Artiklu fuq is-saħħa
from GWIDA October 2021
IS-SAĦĦA KOLLOX!
Din il-frażi nisimgħuha spiss. Nafu illi jekk ma nħossuniex f’saħħitna l-kwalità tal-ħajja li ngħixu, il-kuntentizza tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna u diversi aspetti oħrajn li aħna mdawrin bihom f’ħajjitna, ser jiġu affetwati. Il-kwalità tal-ħajja li ngħixu tinbidel magħna, ma’ dak li nkunu qegħdin nagħmlu, ma’ kif inħossuna, u għalhekk mas-saħħa tagħna wkoll. Saħħitna hija verament parti essenzjali tal-ħajja li ngħixu. Min jgħix il-ħajja b’mod mgħaġġel forsi iżjed minn ħaddieħor, min dejjem għaddej minn ħaġa għal oħra bla waqfien, min jieħu l-ħajja kemxejn iżjed bil-mod, u min tant dejjem għaddej li kważi anka meta ma jħossux f’sikktu jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Lanqas nirrealizzaw li fejn tidħol is-saħħa ma joqgħod xejn u kif ukoll, li kollha kemm aħna ninsabu taħt sema waħda. Minħabba dan kollu li nkunu għaddejjin minnu, u anka minħabba li xi wħud minna ma jafux joqogħdu ftit għall-kwiet, huwa faċli li wieħed jitraskura saħħtu u anka xi ħjiliet li ġisimna stess ikun qed jgħaddilna sabiex nieħdu ħsieb, għaliex ġieli ajma hawn, u ġieli ajma hemm.
Advertisement
X’ser nagħmlu sabiex nieħdu ħsieb tassew saħħitna b’modi sempliċi wkoll?
Nibdew billi naraw daqsxejn x’inhuma dawk l-affarijiet sempliċi immens li wieħed għandu jagħmel sabiex jieħu ħsieb saħħtu hekk kif issa, minn hawn u ftit ieħor, nibdew nesperjenzaw ukoll xi tibdil fit-temp f’gżiritna. Is-suġġerimenti li ser insemmi jista’ jagħmilhom kulħadd. Forsi ser taqraw xi affarijiet li diġà intom konxji tagħhom. Is-sigriet huwa li nipprattikawhom iżjed sakemm isiru
parti mir-rutina tagħna, sew jekk hi rutina mgħaġġla, u sew jekk hi rutina xi ftit iktar kajmana. Mela tlaqna. Ser insemmu ħames affarijiet li iktar kemm nipprattikawhom, iktar qegħdin ngħinu lilna nfusna, u wara kollox lissaħħa tagħna, li bħalma semmejna, hija parti sinifikanti tal-ħajja li ngħixu.
1. Nixorbu l-ilma! Fis-sajf jgħidulna biex nixorbu l-ilma. Però l-ilma tajjeb u għandna nixorbuh is-sena kollha! Li nixorbu l-ilma tgħin lis-saħħa tagħna f’numru ta’aspetti u dawn huma xi ftit minnhom: l-ilma jgħin sabiex imexxi l-ossiġnu u n-nutrijenti madwar ġisimna, jgħin fil-proċess tad-diġestjoni, jipproteġi l-ġogi, jipproteġi l-organi, jistabilizza t-taħbit tal-qalb, jgħinna nieħdu n-nifs u jgħin sabiex jirregola t-temperatura tal-ġisem fost oħrajn. Huwa għalhekk importanti li naraw li matul il-ġurnata qegħdin nixorbu tazza ilma kultant ħin.
2. Żomm ruħek nadif jew nadifa! Żomm il-mikrobi ’l bogħod billi tgħatti ħalqek meta tisgħol jew meta tagħtas. Importanti li naħslu jdejna sewwa u mhux ta’ malajr għaliex inkella jkun kollu ta’ xejn. Importanti li ninħaslu kuljum u nbiddlu fi ħwejjeġ nodfa kuljum ukoll.
3. Nieklu dieta bbilanċjata. Ġisimna huwa bħal magna li taħdem b’mod l-iktar effettiv meta min jieħu ħsiebha jagħmel dan sew, jara li ma jkun jonqosha xejn, u li dak li qed itiha sabiex taħdem tajjeb huwa l-aħjar prodott għaliha. L-istess il-ġisem tal-bniedem. Għandna nieklu ikel li fih antiossidanti. Dawn huma nutrijenti li jsaħħu s-sistema immunitarja tal-ġisem u fosthom insibu l-vitamina Ċ u l-vitamina E. Diversi frott u ħxejjex fihom dawn il-vitamini bħal pereżempju l-larinġ, il-pastard, il-frawli, it-tadam, il-piżelli u l-brokkoli, fost oħrajn.
4. Nilbsu adegwat ! It-temp ma toħodlux kopja. Din frażi oħra li nisimgħuha spiss. Kif jibda jaqleb għal temp xitwi, filli nħossu s-sħana u filli nibdew inħossu l-bard. Idea tajba sabiex ma ninqabdux f’temp kiesaħ li ma nkunux preparajna għalih, hija li nilbsu l-ħwejjeġ f’saffi u li nġorru magħna xi flokk sabiex nilbsuh ukoll f’każ illi nkunu barra u t-temp jaqleb f’salt. 5. Naraw li nieħdu l-mistrieħ li jkollna bżonn. Bdejna dan l-aritklu billi semmejna l-ħajja u l-mod ta’ kif xi wħud jgħixuha b’mod mgħaġġel tassew. Però rridu nieqfu ftit u nieħdu ħsieb is-sigħat tal-irqad. Ma jgħinx lis-saħħa tagħna li noqogħdu fuq ħames sigħat ta’ rqad. Għandna norqdu bejn seba’ u tmien sigħat kuljum, u dan sabiex kemm nistrieħu però kif ukoll sabiex insaħħu s-sistema immunitarja tagħna. Din hija dik is-sistema li tipproteġi lilna stess mill-mard, għalhekk jeħtieġ li aħna nieħdu ħsiebha!
