Editorjal
GĦAJNEJN ILEQQU BL-IMĦABBA “Jitkellem jonqsu!”. Ma ngħoddx kemm-il darba għedt din il-frażi għall-kelb tiegħi. Kemm ilu d-dar ħlief ferħ ma ġabx miegħu. Jekk toħroġ mid-dar għal ħames minuti għax tkun ħallejt xi ħaġa fil-karozza jew imqar sakemm toħroġ tiċċekja l-posta, jerġa’ jifraħ bik xħin tiftaħ il-bieb daqslikieku ilu ma jarak wisq aktar minn ħames minuti. Jitla’ miegħek, jimliek bil-pil li bħal-labra jaqbad ma’ ħwejġek, iġebbed fi ħwejġek, jilgħaqlek wiċċek, jolqtok b’denbu li kultant iweġġgħak, insomma, f’kelma waħda, jew aħjar tnejn, imħabba u lealtà assoluta. Insejt insemmi wkoll li sabiex
60 GWIDA Ottubru 2021
jonorak bil-preżenza kbira tiegħu, għaliex dan il-kelb tiegħi jiżen ftit kilos mhux ħażin, jitmattar fejn saqajk, u jidħol bejn idejk u l-mejda tal-ikel bi mnieħru mxarrab bl-intenzjoni ċara, u b’ħafna attenzjoni, sabiex jurik li qed jarak tiekol. Jagħmel dan biex ifakkrek li trid jew ma tridx, ser ikollok tħallilu l-aħħar naqra tal-ikel li għandek fil-platt. Intom kollha li qegħdin taqraw dan l-artiklu u għandkom xi annimal fid-dar tagħkom, żgur li dan li għadni kemm qsamt magħkom rigward l-esperjenza mal-kelb tiegħi, tesperjenzawh intom