4 minute read
Pink October – Ix-xahar iddedikat għal għarfien dwar il-kanċer tas-sider
from GWIDA October 2021
PINK OCTOBER
Għażilt li nħalli t-titlu bl-Ingliż, għaliex x’titlu ser nagħmel li huwa sinonimu ma’ kulħadd jekk mhux Pink October ?
Advertisement
Ottubru huwa magħruf globalment bħala x-xahar fejn inżidu l-għarfien dwar il-kanċer fissider. Dan sabiex kemm iktar u iktar nies ikunu infurmati rigward dan it-tip ta’ kanċer, u anka sabiex tintwera solidarjetà ma’ dawk in-nies li jew għaddew minn din il-marda fil-ħajja tagħhom, jew li huma għaddejjin bil-kura għal dan il-kanċer filpreżent. Kemm huma sbieħ il-kelmiet globalment u solidarjetà. Affaxxinanti kif in-nies kollha madwar din id-dinja li ngħixu fiha, li bħal donna iktar kemm jgħaddi żmien iktar qiegħda ssir qisha pajjiż wieħed, juru solidarjetà ma’ ħuthom, li b’tant kuraġġ u qlubija jaffaċċjaw dan il-perjodu fil-ħajja tagħhom, li bla dubju jqanqal diversi emozzjonijiet ta’ biża’, ansjetà u inċertezza dwar dak li ser jiġri.
Żmien bħal dan iqanqal ukoll ħafna riflessjoni u għalhekk kemm hija xi ħaġa sabiħa l-kapaċità li għandu l-bniedem; dik li jingħaqad sabiex ilkuraġġ jinbidel f’kuraġġ kollettiv u mhux wieħed individwali, u kif ukoll sabiex is-saħħa fil-kelma tiżdied tant għaliex grupp ta’ nies ikun qiegħed jaħdem sabiex iwassal messaġġ ta’ għarfien, kuraġġ u tama.
F’ Ottubru ilbes il-kulur ir-roża
Hekk hu, fix-xahar ta’ Ottubru agħmel ċert li ta’ kuljum b’xi mod iddaħħal il-kulur roża f’dak li tkun liebes jew liebsa. Naraw studenti fl-iskejjel libsin xi ħaġa roża, jew xi ċoff roża mwaħħal maluniformi, u ġieli anka grupp ta’ kollegi fuq il-post tax-xogħol li jifthiemu li f’xi ġurnata partikolari fix-xahar ta’ Ottubru jilbsu r-roża. Kollegi fuq ix-xogħol anka jorganizzaw xi attività li permezz tagħha jiġbru mqar donazzjoni żgħira kemm hi żgħira li mbagħad tgħaddi lill- entitajiet lokali sabiex dawn ikomplu jaħdmu lejn aktar u aktar għarfien, tagħlim u prevenzjoni mill-kanċer fissider.
Charlotte Hayey u l-moviment
Charlotte Hayey, mara Amerikana li ħalliet din id-dinja fl-2014 fl-età ta’ 91 sena, iġġieldet ferm kontra l-marda tal-kanċer fis-sider. Fil-bidu tas-snin disgħin Hayey introduċiet il-kunċett ta’ żigarelli lewn il-ħawħ sabiex toħloq iżjed għarfien dwar dan il-kanċer. Ommha, bintha u anka oħtha kellhom din il-marda. Hija qassmet eluf minn dawn iż-żigarelli fi ħwienet madwar l-Amerika b’messaġġ magħhom li kien jgħid li persentaġġ żgħir wisq jintefaq sabiex ikun hawn iżjed għarfien rigward il-kanċer. Dawn l-eluf ta’ żigarelli ħadmithom kollha b’idejha fil-kamra tal-ikel fid-dar tagħha. B’dan kollu hija riedet tgħarraf lin-nies sabiex jilbsu din iż-żigarella biex b’hekk ilkoll flimkien jiġbdu l-attenzjoni tal-leġislaturi, bil-għan li flimkien jagħmlu d-differenza tant mistħoqqa u li hemm bżonn. Il-lewn taż-żigarelli maż-żmien inbidel għal dak roża, b’diversi jħarsu lejn dan il-kulur bħala kulur li huwa l-oppost ta’ dak kollu li ġġib magħha l-esperjenza tal-kanċer.
Diversi jesprimu kif il-kulur roża bħal jindika fejqan, serħan il-moħħ u kumdità. Minn hawn imbagħad evolva l-moviment li jindirizza l-għarfien dwar il-kanċer fis-sider, u li sar moviment magħruf mad-dinja kollha, b’diversi entitajiet jiċċelebraw ix-xahar ta’ Ottubru sabiex
joħolqu iżjed għarfien u informazzjoni. Diversi gruppi ta’ nies jaħdmu ferm sabiex issir iżjed riċerka rigward il-fejqan u anka l-prevenzjoni tal-kanċer fis-sider. Mas-snin kienu u huma diversi entitajiet li jaħdmu lejn dan il-moviment. Semmejna fil-bidu ta’ dan l-artiklu kif gruppi ta’ kollegi jistgħu jagħmlu donazzjoni lejn entitajiet lokali u anka internazzjonali sabiex issir iżjed riċerka. Wieħed jista’ wkoll jagħmel volontarjat u jagħti sapport lil dawk milqutin minn din il-marda. Li wieħed jeduka lilu nnifsu hija ta’ għajnuna ukoll sabiex jinħoloq dejjem iżjed għarfien, sabiex b’hekk dak li jkun, ikun jista’ jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu jew tagħha favur il-prevenzjoni tal-kanċer fis-sider. Dan kollu grazzi għall-qlubija ta’ Charlotte Hayey li b’vuċi soda ferm uriet realtà li konna għadna ma rajniex u m’esperjenzajniex. Kellha tkun il-qlubija ta’ din il-mara biex illum il-ġurnata għandna moviment b’saħħtu u xahar matul is-sena proprju ddedikat lejn il-fejqan, riċerka u prevenzjoni mill-kanċer fis-sider.
Kemm ilek ?
Kemm ilek ma tmur tiċċekja sidrek? X’għamilt bih l-appuntament li rċivejt fil-kaxxa tal-ittri? Tfajtu fuq xi xkaffa u ħallejtu hemm? Sadanittant diversi nisa madwar id-dinja għamlu l-istess u l-kanċer dam iżjed ma ġie misjub. Iva, inti, inti li qed taqra dan l-artiklu fir-rivista l-Gwida, jeħtieġ li tmur għal dak l-appuntament. Tista’ wkoll tieħu lil xi ħadd miegħek jekk ma tridx tmur waħdek. Diversi tobba u professjonisti lokali qegħdin hemm lesti sabiex iwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek, jinvistawk jew sabiex iserrħulek moħħok. Tħallix żmien jgħaddi. Saħħtek hija tiegħek u responsabbli tagħha inti biss. Fl-Ingilterra, bejn wieħed u ieħor sagħtejn ajruplan biss ’il bogħod minn pajjiżna, eluf ta’ nisa ma marrux għall-appuntament tal-mammogram minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Ser tibqa’ ma tmurx għall-appuntament minħabba l-pandemija? Ilkoll nafu x’għandna nagħmlu sabiex nipproteġu lilna nfusna mill-COVID-19 u għalhekk m’għandniex inħallu din ittellifna milli nattendu għal appuntament daqshekk importanti bħalma huwa dak tal-mammogram.
Jeħtieġ li tagħmel dak li hemm bżonn sabiex tassigura s-saħħa u l-kura tiegħek. Lokalment wieħed isib sapport minn divesi entitajiet li qegħdin hemm proprju bil-għan li jassistu lill- individwi sabiex il-vjaġġ tagħhom ikun mimli kuraġġ, determinazzjoni u mħabba lejn il-ħajja.