Kif ser nipprevjenu lilna nfusna kemm mid-deni u kif ukoll mill-influwenza?
Għal darba oħra, hemm diversi affarijiet li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel sabiex jilqa’ kemm mid-deni u kif ukoll mill-influwenza.
X’inhu d-deni ? Id-deni ħafna drabi jirriżulta minħabba infezzjoni, u dan iwassal sabiex
it-temperatura tal-ġisem titla’. B’mod normali, ittemperatura tal-ġisem taqra bejn wieħed u ieħor 37 gradi celsius.
Sabiex nevitaw id-deni, huwa importanti wkoll li nixorbu l-ilma, u nevitaw xorb li jista’ jwassal għal deidrazzjoni minflok, bħal kafè, te jew xorb alkoħoliku. Il-mistrieħ huwa essenzjali wkoll. Sabiex nevitaw id-deni għandna wkoll inżommu lilna nfusna nodfa, naħslu jdejna spiss speċjalment qabel ma nieklu u wara li nkunu ltqajna ma’ nies oħrajn, għandna nġorru magħna sanitizer tal-idejn, nevitaw li mmissu għajnejna, imneħirna u ħalqna, u kif ukoll milli nissellfu tazzi u pożati mingħand ħaddieħor.
L-influwenza. L-influwenza hija marda respiratorja kkawżata minn viruses tal-influwenza. Ta’ kuljum hemm affarijiet li wieħed għandu jagħmel sabiex jieħu ħsieb kemm tiegħu nnifsu, kif ukoll ta’ dawk ta’ madwaru. Dawn huma affarijiet sempliċi immens però nuqqas ta’ attenzjoni kapaċi jwassal għal mard mhux mistenni u li jista’ jiġi evitat ukoll. Xi ftit punti li wieħed għandu jsegwi jinkludu: nevitaw kuntatt dirett ma’ nies bl-influwenza, nibqgħu d-dar jekk għandna l-influwenza sew aħna l-adulti u kif ukoll it-tfal, naħslu jdejna spiss u sew, nieklu ikel bnin, nieħdu l-mistrieħ li hemm bżonn, u fuq kollox inżommu lilna nfusna pożittivi.
Rajna diversi punti simili u li jolqtu aspetti differenti, hekk kif il-ħasil tal-idejn pereżempju, jilqa’ kemm middeni, kemm mill-influwenza u anka b’mod iktar ġenerali għas-saħħa tagħna. Rajna ukoll kif permezz ta’ affarijiet żgħar u sempliċi, wieħed kapaċi jieħu ħsieb iktar kemm ta’ saħħtu u kif ukoll ta’ saħħet il-familja u l-maħbubin tiegħu jew tagħha. Kif għedna fil-bidu, is-sigriet huwa li dawn l-azzjonijiet sempliċi nidrawhom tant li jsiru parti mir-rutina tagħna.
Rimedji naturali
Huma diversi dawk ir-rimedji naturali li sew jipprevjenu u sew ifejqu. Ser insemmi xi wħud u għal xiex huma effettivi.
It-tewm nej fih diversi proprjetajiet antimikrobiċi li jgħinu lill-ġisem sabiex jikkumbatti s-sogħla, uġigħ filgriżmejn u anke bronkite. Ir-rummien, frotta popolari immens, hija frotta mimlija antiossidanti li tagħti ħafna iżjed saħħa lis-sistema immunitarja tagħna permezz ta’ dawn in-nutrijenti. Xi ngħidu għall-għasel? Dan huwa wieħed mill-prodotti naturali li għandek kemm għandek żmien, tista’ tieħu minnu u mhu ser jagħmillek xejn għajr li jsaħħaħlek is-sistema immunitarja tiegħek minħabba li huwa mimli wkoll b’antiossidanti kif ukoll minħabba li huwa wkoll antimikrobiku. It-turmeric huwa wieħed mill-ħwawar tajjeb kemm għal kontra l-uġigħ u kif ukoll l-infjammazzjoni, filwaqt li z-zekka tgħin kemm il-proċess tad-diġestjoni u kif ukoll kontra l-uġigħ fil-muskoli. Illavanda, pjanta li ġejja mill-familja taz-zekka, tgħin ħafna lil dawk li jbatu minn uġigħ ta’ ras sever kif ukoll lil dawk li jesperjenzaw ansjetà. Din tinstab ukoll f’forma ta’ żejt.
Hekk rajna fergħa wiesgħa u vasta kemm ta’ affarijiet li nistgħu nagħmlu u nwettqu kif ukoll prodotti naturali li nsibuhom fid-djar tagħna li huma tajbin ħafna għal saħħitna. B’tibdiliet żgħar fil-ħajja tagħna u anka bi ftit iżjed attenzjoni, kapaċi nagħrfu li nistgħu verament nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna. Il-ġisem tal-bniedem jinkorpora fih kemm l-aspett fiżiku u kif ukoll dak mentali, it-tnejn li huma jaffettwaw lil xulxin, u ma jgħaddux mingħajr xulxin lanqas. Għalhekk inżommu f’moħħna li kull pass li nagħmlu qiegħed jaffettwana globalment, qiegħed jaffettwa saħħitna u dak kollu li din tiġbor fi ħdanha.