1 minute read

2. Il-pandemija tal-COVID-19

02

Il-Pandemija tal-COVID-19

2. IL-PANDEMIJA TAL-COVID-19 Il‑pandemija tal‑COVID‑19 li laqtet lil pajjiżna f’Marzu tal‑2020, baqgħet magħna. Bid‑differenza għas‑sena 2020, fejn l‑ebda resident ma ntlaqat minn dan il‑virus, ix‑xhur ta’ Frar u Marzu 2021 kienu l‑aktar xhur diffiċli għad‑Dar minħabba li l‑varjant Ingliż wassal biex kellna diversi każi ta’ residenti u ħaddiema li nstabu pożittivi għall‑COVID‑19.

2.1 Mewt ta’ Residenta bil‑COVID‑19 Sfortunatament, fl‑24 ta’ Frar 2021, residenta tad‑Dar tal‑Providenza, li kellha 30 sena, mietet kawża tal‑COVID‑19 fl‑isptar San Mark. Hija kienet instabet pożittiva għall‑COVID‑19 nhar it‑18 ta’ Frar f’testijiet ta’ rutina li tagħmel id‑Dar. Il‑funeral tagħha sar l‑għada l‑25 ta’ Frar fil‑Knisja Arċipretali tas‑Siġġiewi.

2.2 L‑Għoti tal‑Vaċċin Kontra l‑COVID‑19 Fid‑9 ta’ Frar 2021, l‑Awtorità għall‑Istandards tal‑Ħarsien Soċjali (SCSA) infurmatna bid‑dati ta’ meta r‑residenti, il‑ħaddiema u l‑volontiera tad‑Dar tal‑Providenza kienu ser jirċievu l‑vaċċin kontra l‑COVID‑19. Fil‑fatt, it‑Tnejn 15 ta’ Frar 2021 kienet l‑ewwel ġurnata meta bdejna nagħtu l‑vaċċin fid‑Dar. Dakinhar ingħataw 107 doża. Fit‑18, fit‑22 u fis‑26 ta’ Frar irnexxielna nagħtu l‑ewwel doża lil madwar 432 persuna li kienu jinkludu, residenti, ħaddiema u volontiera. Diversi infermieri u tobba taw l‑għajnuna tagħhom b’mod volontarju biex jingħataw dawn id‑dożi. Fit‑8, il‑11, il‑15 u d‑19 ta’ Marzu tajna t‑tieni doża tal‑vaċċin filwaqt li f’Novembru tajna l‑booster. 2.3 Kuntatt mal‑SCSA Matul din is‑sena, id‑Dar tal‑Providenza żammet kuntatt kontinwu mal‑Awtorità għall‑Kura tal‑Ħarsien Soċjali (SCSA) kif ukoll kompliet timplimenta d‑direttivi maħruġa minnha dwar miżuri ta’ mitigazzjoni.

2.4 Afflijament mal‑EASP Id‑Dar tal‑Providenza hija affiljata mal‑European Association of Service Providers for Persons with Disabilities li tirrappreżenta ’l fuq minn 15,000 servizz ta’ sapport għall‑persuni b’diżabilità mal‑Ewropa kollha.

This article is from: