5 minute read

Intervista ma’ Jason Micallef – Chairman ta’ ONE

JASON MICALLEF

Nitkellmu maċ-chairman ta’ ONE fuq l-iskeda l-ġdida

Advertisement

Fis-26 ta’ Settembru ġiet imnedija l-iskeda tal-ħarifa ta’ ONE. Tkellimna maċ-chairman Jason Micallef fuq din l-iskeda.

Tgħidilna ftit fuq il-programmi li wieħed għandu jistenna mill-iskeda l-ġdida?

Din l-iskeda tal-ħarifa dejjem iġġib sfidi kbar magħha. Sfidi partikolari, staġun wara l-ieħor! Tkun tixtieq iżżomm il-programmi popolari kemm jista’ jkun li jkunu niżlu tajjeb man-nies, iżda tkun trid turi tiġdid mill-istaġun għall-ieħor fl-istazzjon. Din l-iskeda hija waħda partikolari għax bil-mod il-mod qed noħorġu mill-pandemija li ħassejnieha ħafna. L-istazzjonijiet awdjoviżivi kollha ħadu daqqa ta’ ħarta kbira f’dak li għandu x’jaqsam ma’ introjtu. F’din l-iskeda ta’ post covid żammejna l-programmi stabbiliti popolari iżda qed nintroduċu programmi ġodda.

Mill-istaġun tal-ħarifa wieħed seta’ jara dehra kompletament ġdida fis-sett ta’ programmi partikolari. L-aħbarijiet, Pjazza, Awla u ONE Breakfast fost l-oħrajn għandhom dehra ġdida kemm fis-sett u anke fil-viżwal. Kull nhar ta’ Tlieta live fid-9:00 ta’ filgħaxija ser nintroduċu programm ġdid bl-

isem ta’ Taf x’qed ngħidu!. Dan ser ikun preżentat mill-ġurnalist ta’ ONE, Samuel Lucas. Għandek programmi ġodda fis-settur tal-kultura. Dawn ikunu għaddew minn applikazzjoni ta’ KulturaTV. F’wieħed minn dawn il-programmi ser jiġi interpretat għatteleviżjoni l-ewwel ktieb tar-riċetti tradizzjonali Maltin. Interessanti ħafna u għal qalbi ħafna.

Fil-faxxa ta’ programmi ta’ filgħaxija, Owen Bonnici ser jirritorna bil-programm Primetime. Claire Aguis Ordway ser ikollha Reboot u Claire Agius Sparling ser tirritorna b’ The Local Traveller. Għandna wkoll drama partikolari ħafna! Division 7 waslet fi tmiemha fl-istaġun li għadda. Jason Zerafa minn DBA li kien il-produttur ta’ din id-drama flimkien ma’ Carlos Farrugia minn Freespirit ingħaqdu flimkien biex itellgħu drama ġdida. Din id-drama se tintwera kull nhar ta’ Erbgħa. ONE għal tant snin dejjem ta opportunitajiet ġodda lill-artisti lokali u f’din iddrama ser naraw uċuħ ġodda.

Apparti l-programm Aranissa li ser jibqa’ jixxandar kull nhar ta’ Sibt, Joseph Chetcuti ħadem fuq produzzjoni eċċellenti ħafna li ser tkun qed tixxandar is-sena d-dieħla. Din ser ikun jisimha Brillanti. Wara li saret sejħa għal artisti u mużiċisti mix-xena klassika, kien hemm numru sostanzjali ta’ sottomissjonijiet u nista’ ngħid li din hi kompetizzjoni li rari rajna f’pajjiżna. It-talent li rajt f’din il-kompetizzjoni kien wieħed għoli ħafna. Il-premju finali hu ta’ €10,000 fi flus kontanti u hemm borża ta’ studju għal min jirbaħ. Ser ikun hemm wkoll opportunitajiet ta’ kunċerti barra mill-pajjiż. Brillanti ser ikollu tim ta’ ġurija professjonali ħafna, fosthom is-surmast Wayne Marshall bħala chair judge, persuna ta’ awtorità tremenda internazzjonalment. Riċenti dan is-surmast għadu kemm ingħata mertu mir-reġina u ser ikun parti mill-ġurija. Bqajt impressjonat bl-ammont ta’ tenuri, artisti, soprani, vjolinisti li ser ikunu qed jikkompetu għal dan il-premju.

Jirritorna minn Ottubru s-sensiela ta’ satira; Min Imissu!? Qed inħarsu ’l quddiem biex jikkonsolida s-suċċess li kiseb. Din hija sensiela għal qalbna ħafna u nemmnu li dan ser ikun wieħed mill-programmi l-aktar segwiti fuq l-istazzjon tagħna. Ser jerġa’

jixxandar il-Ġimgħa fi primetime b’repetizzjoni l-Ħadd wara l-attivitajiet politiċi li jkollna tard filgħaxija.

Minn April ser jirritorna Liquorish u bħalissa diġà qed jaħdmu fuq il-programm. Din is-sena, kif qalu tajjeb Andrea u Joseph, ser ikollu kunċett ġdid.

Għal dawk li jħobbu l-isport hemm Żona Sport u L-Argument li ser jibqgħu fl-iskeda. Espresso, Kalamita u Dak li jgħodd ser jirritornaw ukoll. Għandna programmi mtellgħin minn żgħażagħ li ser jiddebuttaw fuq it-televiżjoni, fosthom żewġ żgħażagħ li ser jiddebuttaw bil-programm Rekked. Dan il-programm jinkludi avventura permezz ta’ karozzi tal-ġiri. Programm ġovanili ħafna u ser jolqot firxa wiesgħa ta’ udjenza. Il-fitness trainer popolari, Mariano, ser ikun qed imexxi programm ta’ kuljum b’eżerċizzji li wieħed jista’ jagħmel.

Minħabba li resqin lejn elezzjoni ġenerali, l-iskeda ser ikollha ammont ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. L-ispazju lejn dak il-ġeneru ser ikun qed jikber f’din l-iskeda.

Tgħidilna ftit fuq id-drama ta’ ONE?

Il-mod kif Carlos Farrugia, Joe Galea u Jason Zerafa ngħaqdu għal dan il-proġett, u kif resqu talenti ġodda u oħrajn stabiliti hu wieħed interessanti. Kulħadd jaf kemm Division 7 kien suċċess u din id-drama m’għandhiex ma tkunx l-istess.

Kif tiżgura li ONE jkompli jżid il-kwalità tiegħu?

Niżgurawha billi noqogħdu ħafna attenti għad-dettall. L-investiment fl-istazzjon tagħna hu kontinwu. Aħna l-unika stazzjon li jxandar b’4K. L-unika stazzjon li għandu l-outside broadcasting vann tiegħu li jittrażmetti, jirrekordja u jxandar

4K, jiġfieri kwalità ta’ stampa ċara immens. Fil-fehma tiegħi, it-teknoloġija aġġornata tagħtik garanzija ta’ kwalità professjonali ħafna. Apparti minn dan, ser inkunu qed nagħtu dehra kompletament ġdida f’dak li għandu x’jaqsam ma’ jingles, reklami... L-udjenza tista’ tara sens ta’ tiġdid; li ONE dejjem baqa’ fuq quddiem nett, u dejjem baqa’ jiġġedded.

Issegwi x’qed jagħmlu stazzjonijiet oħra?

Dażgur u allaħares ma jsirx dan. L-istazzjonijiet huma l-kompetituri tagħna fis-settur tagħna. Nirċievu wkoll rivisti li aħna abbonati magħhom dwar ix-xena televiżiva ta’ barra minn Malta. Insegwi wkoll b’mod dirett ilprogrammi kemm fuq l-istazzjonijiet privati u dawk fuq l-istazzjon nazzjonali. Nilmenta għax l-istazzjonijiet privati u kummerċjali qegħdin fi żvantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ntrojtu. L-istazzjon nazzjonali jkollu dħul minn service obligation money ta’ kważi €6 miljuni fis-sena, jiġifieri €30 miljun fuq medda ta’ ħames snin. Naħseb li din tpoġġina f’kompetizzjoni inġusta ħafna. Madanakollu din ma taqtgħalniex qalbna, nibqgħu għaddejjin u nibqgħu nattiraw produtturi stabiliti biex jaħdmu magħna.

X’inhu l-programm favorit tiegħek?

Ma naħsibx li għandi l-programm favorit, iżda din l-iskeda hija l-favorita tiegħi. Nemmen li hi b’saħħitha. Diffiċli li timmarka programm favorit. Il-programmi napprezzahom kollha. Il-producers sew dawk li jaħdmu magħna, kif ukoll dawk outsourced, napprezzahom ħafna għax din hija sfida kontinwa. Biex tipproduci, tippreżenta u xxandar programm, mhix xi ħaġa faċli. Inkun inġust ħafna li ngħid li għandi xi favorit. Naħdmu ħafna biex ikollna skeda li żżomm kumpanija lill-familji Maltin u Għawdxin kollha. Nemmen u nħossni pożittiv li din hija skeda tajba ħafna.

Tgħidli programm li jogħġbok fuq Net u fuq TVM?

L-aktar programmi li nara interessanti fuq NET huma d-dokumentarji li jtella’ Roderick Agius. Narah preżentatur u ġurnalist metikoluż ħafna. Roderick huwa xandar tajjeb ħafna.

Fuq TVM, il-kwalità tad-drama L-Għarusa kienet waħda għolja ħafna. Il-postproduction, id-dwal, ir-reċtar u l-iskript ta’ L-Għarusa kienu ta’ kwalità superjuri. Kellu standards għoljin ħafna li nawgura li kulħadd b’mod speċjali l-producers ta’ drama lokali jħarsu lejh. L-Għarusa fil-fehma tiegħi kien a finished product, kien tajjeb ħafna.

This article is from: